IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 6 ta Settembru, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Il-Kelma t’Alla mħabbra fil-liturġija ta’ dan il-Ħadd toffrielna xi kriterji fundamentali ta’ ħsieb u azzjoni. Fl-ittra lir-Rumani naqraw li kull kmandament jinġabar f’dil-kelma –“Ħobb li għajrek bħalek innifsek” (Rum 13,9). San Pawl jinsisti fuq dal-punt b’tixbiha qawwija ħafna, li nsibuha wkoll fit-talba tal-Missierna. Infatti jikteb: “Tkunu obbligati lejn ħadd ħlief li tħobbu lil xulxin” (v.8).
Ġesù għallimna nitolbu għall-maħfra tad-djun u nipprattikawha. Madankollu, hemm dejn li għandna lejn xulxin — mingħajr ma nsiru lsiera tiegħu: id-dejn tal-imħabba reċiproka. L-attenzjoni, il-kura u t-tjubija kollha li rċevejna jagħmluna aktar ħielsa u jkattru fina l-ħila li nkunu responsabbli.
Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd, lil kull komunità nisranija Ġesù jissuġġerilha tal-anqas żewġ modi biex titħaddem l-imħabba reċiproka. L-ewwel li tikseb il-ħila tal-korrezzjoni fraterna. Hi arti delikata u wisq spiss minsija, li teħtieġ onestà u gradwalità. Inkellmu lil xulxin bis-sinċerità – l-ewwel rasimbras, imbagħad jekk ikun hemm bżonn, bejn tnejn jew tliet persuni, fl-aħħar, meta meħtieġ, mal-komuntà kollha kemm hi – ifisser li niffaċċjaw il-verità u l-problemi u l-kunflitti nittrasformawhom f’okkażjonijiet ta’ tkabbir. It-tgemgim u l-ilsien ħażin huma eħfef iżda ma jwasslu mkien u jipparalizzaw bosta sitwazzjonijiet. Iżda l-Evanġelju iħarriġna għal-libertà bil-karità.
Hemm imbagħad mod ieħor kif inħobbu fraternament, li għal Ġesù jittrasforma saħansitra t-talb: il-ftehim. Mhux biss meta hemm xi kunflitt iżda wkoll biex nitolbu xi don mingħand Alla. Il-Mulej jgħid: “Jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom” (Mt 17,19).
Din il-wegħda tissuġġerixxi li nistgħu naqsmu fllimkien xewqat, niket u tamiet komuni, u nikbru fl-għaqda permezz tat-talb. Mingħajr fidi, kulħadd jista’ jħossu iżolat u mimli suspetti fl-oħrajn għax iqishom għorba u għedewwa. Bi grazzja aħna aħwa li nistgħu nilħqu ftehim bejnietna: billi niltaqgħu flimkiem, naħfru ‘l xulxin u nisimgħu lil xuxlin fil-Mulej.
Nitolbu lil Marija, li wara t-tħabbira tal-anġlu marret tħaffef għand kuġinitha Eliżabetta, biex taqsam magħha l-ferħ u t-toqol tat-tqala, sabiex tgħallem lilna wkoll id-dmir ferrieħi tal-imħabba bejn l-aħwa.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
B’qalb tqila segwejt l-aħbarijiet dwar l-attakki vjolenti li reċentement laqtu diversi bliet u infrastrutturi ċivili fl-Ukrajna, li ħallew metja għadd ta’ persuni innoċenti. Qalbi tingħaqad mat-tbatija tal-popolazzjoni, li ilha snin tgħix fl-ansjetà u l-biża’. Nagħmel appell mill-ġdid biex tintemm il-vjolenza, tieqaf d-distruzzjoni u l-qlub jinfetħu għad-djalogu u għall-paċi! Nawgura li l-isforzi li bdew dal-ġranet biex jerġgħu jibdew in-negozjati, ikollhom frott konkret u jagħmlu l-wisa’ għad-diplomazija.
Nerfgħu talbna lejn il-Mulej sabiex fil-kunflitti kollha li hawn fid-dinja isaltan il-ftehim.
Nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi. Grazzi li tinsabu hawn! Insellem partikolarment lill-komunità tas-Seminarju inter-djoċesan “Studienhaus Sankt Lambert” minn Lantershofen, fil-Ġermanja.
Nilqa’ bil-ferħ lill-pellegrinaġġ mill-Parroċċa ta’ Sant’Ulderico Isqof, minn Musestre (Treviso), kif ukoll il-kor djoċesan minn Oppido Mamertina-Palmi, akkumpanjati mill-Isqof.
Aħna u nibdew ftit ftit l-attivitajiet ordinarji wara l-waqfa tas-sajf, nitolbu lill-Mulej biex jakkumpanjana u jsostnina bid-dawl tieegħu.
Nawgura lil kulħdd il-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
