Kull wieħed u waħda minna għandu l-opinjonijiet tiegħu li ħafna drabi jkunu differenti minn tal-oħrajn. Minkejja dan ma jfissirx neċessarjament li għandna niġġieldu: hija sfortuna li llum dannu l-ġlied u l-argumenti sħan saru xi ħaġa ta’ kuljum. Tgħid għaliex? Tgħid għax kollha sirna qisna allat, naħsbu li nafu kollox, u anke meta nintebħu li ma għandniex raġun ma nkunux umli biżżejjed biex nammettu li żbaljajna?
Il-bniedem ma jargumentax biss mal-bnedmin l-oħra iżda saħansitra jargumenta ma’ Alla. Kif smajna fl-ewwel qari mill-profeta Eżekjel, “Intom tgħidu: “M’hijiex sewwa l-imġiba tal-Mulej!” Li wieħed jargumenta ma’ Alla mhux neċessarjament xi ħaġa ħażina. Hija xi ħaġa komuni fil-ħajja tagħna li mhux dejjem nifhmu ’l Alla; Alla kultant jidher misertjuż iżżejjed, jew forsi jibqa’ sieket quddiem l-inġustiżżji tad-dinja. Irridu naċċettaw li lil Alla, il-moħħ ċkejken tagħna mhux dejjem ser jifhmu; Alla huwa infinitament akbar mill-kapaċitajiet kollha tal-bniedem, kbar kemm huma kbar dawn il-kapaċitajiet. Għad li ma hijiex xi ħaġa ħażina li wieħed jistaqsi, iżda jekk il-bniedem jippretendi li jifhem kollox jispiċċa biex jitlef il-fidi.
Allura kif għandu l-bniedem iġib ruħu quddiem Alla? ‘Jekk il-midneb jerġa’ lura mid-dnub li jkun għamel, u jagħmel il-ħaqq u l-ġustizzja, hu jsalva ruħu.’ Dan Alla huwa Alla li jridna nimxu bil-ħaqq u l-ġustizzja flimkien, fi kliem ieħor jridna nħobbu lil xulxin. Dan huwa Alla li tant iħobbna li dejjem lest li jaħfrilna; il-maħfra hija l-għola forma ta’ mħabba, ħadd ma jħobb daqs min jaħfer. Jeħtieġ ukoll naċċettaw li Alla tagħna huwa Mħabba, u l-imħabba taċċettaha b’umiltà trid u mhux tkisser rasek biex tifhimha.
‘Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.’ Liema hi din it-triq tal-Mulej li hu jrid jgħallimna, u li ssalva? Hija t-triq tal-imħabba li jgħallimna Ġesù, anzi din it-triq hija l-istess Ġesù; fih u bih biss jirnexxielna nħobbu verament lil xulxin u lil kulħadd. Huwa biss it-triq waħdanija li tagħti għal għand il-Missier, id-destin waħdieni tagħna. Alla tagħna tant hu tajjeb, tant jaf biss iħobb li, anke meta noħorġu mit-triq bi ħtija tagħna, huwa ħaġa waħda jrid li nirritonaw għandu. ‘Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti: inti tajjeb, Mulej.’
‘…kunu fehma waħda u mlewni bil-ferħ!… Tagħmlu xejn b’pika ta’ partit, anqas għall-ftaħir fieragħ; imma kunu umli…’ Dak li jferraħ qalb l-appostlu Pawlu huwa l-għaqda fil-komunità tiegħu, u li jiġu evitati kull forma ta’ piki u gruppi kontra xulxin, jew agħar minn hekk li wieħed f’dak li jagħmel ifittex lilu nnifsu u mhux dak li hu tal-Mulej. Dan kollu jintrebaħ jekk in-nisrani jgħix l-umiltà vera: l-umiltà u l-imħabba jimxi id f’id, hekk li ma hemmx waħda mingħajr l-oħra.
X’inhi d-differenza bejn l-iben il-kbir u ż-żgħir fil-Vanġelu tal-lum? L-iben il-kbir, għad li żbalja meta lil missieru qallu ‘ma rridx’ immur naħdem l-għalqa, iżda kien aktar sinċier miż-żgħir li qallu ‘arani sejjer sinjur’, iżda ma kellu l-ebda ħsieb li jmur. Li jrid jgħid Ġesù huwa li l-pożizzjoni tal-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu hija waħda ta’ nuqqas ta’ sinċerità għaliex jridu jidhru quddiem ħaddieħor perfetti filwaqt li ma kienux: minn naha l-oħra l-midinbin pubbliċi kienu aktar sinċiera minnhom għax kienu jaċċettaw li huma midinbin. Din is-sinċerità kienet tpoġġihom f’pożizzjoni li aktar faċilment jindmu minn dnubiethom minn dawk li jridu jippretendu u jidhru li huma perfetti jew aħjar minn ħaddieħor, u hekk ma jaċċettaw qatt dnubhom u ma jindmu qatt.
Nistaqsu lilna nfusna: Jien bniedem li nħobb nargumenta u rridha tgħaddi dejjem tiegħi? Kemm jien umli hekk li meta nintebaħ li ma għandix raġun naċċetta u nammetti li żbaljajt? Kemm nagħmel ħilti biex inżomm il-paċi fil-familja tiegħi u ma dawk ta’ madwari għax nemmen li l-paċi u r-rispett huma ħafna aktar importanti milli tgħaddi tiegħi?
Nitolbuk Mulej għenna ħalli naċċettaw b’umiltà l-imħabba li Alla għandu għalina, u dan nagħmluh mingħajr ma nippretendu li nifhmu kollox, konxji li l-imħabba ma hijiex argumenti u ħsibijiet, iżda rigal imprezzabbli li jeħtieġ li naċċettawh b’umiltà u gratitudni. Ammen.
Grazzi hafna