Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. Is-sens tal-ħidma tal-bnedmin fl-univers (GS, 33-39) (4) 

LJUN XIV

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 23 ta’ Settembru 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS 1-10). 4. Is-sens tal-ħidma tal-bnedmin fl-univers (GS, 33-39)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Inkomplu l-mixja tagħna fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, niġu għat-tielet kapitlu tal-ewwel parti, li għandu titlu attraenti: “Il-ħidma tal-bnedmin fl-univers”. Il-mistoqsija fundamentali hi din: x’inhu l-valur tal-ħidma tal-bnedmin fid-dinja u allura tal-progress teknoloġiku, soċjali, xjentifiku? Nistgħu niftakru kif, inqas minn erba’ snin wara l-għeluq tal-Konċilju, fil-lejl bejn l-20 u l-21 ta’ Lulju 1969, il-bniedem kellu jirfes għall-ewwel darba fuq il-Qamar.

Maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, il-bniedem hu suġġett ta’ progress. Bil-libertà u l-intelliġenza tiegħu hu jżid l-għarfien tiegħu, u hekk imexxi ’l quddiem lis-soċjetà kollha. Dan narawh faċilment meta nqisu t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja minn ġenerazzjoni għal oħra. Fil-fatt, jgħid id-Dokument, “il-bniedem illum jikseb bil-ħidma tiegħu ħafna ġid li dari kien jistenna l-aktar minn qawwa ogħla” (n. 33).

Għalhekk, xi ħassieba ppreżentaw il-progress teknoloġiku-xjentifiku bħala xi ħaġa li ddgħajjef ir-relazzjoni ma’ Alla, sa ma tagħmilha tidher superfluwa, jew saħansitra bħala antagonista għall-fidi Nisranija. U din l-interpretazzjoni pprovokat bidla fil-mod kif il-bniedem tal-lum iħares lejn id-dinja, meta tqabbel mal-epoki ta’ qabel. Preġudizzju bħal dan jissaħħaħ fuq kollox f’din il-parti tal-kultura tal-Punent li tilfet ir-riferiment tagħha għar-Rivelazzjoni Nisranija. Fl-umaniżmi post-Kristjani l-bniedem u Alla jiġu ppreżentati b’mod żbaljat bħala għedewwa ta’ xulxin: biex jafferma l-għarfien tiegħu, il-libertà tiegħu u l-progress tiegħu, il-bniedem irid jemanċipa ruħu minn Alla. Imma fl-aħħar, xħin jiċħad ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, jitlef ukoll il-possibbiltà li jafferma l-valur traxxendentali tal-persuna umana. Din hi t-“traġedja tal-umaniżmu ateu”, imfisser tajjeb minn teologu importanti tal-Konċilju Vatikan II, Henri de Lubac.[1]

Il-Konċilju jixtieq jagħti tweġiba ċara: “Għal dawk li jemmnu”, tistqarr il-Gaudium et Spes – “hija ħaġa ċerta li l-ħidma tal-bnedmin, wieħed wieħed u lkoll flimkien, jiġifieri dak l-isforz l-aktar kbir li bih il-bnedmin, matul il-mijiet ta’ snin, fittxew li jbiddlu għall-aħjar il-kundizzjonijiet ta’ ħajjithom, hu meqjus fih innifsu jaqbel mal-ħsieb ta’ Alla” (n. 34). Anzi, tkompli l-Kostituzzjoni, “l-Insara mhux biss m’għandhomx jaħsbu li l-opri li l-bnedmin jagħmlu bid-dehen u bil-forzi tagħhom huma kuntrarji għall-qawwa ta’ Alla, u li l-bniedem donnu jsir rival ta’ Alla, anzi għandhom ikunu persważi li r-rebħiet tal-bnedmin juru l-kobor ta’ Alla, u huma frott tal-ħsieb misterjuż tiegħu” (ibid.). Fis-sustanza, Alla qiegħed f’idejn ir-raġel u l-mara ħolqien li kien għadu in statu viæ, jiġifieri f’mixja, għadu qed jikber, biex huma jwassluh għall-milja tiegħu permezz tal-ħidma tagħhom mimlija għerf.[2]

Hawnhekk hawn riferiment importanti għall-misteru tal-Inkarnazzjoni. L-umanità – u magħha x-xogħol, il-progress u l-awtonomija tar-realtajiet konkreti – ma tinxtorobx jew tiħassar mil-laqgħa ma’ Alla, imma tiġi mwassla għall-milja kollha tagħha, u tkompli tkun, fi Kristu, ħielsa u ħabrieka: fil-fatt, huwa Fih li hi ssib verità u libertà sħiħa. Minbarra dan, fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, il-frott tax-xogħol tal-bniedem, irrappreżentat mill-ħobż u mill-inbid, jiġi mqiegħed ta’ kuljum fuq l-altar, biex jiġi mibdul fil-Ġisem u fid-Demm ta’ Kristu.

Minn din il-perspettiva tqum verità importanti: biex jiltaqa’ ma’ Alla, il-bniedem ma għandux jabbanduna l-ħidmiet tiegħu ta’ din l-art, imma jista’ jgħix b’mod sħiħ il-vokazzjoni tiegħu billi jwettaq tajjeb ix-xogħol ta’ kuljum u jqaddsu.[3] L-Insara huma involuti bħal kulħadd fil-bini tal-belt tal-bnedmin, bil-mira tkun it-tmiem tal-ħwejjeġ kollha u l-laqgħa ma’ Alla, u waqt li jfakkru f’dan il-fini aħħari lil dawk kollha li magħhom jaqsmu l-avventura tal-progress, tax-xjenza u tal-ħajja.

Ċertament il-progress ta’ din l-art għandu jkun magħżul sewwa mill-iżvilupp tas-saltna ta’ Kristu; madankollu, il-Konċilju jisħaq li “dak il-progress huwa ta’ importanza kbira għas-Saltna ta’ Alla sakemm jista’ jgħin ħalli l-għaqda tal-bnedmin tkun ordinata aħjar. Wara li fl-Ispirtu tal-Mulej, u skont il-kmandament tiegħu, inkunu ħabbarna u xerridna […] l-frott tajjeb kollu tan-natura u tal-ħidma tagħna, aħna nsibuhom mill-ġdid, imma mnaddfin minn kull tinġis, imdawlin u mbiddlin” (n. 39).

Fl-aħħar nett, niftakru li biex ikun tassew progress uman – jiġifieri tal-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha – il-progress teknoloġiku u xjentifiku għandu jkun immexxi u orjentat mill-imħabba. Hekk biss jista’ jitqiegħed dejjem għall-ħarsien tad-dinjità umana u jippromovi l-kundizzjonijiet ta’ ħajja ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk l-aktar żvantaġġati.

Għeżież ħuti, il-Konċilju Vatikan II jistedinna naqsmu l-ħobż tal-għerf u tal-ħidma tagħna, biex kull bniedem u kull poplu jista’ jiżviluppa l-potenzjalitajiet tiegħu u flimkien nistgħu nibnu, bl-għajnuna ta’ Alla, futur aħjar.


[1] Ara H. de Lubac, Le drame de l’humanisme athée (1944), trad. Tal. Brescia 2013.

[2] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nn. 302, 306, 307.

[3] Ara San Ġwanni Pawlu II, Omelija għall-kanonizzazzjoni ta’ Josemaría Escrivá de Balaguer (6 ta’ Ottubru 2002).

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading