Niżżel l-Adorazzjoni bħala PDF hawnhekk:
Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal adorazzjoni
O Trinita Qaddisa: Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, l-preżenza tiegħek timla l-univers kollu. L-preżenza tiegħek tinħass fil-fond ta’ qalbna. Mulej, iġbidna lejn il-Qalb Mqaddsa tiegħek, ħalli f’dan il-ħin prezzjuż, li ninsabu miġburin madwarek, nieqfu ftit mill-ħajja impenjattiva tagħna, u nsibu il-mistrieħ tagħna fl-imħabba tiegħek.
O Ġesù l-aktar Ħanin, li l-veru natura tiegħek hi li jkollok mogħdrija lejna u li taħfrilna, la tħarsix lejn dnubietna imma ħares lejn il-fiduċja li għandna fit-tjieba tiegħek bla qjies. Ilqagħna lkoll fil-Qalb wisq ħanina tiegħek, u tħallina qatt nitwarrbu minnek.
Missier Etern, dawwar il-ħarsa ħanina tiegħek fuq l-umanità kollha, l-iktar fuq l-imsejkna midinbin, li dawn huma miġburin ilkoll fil-Qalb l-iżjed ħanina ta’ Ġesù. F’ġieħ il-Passjoni ħarxa tiegħu, urina l-ħniena tiegħek, sabiex inkunu nistgħu nfaħħru l-qawwa bla qjies tal-ħniena tiegħek.
Silenzju 1min
“Ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. Illum, il-Mulej qed jagħmlilna din l-istedina importanti, li l-maħfra li aħna nesperjenzaw kontinwament minn Alla, titlob minn naħa tagħna, li naslu naħfru lil dik il-persuna li setgħet weġġgħatna intenzjonalment jew mhux b’intenzjoni. (5 sek pawsa)
O Spirtu Qaddis, ejja u agħtina l-għerf biex inkunu nistgħu nifhmu dak li llum qed jgħidilna Ġesù. Iftħilna qalbna beraħ O Spirtu Divin, u ibdel il-qalb iebsa tagħna u għamilha qalb mimlija ħniena, maħfra u mħabba.
Silenzju 2min
Innu:
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 18, 21-35
F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbħuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.
Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.
Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Inkunu qed ngħattu x-xemx bl-għarbiel jekk ngħidu li hija ħaġa ħafifa li taħfer ‘l min jagħmillek il-ħsara. Min xi darba kien imġarrab minn din it-tbatija tal-qalb, jista’ jifhem aħjar. Il-qalb muġugħa ma tirraġunax, ma tarax sewwa. L-uġigħ itappan il-moħħ.
Il-qawwa li taħfer tiġi mingħand Alla. Il-maħfra huwa suġġett li nitgħallmu fl-iskola ta’ Alla. Il-loġika tal-ġisem tagħna taħdem bil-maqlub. Il-qalb muġugħa bla Alla, twassal għar-rabja, għall-mibgħeda, għall-vendetta. (3 sek pawsa)
Il-maħfra mhix dgħufija. Huwa faċli tiġġieled milli taħfer. Huwa aktar iebes tħobb, milli tpattiha ‘l xi ħadd. In-nuqqas ta’ maħfra ittaqqal il-qalb. Għalhekk Ġesù, jitlob minna li rridu naħfru, għax il-maħfra isserrħilna moħħna u qalbna. Ejjew nitolbuh lill-Mulej, jagħtina l-grazzja li naħfru, u naħfru mill-qalb; ħalli verament ikollna l-ferħ u l-paċi tal-qalb. George Herbert, qal: “Min ma’ jistax jaħfer, ikun qiegħed ikisser pont, li fuqu xi darba jrid jgħaddi”.
Silenzju 2min
Ġesù, mhux biss talabna li naħfru, imma tagħna l-ikbar eżempju. Minn fuq is-salib, huwa ħafrilna, u ġġustifikana. Kristu miet fuq is-salib għalik u għalija, u bil-mewt tiegħu kiseb għalina l-maħfra totali mingħand Alla għal dnubietna kollha. Huwa jitlob minna, li għandna nħobbu u naħfru lil xulxin, anke “sa sebgħa għal sebgħin darba” – infinit.
Il-kundizzjoni essenzjali biex tkun Nisrani hija li nħobbu u naħfru lil xulxin, bl-istess mod kif Alla jaħfer lilna. Meta, nitolbu t-talba tal-Missierna, aħna lill-Missier inkunu qegħdin ngħidulu: “Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Nifhmu, x’inkunu qegħdin nitolbuh lill-Missier f’din it-talba? (10 sek pawsa)
Agħdirni Mulej, jekk għadni iebes u għadni fil-bidu tal-proċess li nibda naħfer, nitolbok agħtini l-grazzja, li nasal li naħfer mill-qalb, bħalma taħfer lili int.
Silenzju 3min
Innu:
Salm Responsorjarli
R/. Ħanin u twajjeb, il-Mulej!
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu. Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej, u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
R/. Ħanin u twajjeb, il-Mulej!
Hu jaħfer dnubietek kollha; ifejjaq il-mard tiegħek kollu; jifdi lil ħajtek mill-qabar; iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.
R/. Ħanin u twajjeb, il-Mulej!
Ma joqgħodx jitlewwem magħna, u anqas jinkorla għal dejjem. Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna; ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.
R/. Ħanin u twajjeb, il-Mulej!
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art, hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu; daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
R/. Ħanin u twajjeb, il-Mulej!
Kant: Dal Misteru