Adorazzjoni. 26 Ħadd ta’ Matul is-Sena A

O Ġesù Ewkaristija, jien nadurak profondament, għax Inti veru Alla u veru bniedem taħt l-ispeċi Ewkaristiċi, hawnhekk u fit-tabernakli kollha tad-dinja, speċjalment fejn tinsab waħdek, mitluq u abbandunat minn kulħadd. (3 sek pawsa)

Jiena nadurak u nagħrfek b’Sid tiegħi u b’Sid tal-ħlejjaq kollha. Jiena xogħol idejk, Mulej. Int il-ħallieq tiegħi…. Inti, Alla tiegħi. Irrid, o Mulej, li Inti jkollok l-aqwa post f’qalbi u l-aqwa post f’ħajti. Mulej, inti kollox u jien xejn….. Allaħares kellek tneħħi jdejk minn fuqi għal mument wieħed biss. Min jaf kieku x’jiġri minni? Mulej, jien irrid nqimek, irrid nadurak.       (5 sek pawsa)

Mixħut hawn quddiemek, irrid nirringrazzjak minn qalbi ta’ kulma tagħmel miegħi, tal-grazzji kollha li Int ixxerred fuqi ta’ kuljum. Nirringrazzjak o Mulej, speċjalment ta’ dawk il-ħafna grazzji li lanqas biss ninduna bihom! Irrid nirringrazzjak, o Sinjur, għal dawk ħuti kollha li ma jirringrazzjawkx. Agħdirhom Mulej….. forsi huma tant imtaqqlin bil-problemi tal-ħajja, bil-mard, u slaleb oħra li jinsew jirringrazzjawk.  (3 sek pawsa)

Jien l-akbar xewqa tiegħi hi, li f’kollox nogħġob lir-rieda mqaddsa tiegħek

Silenzju      3min         

Innu: ____________________________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                       Mt 21, 28-32

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.

U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Silenzju      1min

Kien hemm mara marida, li ta’ sikwit kienu jgħidulha biex toħroġ ħalli tehda ftit. Hi dejjem kienet tgħidilhom li ma tistax; għax meta toħroġ, wara ftit jaqbadha ċertu biża’ li jkun se jħossha ħażin, u jkollhom jeħduha lura d-dar.

Forsi ma tolqotniex marda bħal din, iżda hawn min hu milqut mill-biża’ li jinbidel. Hawn min jibża’ jibdel ħajtu. Hawn min iħossu komdu kif inhu.

Fis-silta li għadna kemm smajna, Ġesù, jagħtina żewġ sitwazzjonijiet differenti. L-ewwel iben, hu dak li qal li mhux se jobdi lill-missier, imma mbagħad bidel fehmtu; u dan jirreferi għal dawk li fil-bidu ċaħdu r-rieda ta’ Alla, iżda mbagħad nidmu u daru lejh. It-tieni iben jirrappreżenta lil dawk li jsostnu li huma segwaċi fidili t’Alla, iżda ma jagħmlux ir-rieda tiegħu. Dan it-tieni iben jippreżentalna nassa perikoluża ħafna li faċli nistgħu naqgħu fiha.  (3 sek pawsa)

Mhux l-ewwel darba, jekk ma għidnihiex aħna stess, żgur li smajniha: X’immur inqerr nagħmel, biex wara ftit nerġa’ koppi? X’inhu l-aħjar, li timxi ċaqlembuta jew tibqa’ fejn int? Tibqa’ mwaħħal jew tiċċaqlaq? Il-qtigħ il-qalb hija għodda tax-xitan. Ejjew inħallu l-Ispirtu s-Santu jimliena bil-kuraġġ, ħalli nibdew ħajja ġdida, ħa nħallu lill-Mulej ikompli jibdilna.  

Silenzju      2min

Kemm huwa mportanti li nagħrfu kemm-il darba nirrifjutaw li nwettqu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. Dan huwa punt ta’ tluq essenzjali għal ħajja ta’ konverżjoni vera. Meta nonqsu milli nammettu bl-umiltà li dnibna, nkunu qed naġixxu bħat-tieni iben. Qed ngħixu f’gidba u qed nippruvaw nikkonvinċu lilna nfusna li aħna fidili għar-rieda ta’ Alla, meta ma nkunux.

Liema minn dawn iż-żewġ ulied nixbaħ l-aktar?     (5 sek pawsa)

Konxju sew tad-dgħufijiet u d-dnubiet tiegħi?        (5 sek pawsa)

Nammetti b’umilta’ d-dnubiet tiegħi, u nersaq lejn il-ħniena ta’ Alla? Jew nippreżenta lili nnifsi bħala l-qaddis u m’għandix għalfejn nindem?   (5 sek pawsa)

Ejjew qatt ma nibżgħu nammettu li aħna dgħajfin, u li għandna kontinwament il-bżonn tal-ħniena ta’ Alla.  

Silenzju      2min

Innu:________________________________________

Salm Responsorjali

Nitolbu lill-Mulej biex ma jiftakarx ħtijietna, imma fil-ħniena u t-tjieba tiegħu jgħarrafna triqtu u jmexxina fis-sewwa tiegħu. Għalhekk ngħidu flimkien:

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.

Triqatek, Mulej, urini,
l-mogħdijiet tiegħek għarrafni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik jien nixxennaq il-jum kollu.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej,
għax huma minn dejjem.
La tiftakarx fil-ħtijiet ta’ żgħożiti, jew fi dnubieti;
ftakar fija skont tjubitek,
minħabba fil-ħlewwa tiegħek, Mulej.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.

Twajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri t-triq lill-ħatjin,
imexxi l-imsejknin fis-sewwa,
jgħallem triqtu lill-fqajrin.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, Mulej.

Kant: Dal Misteru

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading