Tirtirax. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tlieta u għoxrin Ħadd tas-Sena A

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla   

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”. Mt 18, 15-20

2. Riflessjoni/talba: 

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta.

Trid kuraġġ biex tersaq lejn ħuk li żbalja
biex tersaq lejn istituzzjonijiet li fallew.

Trid ukoll umiltà biex tmur ma’ ħaddieħor
biex tgħarbel il-motivazzjonijiet u l-perspettiva tiegħek.

Imma mistieden tmur biex tkun strument
tal-fejqan u tal-ġid li jixtieq jagħti Alla.

Irrifletti:
Fejn għandek bżonn tal-kuraġġ u tal-umiltà?

ii. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tmur għand il-komunità nisranija
mhux biex tifred lin-nies fi tribujiet, f’partiti
biex il-verità qatt ma toħroġ; anzi!
biex tidħol fl-esperjenza t’Alla u titgħallem minnu.

U żżomm lill-ieħor bħala “pagan jew pubblikan”
mhux biex tagħti timbru u teskludi lil dawk li Kristu fittex
imma għax tagħraf li mhux mistenni minnek li ssolvi kollox int.
Tieħux il-post ta’ Alla!

Irrifletti
Fejn mistenni tirċievi minn ħaddieħor?

iii. Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Hemm kontribut li tista’ tagħti –
lil ħuk, lis-soċjetà –
u x’ħasra jekk ma tagħtihx!
Sas-sema implikat fl-azzjoni tiegħek!

Hemm talb li tista’ tagħmel –
ma’ ħuk, mas-soċjeta –
li jqarribna aktar għax-xewqat profondi t’Alla,
u għal xulxin.

Irrifletti
Fejn mistieden tagħti kontribut?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading