ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIR-REPUBBLIKA TA’ SAN MARINO,
“GĦAL-LAQGĦA GĦALL-ĦBIBERIJA BEJN IL-POPLI”
U F’RIMINI
LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
MAL-PARTEĊIPANTI TAS-47
“LAQGĦA GĦALL-ĦBIBERIJA BEJN IL-POPLI”
Fiera ta’ Rimini
Is-Sibt, 22 ta’ Awwissu, 2026
Tislima spontanja tal-Papa lill-Auditorium
Il-Jum it-tajjeb!
Ciao, ragazzi! Il-Jum it-tajjeb!
Ma tafux kemm hu sabiħ narakom ilkoll hawn flimkien. U hawn ġew m’hawnx kulħadd, anzi hawn ftit, għax in-naħa l-oħra hemm ħafna iktar. Bravi ħafna!
Grazzi, grazzi! L-applawsi qawwija għandhom ikunu għal Ġesù: aħna lkoll dixxipli ta’ Ġesù!
Grazzi! Hawnhekk hawn ħafna opportunitajiet biex nirriflettu fuq ħajjitna, dwar is-soċjetà, dwar il-fidi. Għadni kif rajt wirja dwar il-ħajja ta’ Santu Wistin, li tkellimna dwar l-imħabba.
L-imħabba hi l-qawwa li tista’ verament tibdel id-dinja. “Jekk aħna lkoll irridu nibdlu d-dinja, nibdew minna nfusna”, jgħid Santu Wistin. Qalbkom, qalbna, li hi tant kbira, b’tant ħila li tħobb, qatt m’għandha tibqa’ magħluqa. Infittxu lkoll it-triq li tmexxina flimkien biex nibnu dinja ta’ paċi u mħabba.
Grazzi lilkom! Komplu din il-mixja mill-isbaħ. Għejxu dejjem b’dan l-entużjażmu u taraw kif nistgħu verament nibnu dinja ta‘ paċi u mħabba.
Tanti auguri!
Tislima tal-Qdusija Tiegħu lill-villaġġ taż-żgħażagħ
Il-ġurnata t-tajba lil kulħadd!
Grazzi! Grazzi! Grazzi li tinsabu hawn; grazzi tal-akkoljenza u tal-entużjażmu li hu sinjal tal-Ispirtu!
Isimgħu ftit… Snin ilu San Ġwanni Pawlu II kien qal: “Jekk id-dinja tal-lum teħtieġ xi ħaġa, din hija l-komunjoni”
Illum ukoll nistgħu nibqgħu ntennu dal-kliem. U jekk għad ikun hawn komunjoni fid-dinja, din għandha tibda minnkom iż-żgħażagħ, għax intom tafu tibnuha l-komunjoni permezz tal-ħbiberija, tafu tirrispettaw lil xulxin biex tibnu l-paċi u d-dinja għandha bżonnkom, bżonn l-entużjażmu tagħkom, bżonn il-karità tagħkom, il-fedeltà tagħkom.
Alla jberikkom ilkoll u jalla tibqgħu dejjem fidili lejn Ġesù Kristu.
Diskors tal-Papa
Għeżież ħuti!
Jien hieni li qed niltaqa’ magħkom hawn f’Rimini, fl-ambjenti għeżież għalikom, għall-impenn, il-kreattività u d-djalogu li minn bosta snin ‘l hawn kapaċi toħolqu f’dan l-appuntament fi tmiem ix-xahar ta’ Awwissu. Irrodd ħajr lill-President Scholz u lil Dottor Prosperi għat-tislima li tawni.
F’dal-mument storiku nifhmu aktar fil-fond il-profezija li kważi nofs seklu ilu kienet tnaqqxet fl-isem mogħti lil dawn il-jiem: “Laqgħa għall-ħbiberija bejn il-popli”. Kif kien qalilkom San Ġwanni Pawlu II “biżżejjed tgħid dal-kliem biex titnissel l-hena fil-qalb: “Laqgħa!” “Laqgħa ta’ ħbiberija!” “Ħbiberija bejn il-popli!” Kliem li jikseb tifsir partikolari f’dawn is-siegħat drammatiċi tal-istorja tad-dinja” (Diskors fit-III Laqgħa għall-ħbiberija bejn il-popli, Rimini, 29 ta’ Awwissu, 1982).
Illum ukoll, il-paċi hi mħarsa u mxerrda minn persuni li jħobbu jiltaqgħu u ma jibżgħux jikkonfrontaw lil xulxin. Bl-Enċiklika Fratelli tutti, il-Papa Franġisku għallimna kif nikkultivaw il-ħbiberija soċjali, li tirrappreżenta l-wiċċ pubbliku, dinamiku u konkret tal-fraternità. Infatti, meta nagħrfu d-dinjità ta’ wlied Alla f’xulxin niġu f’kuntatt ma’ dak li oriġinarjament kien jgħaqqad il-bnedmin bejniethom, lil hinn minn kull diversità, separazzjoni jew kunflitt. Nistgħu nidħlu fiż-żarbun ta’ xulxin, nisimgħu lil xulxin u nsiru ħbieb bejn il-persuni u wkoll bejn il-popli. Qabel il-konfini, id-definizzjonijiet u l-istituzzjonijiet dejjem tiġi l-persuna. Dan l-għarfien hu l-qofol tal-kristjaneżmu: intom tafu dan għax edukawkom biex taqraw l-Evanġelju bħala rivelazzjoni ta’ Alla li jiġi jiltaqa’ magħna, bħala ġrajja, ħarsa, esperjenza li tqanqal mill-ġdid f’kulħadd ix-xewqa li jkun maħbub u li jħobb. B’hekk, “il-Laqgħa” ma bdiltuhiex f’xorta ta’ territorju iżolat; għall-kuntrarju, saret salib it-toroq għall-Knisja u għas-soċjetà, laqgħa li timmoltiplika l-laqgħat u tispira toroq ġodda.
Irroddu ħajr lill-Mulej għal dan il-wirt ħaj li lilkom jgħabbikom b’responsabbiltà storika kbira, fi ħdan komunjoni akbar li hi l-Knisja, bħala servizz għall-umanità mġewħa u għatxana għall-ġustizzja. Infatti, kif għallimna l-Konċilju Vatikan II, “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom” (Kost. Past. Gaudium et spes 1).
Iva, għeżież ħbieb, hi s-siegħa tar-responsabbiltà, speċjalment għal min irċieva ħafna minn tradizzjoni millenarja ta’ fidi li ssir kultura. L-edizzjonijiet “tal-Laqgħa”, fil-fatt, minn dan il-patrimonju kbir tal-imgħoddi għarfu jisiltu r-raġunijiet li llum jimpenjawkom fil-konfront tal-arti, tal-mużika, tal-letteratura, tax-xjenza, tal-ekonomija u ta’ kull espressjoni tal-ispirtu uman. It-tema stess ta’ dal-konfront magħżul għal din l-edizzjoni, meħud mill-aħħar vers tad-Divina Commedia, jerfagħna lejn l-istorja li Alla hu l-Mulej tagħha. “L-imħabba li tmexxi x-xemx u l-kwiekeb l-oħra”, ma għebitx, ma tilfitx l-enerġija, lanqas l-intensità, minkejja li hi mħabba li tagħżel li tibqa’ siekta, kuntrarju għall-qawwa tal-ħsejjes li joħolqu diżordni fl-art, fis-sema u f’kull ħlejqa.
Iva, l-imħabba tmexxi! “Hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex ”(Mt 5,45). B’dal mod Ġesù jiddeskrivi l-perfezzjoni ta’ Alla, u juri l-qabża kbira li hemm bejn l-aġir tiegħu u d-djuq tal-ħsibijiet umani. Ma kienx kumbinazzjoni li l-Predeċessuri tiegħi San Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisku, ilkoll indikaw il-ħniena divina bħala l-punt ta’ kuntatt bejn l-Evanġelju u l-“ħwejjeġ ġodda” ta’ din l-epoka drammatika u meraviljuża. Infatti, is-sekwela ta’ Ġesù wara t-traġedji u l-bidu mill-ġdid fis-seklu XX, timplika għarfien luċidu: il-ħażin ma niġġildulux b’ħażen ieħor. Fis-sema kif ukoll fl-art, l-imħabba hi l-liġi tal-ħajja, il-metodu tar-redenzjoni, tal-Messija msallab. Ir-realiżmu falz li jaħkem l-imħuħ, il-kliem u n-nazzjonijiet, il-kultura kattolika topponih bir-realiżmu tal-ħniena, li għaliha qatt mhemm għedewwa u lkoll, anki l-avversarji, aħna aħwa li nħarsu f’għajnejn xulxin u niltaqgħu fil-verità. Id-dnub jeżisti, ċertament, iżda l-imħabba ta’ Kristu Redentur hi ferm aqwa, hi impenn biex insaffu ħsibijietna, l-interessi, id-drawwiet, il-frekwetazzjoni, il-proġetti, l-investimenti – kull aspett tal-ħajja – kulma niġġset il-kultura tal-poter.
Fostkom mhumiex neqsin il-ħila, ir-responsabbiltà u r-riżorsi biex jitqiegħdu għas-servizz ta’ konverżkoni awtentika ta’ poplu. “L-ossessjoni li nippreservaw il-glorja personali, id-dinjità personali, l-influwenza tagħna, qatt m’għandha tifforma parti mis-sentimenti tagħna. Aħna għandna niġru wara l-glorja t’Alla, u din ma taqbilx ma’ tagħna. Il-glorja t’Alla li tgħammex fl-umiltà tal-grotta ta’ Betlem jew fid-diżunur tas-salib ta’ Kristu, tissorprendina dejjem” (Franġisku Diskors lill-V Konvenju Nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze, 10 ta’ Novembru, 2015). Għalhekk il-konvivenza nilliberawha mis-suspett, il-kultura mill-prepotenza, l-edukazzjoni mill-ideoloġija, ix-xogħol mill-idolatrija tal-profitt, it-teknoloġija u l-finanzi min-negozju tal-mewt. Ejjew inċarrtu l-maskra tar-relazzjonijiet inġusti tal-poter, l-għeruq tal-faqar u d-diżugwaljanzi, tal-gwerer u d-diżastri ambjentali billi nibdew mill-organizzazzjonijiet li ħloqna u li noperaw fihom. Ejjew niddiżarmaw l-iżvilupp tekonoloġiku meta jinvadi u jeqred. Hemm bżonn pijunjieri kuraġġużi, li jibdew billi jibdlu r-rotta personali tagħhom ħalli l-konverżjoni mitluba minn kulħadd tkun konvinċenti u kredibbli.
M’għandux ikun hemm biss min jonfoħ fuq in-nar tal-għejja u d-disperazzjoni; għandu jkun hemm ukoll min jerġa’ jkebbes il-ħolm u l-viżjoni! Iż-żewġ toroq huma inkompatibbli għal xulxin, għax waħda tisfrutta l-firda, l-aljenazzjoni u d-disperazzjoni, l-oħra hi qaddejja tas-Saltna t’Alla u tal-ġustizzja tiegħu. “F’dinja fejn naraw tant manuvri jimmiraw kif se jikkonkwistaw swieq u spazji ta’ influwenza, spiss imlibbsa b’retorika rassiguranti u kostruzzjonijiet ideoloġiċi li jħajru, il-qalb tagħna tħoss il-bżonn li tiskopri pjan differenti, għaref u twajjeb, jixbah lil dak li Marija tikkontempla fil-Magnificat, meta tipproklama li l-ħniena ta’ Alla tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Dan il-pjan ta’ ħniena jinsab għaddej mill-istorja llum ukoll, fit-toroq mill-aktar mgħaġġla u mħawda mmarkati mill-algoritmi u mix-xbieki globali, u jsir il-boxxla għal ħajja evanġelika fl-era diġitali. Fil-qalba ta’ kollox hemm il-misteru tal-Inkarnazzjoni” (Enċ. Magnifica humanitas, 230-231).
Għeżież ħbieb, is-sbuħija diżarmata ta’ dal-Misteru titlob minna “ir-riskju edukattiv” li kien kellimkom dwaru Don Giussani. L-intwizzjoni tiegħu kienet li “l-metodu edukattiv li jagħmel l-aktar ġid mhux dak li jgħix jaħrab mir-realtà, biex jafferma t-tajjeb b’mod iżolat, imma pjuttost hu dak li jgħix jippromwovi l-ġid fid-dinja (1). U kien jinsisti: “‘Fid-dinja’ jfisser li l-konfront isir mar-realtà sħiħa, konfront riskjuz, jekk irridu nsejħulu hekk; imma jkun aktar floku ngħidu li hu impenjattiv” (2). Ħuti, nerfgħuha dir-responsabbiltà li hi impenn ma’ Kristu u impenn mad-dinja tagħna!
Għeżież żgħażagħ hawnhekk tinsabu numerużi, ħafna fostkom bħala volontarji. Intom sinjal li l-futur hu wegħda mhux theddida! Ħafna dan ma jemmnuhx aktar, kemm fost l-adulti u fost iż-żgħażagħ ukoll. Fis-skiet però, “l-imħabba li tmexxi x-xemx u l-kwiekeb l-oħra” għandha timliena bit-tama. Ħassejt dan intensament meta kont ma’ żgħażagħ tamparkom fil-Libanu, fl-Afrika u fi Spanja. Jalla l-Moviment, il-gruppi u l-komunitajiet iservu ta’ molla biex titwaħħdu mar-realtà tad-dinja ta’ madwarkom. Irreżistu kull ħaġa li tbegħedkom minn ħutkom ta’ kulturi, sensibilitajiet u oriġini differenti, speċjalment dawk l-aktar foqra. Minflok, oħorġu u ltaqgħu ma’ kulħadd!
F’kull latitudni, partikolament fit-truf u fost min hu batut, issibu lil min hu lest jibni civiltà tal-imħabba. Tħallu lil ħadd jiżvaluta dil-kelma, li hi isem Alla nnifsu: “Alla hu mħabba” (1 Ġw 4,16). Fl-imħabba qatt mhemm sfurzar, indottrinazzjoni; qatt seduzzjoni, ingann, reklutaġġ. Hemm imħabba biss fil-libertà, fl-impenn ħaj u fl-għotja personali bil-ġenerożita.
Għeżież żgħażagħ, illum id-dinja donnha tistagħġeb bir-rabta tagħkom ma’ Kristu, bil-ġibda tagħkom lejh u lejn Kelmtu, li intom parti mill-Knisja. Illum, għal ħafna hi sorpriża li intom insara! Mandankollu, bla ebda storbju “il-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien” (1Tess 1,8). Dan kitbu San Pawl lill-komunità mill-aktar żgħażugħa ta’ Tessalonika. U kompla: “b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn” (ibid.). Mhix kwistjonni ta’ numri, minkejja li huma ta’ tqanqil għal eluf ta’ żgħażagħ tamparkom li qed jitolbu l-Magħmudija f’soċjetajiet meqjusa mill-aktar sekularizzati fid-dinja. Hi kwistjoni ta’ libertà: il-verità niltaqgħu magħha biss fil-libertà.
Qed nifhmu dan dejjem aħjar, fil-qafas ta’ ċirkostanzi storiċi li jqajmu mill-ġdid il-mistoqsijiet profondament umani u x-xewqa bla tarf għat-tifsira tas-sens, tal-ġustizzja u tal-paċi. B’hekk, ċertu telf ta’ influwenza, li aħna l-adulti forsi bżajna minnu u ġġilidna, kellu jurina li nistgħu nagħtu valur akbar lill-qawwa tal-Evanġelju: ir-rabtiet li joħloq, il-loġika li jqanqal u l-ħajja li jnissel. Kif tennew kemm-il darba l-Predeċessuri tiegħi, “il-Knisja ma tfittixx il-prożelitiżmu. Pjuttost, it-tkabbir tagħha hu frott l-attrazzjoni” (3). Hi l-attrazzjoni tal-mod kif tgħammar fid-dinja. A propożitu ta’ dan, Don Giussani kien jistaqsi b’mod provokatorju: “Nistgħu ngħixu b’dal-mod?” (4)
Min-naħa l-oħra, sa mill-bidu tat-tieni seklu, l-awtur anonimu tal-Ittra lil Dijonjetu għaraf li l-insara “ “jħaddnu stil ta’ ħajja mill-isbaħ u, bla dubju, paradossali” (V, 4). Bla dubju rridu nammettu li dan it-teżor inġorruh “f’ġarar tal-fuħħar” (cfr 2 Kor 4:7) u li l-kredibbiltà tax-xhieda personali u komunitarja tagħna spiss tkun immarkata mil-limitazzjonijiet u mid-dnub. Madankollu, huwa l-Mulej li dejjem jerfagħna, kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità!
Għeżież ħbieb, ħobbuha dejjem il-Knisja! Ħobbu u seddqu l-għaqda. Ta’ min itennieha din “Ħobbuha dejjem il-Knisja!” Għeżież ħbieb, ħobbu u seddqu l-għaqda “tal-kumpanija” li permezz tagħha Kristu ltaqa’ magħkom u ġibidkom lejh. Kif kien qalilkom il-Papa Franġisku fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twelid tal-fundatur tagħkom, “il-mumenti diffiċi wkoll jistgħu jkunu waqtiet ta’ grazzja u jistgħu jkunu waqtiet ta’ twelid ġdid. Il-moviment Comunione e Liberazione twieled propju fi żmien ta’ kriżi, bħalma kienet is-sena ’68. Wara, Don Giussani ma ħalliex il-mumenti ta’ tranżizzjoni u tkabbir tal-Fratellanza jaqtgħulu qalbu, anzi ffaċċjahom b’kuraġġ evanġeliku, bil-fiduċja fi Kristu u f’għaqda mal-Knisja Omm” (Franġisku Diskors lill-membri tal-Moviment Comunione e liberazione 15 ta’Ottubru, 2022).
Mela, għeżież ħbieb, proprju qalb it-taħbit ta’ bidla epokali, f’din id-dinja mifnija minn bosta kriżijiet, nistgħu niskopru mill-ġdid “it-togħma spiritwali” li nkunu l-Poplu ta’ Alla, miġbur minn kull tribù, ilsien, poplu u nazzjon, li jgħix f’kuntesti u kulturi diversi […] li għadu miexi fiż-żmien u li diġà jinsab f’komunjoni mal-Knisja tas-sema” (Is-XVI-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, Dokument Finali, nu. 17). F’dawn l-aħħar snin skoprejna mill-ġdid id-dimensjoni sinodali u missjunarja tal-fatt li aħna Knisja, li, qabel kollox, issejħilna biex nitgħallmu nisimgħu lil xulxin. Id-don tas-smigħ, ħaġa li fil-fehma tiegħi, ilkoll napprezzaw, iżda li spiss intilef f’xi setturi tal-Knisja. Irridu nkomplu niskopru kemm hu prezzjuz, ibda mis-smigħ tal-Kelma t’Alla, is-smigħ reċiproku, is-smigħ tad-dehen li jinsab fil-bnedmin, fil-membri tal-Knisja u f’min qed ifittex il-verità iżda li għad mhux, jew forsi qatt mhu se jkun membru tal-Knisja” (Diskors lill-parteċipanti tal-Ġublew tal-Equipe sinodali u tal-Organiżmi tal-parteċipazzjoni, 24 ta’Ottubru,2025).
Hi mixja li titlob ukoll tiġdid ta’ kull realtà assoċjattiva u kull moviment ekkleżjali. Nistedinkom, kemm fi ħdan il-Moviment Comunione e Liberaione, kif ukoll fil-Knejjes partikolari li tiffurmaw parti minnhom, biex tagħmlu din l-esperjenza tal-mixja flimkien: kulħadd jisma’, iħalli l-fidi tal-ieħor tittrasformah, u flimkien, bit-tmexxija tar-ragħajja, jimmatura għarfien ġdid, jittieħdu passi ulterjuri, u jseħħu atti kuraġġużi ta’ ubbidjenza lejn l-Ispirtu s-Santu. Is-sinodalità mhix l-isem ta’ xi proċess, iżda n-natura ta’ poplu li, fil-ħbiberija u fil-laqgħa mal-ieħor, iħoss li hu biss ta’ Alla.
Hekk, l-awtorità tinbidel f’servizz li jonora d-diversità u jiffaċilita l-armonija. F’din l-epoka ta’ taqlib, dan l-istil hu propju, u verament is-sinjal taż-żmien.
Ejjew nagħtu xhieda li kull kariżma hija għall-ġid komuni, li kull don jimmoltiplika ruħu meta jinqasam ma’ ħaddieħor, u li kull biża’ tista’ tingħeleb: dan għandna nagħmluh tanġibbli, kredibbli u mixtieq. Għeżież ħbieb, intom tafu tagħmluh dan għax timxu fuq il-passi tal-fundatur tagħkom u tikkultivaw l-għaqda bejnietkom, ma’ dawk imsejħin biex imexxu l-Moviment, mas-Sede Appostolika li għarfitkom, u mas-Suċċessur ta’ Pietru. Jalla l-Ispirtu s-Santu jgħallimna kif inqiegħdu l-komunjoni fil-prattika. Jalla Hu jagħtina t-togħma tagħha, l-apprezzament tagħha u t-tama fiha. Għeżież ħuti, jalla nkomplu nkunu mmexxijin minn dik l-Imħabba “li tmexxi x-xemx u l-kwiekeb l-oħra.” Grazzi!
Grazzi! Grazzi!
Element fundamentali ta’ kull komunità nisranija hu t-talb. Għalhekk issa, nistieden lil kulħadd jitlob it-talba li għallimna Ġesù Kristu:
Missierna li inti fis-smewwiet…
Barka
Grazzi u l-mixja t-tajba!
[1] L. Giussani, Il rischio educativo, Milano 2014, 106.
[2] Ibid.
[3] Benedetto XVI, Omelia nella Messa inaugurale della V Conferenza Generale dell’Episcopato Latinoamericano e dei Caraibi, Aparecida (13 maggio 2007). Francesco, Catechesi (11 gennaio 2023).
[4] Cfr L. Giussani, Si può vivere così?, Milano 2007.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
