San Ġorġ Preca kien jgħid li “is-Sinjur Alla tana l-mudell, permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu, biex naqduh kif jixraqlu”, u jistieden li: “għalhekk, f’kull ċirkustanza, min iħobb lil Alla għandu jistaqsi: “Kieku Kristu kien minfloki, x’kien jagħmel?”
Jispjega li biex aħna ngħixu skont kif iridna Alla, tajjeb inżommu f’moħħna li Alla ma jagħtiniex biss regoli li rridu nobdu. Jagħtina mudell, li Hu Ibnu Ġesù Kristu, biex aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħu. Hu mudell li nfasslu fuqu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, kulfejn inkunu. U Alla jgħinna billi jagħmel dan possibbli bil-grazzja tiegħu.
Hawn tidħol il-mistoqsija tagħna, l-attitudni tal-qalb li tgħid: “Kieku Kristu kien minfloki, x’kien jagħmel?” Din il-mistoqsija hi bħal mera spiritwali, u ma nistaqsux: “x’inhu li jaqbel li nagħmel?”, imma: “x’inhi l-imħabba li Kristu qed iġib għalija llum, issa f’dan il-waqt?”
Ġesu mudell għalina
Il-ħajja ta’ Kristu tibqa’ mudell permanenti. San Ġwanni Pawlu II jfakkar li l-ħajja kollha u l-opri ta’ Ġesù jibqgħu mudell u ideal mhux sempliċiment li nitkellmu fuqu u napprezzawh, imma nkunu mistiedna biex nimitawh. Hu Ġesù stess li jistedinna nimitawh u mhux biss naraw x’għamel u x’qal, imma nagħmlu bħalma naħsbu kif kien jagħmel hu kieku kien minflokna. Mhux biżżejjed li nkunu nafu dwar Ġesù, jekk ma nimxux fuq l-eżempju tiegħu. Il-mod kif ġab ruħu Ġesù meta qaddej tal-kbarat tal-Lhud tah daqqa ta’ ħarta jista’ jkun ta’ gwida għalina.
Il-ħajja tagħna bħala Kristjani trid tkun waħda konkreta u bil-fatti, għax Kristu hekk ħabb, bil-fatti. Bata biex ħabbna. Dan għandu eku fi kliem Madre Tereża bl-espressjoni tagħha: “Love until it-hurts”; “Ħobb sakemm tweġġa.” U hi hekk għamlet. Bħal Ġesù, ħajjitha kienet eżempju ta’ qadi. Għandna lil Ġesù fl-aħħar ikla tiegħu, li ħasel saqajn l-appostli u qalilhom: “Tajtkom eżempju, biex kif għamil jien hekk tagħmlu intom ukoll.” Dak li nagħmlu f’Ħamis ix-Xirka mhix biss ċerimonja sabiħa imma hi programm ta’ ħajja.
Dan nagħmluh f’azzjonijiet ta’ kuljum. Għalhekk, meta ngħidu: “Kieku Kristu kien minfloki, x’kien jagħmel?”, fil-verità nkun qed insaqsu lilna nfusna: “Kif se nkun sehem fl-ispirtu ta’ qadi skont Ġesù? Kif se nibdel il-waqtiet ta’ ħidma, ta’ relazzjoni fil-familja, ta’ mard, ta’ għeja u ta’ diffikulta f’offerta ta’ qadi u ta’ mħabba?” Hemm mumenti meta dan jidher tqil, ukoll fi ħwejjeġ żgħar, bħal meta xiħadd idejjaqna, meta nħossuna mqanqla biex nirritaljaw, imqar b’kelma xi ftit iebsa.
Atitudni Nisranija
Hawnhekk jidħol it-talb. Meta għalina ħaġa tidher impossibbli, hemm il-grazzja t’Alla. Dan jgħodd b’mod ċar ukoll fil-ħtieġa tal-maħfra: Kristu jurina li l-qalb li titlob trid titgħallem taħfer. U hawn għandna l-mudell ta’ Ġesù, li ħafer lil min tant ħaqru.
Din l-atitudni hi l-loġika Nisranija u tidher b’mod partikulari f’dik li hi relazzjoni. Meta naħsbu li jekk inwieġbu bil-goff jew bl-indifferenza se jagħmel sens, il-Vanġelu jurina li l-maħfra hi għerf aktar minn hekk. Jaqbel lilna li naħfru, u ma nisimgħux minn dak li qed jimlew fil-midja soċjali. Ma nwasslux il-fehma tagħna bis-saħħa u mingħajr ma naħsbu fil-konsegwenzi.
“Kieku Kristu kien floki” ma tapplikax biss għal mumenti ta’ emozzjoni imma hi direzzjoni għal kull għemil tagħna. Min iħobb lil Alla ma jgħixx bħallikieku għandu għażla li jista’ jagħmel kif jaqbillu. Irridu nifhmu li l-eżempju ta’ Kristu jitlob impenn, imma bil-grazzja tiegħu nistgħu nkunu rifless tiegħu ukoll f’waqtiet diffiċli.
Il-Papa Ljun XIV ifakkarna f’ton pastorali li Alla jħobbna l-ewwel u li l-imħabba ssir bidla fil-qalb li toħroġ f’kompassjoni u ġenerożità. Fil-laqgħa man-nies, b’mod speċjali ma’ min hu f’periklu jew fil-bżonn, il-Vanġelu jinbidel f’għemil, meta aħna nsiru ġirien ta’ veru, meta nħobbu tassew fuq l-eżempju ta’ Ġesù.
Joe Galea
