Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tas-27 Ħadd tas-Sena A 

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 4 ta’ Ottubru, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Il-parabbola tal-Evanġelju li tħabbrilna l-Liturġija ta’ dan il-Ħadd tkellimna dwar il-ħajja ta’ Ġesù u titfa’ dawl fuq is-sens tal-missjoni tiegħu (cfr Mt 21,33-43).

Hu Iben Alla mibgħut fid-dinja, li però jisfa rifjutat minn dawk li suppost kellhom jilqgħuh b’dirgħajhom miftuħa. Min ġie biex itina s-salvazzjoni jispiċċa kundannat: min irid jagħti ħajtu, jinqatel. Filwaqt li tant ħruxija li qed tirvina d-dinja u l-istorja tal-popli ġġagħalna nirriflettu, it-tagħlima ta’ Kristu tikxfilna l-kobor bla qies tal-ħniena ta’ Missieru .

Dak ir-rifjut vjolenti, infatti, ma jxellifx ir-rieda t’Alla li bil-ġustizzja infinita tiegħu jibdel il-ħażen f’rahan: “Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21,42; cfr Sal 118,22).

Ġesù nnifsu jfakkar dan il-kliem tas-Salm li jiċċelebra l-opra meraviljuża li għamel il-Mulej: propju dak li hu skaratat isir is-sies li jwieżen kollox. Dan hu l-mod kif l-Omnipotenti jmexxi l-istorja, jgħinna fil-waqgħat kollha tagħna: Alla qatt ma jarmi ħajjitna!

Skont it-tixbiha li hemm fil-parabbola, l-għalqa tad-dwieli li hemm bżonn tiġi kultivata hi l-Knisja li bl-għażliet tagħna nibnuha jew nagħmlulha l-ħsara.

Rigward dan, propju llum, fit-tmien ċentinarju tal-mewt, nixtieq infakkar ħaddiem li ħadem u ta frott kbir lill-għalqa tad-dwieli tal-Mulej: San Franġisk ta’ Assisi, li lilu Ġesù stess talbu biex isewwi l-Knisja. Imnebbaħ mill-Kurċifiss, qabel kollox, Franġisku bena ħajtu fuq il-mudell ta’ Kristu, qasam miegħu il-faqar, l-hena u s-sofferenzi sas-sinjal mistiku tal-istimmati. Bniedem ta’ talb ħerqan, mimli bil-karità lejn l-oħrajn, kien eżempju għall-ewwel patrijiet li xxerjaw miegħu l-axxeżi bħala kundizzjoni awtentika għar-rforma tal-Knisja.

San Franġisk fejjaqha bis-saħħa tal-fidi fil-Mulej Ġesu, fejjaq ix-xquq tan-nuqqas ta’ qbil bix-xhieda tal-imħabba fraterna.

Għeżież, wara tmien sekli, il-kariżma ta’ San Franġisk għadha tħalli l-frott sal-lum: xhieda ta’ dan mhijiex biss il-familja kbira u vivaċi franġiskana, iżda wkoll id-doni li l-wirt spiritwali tiegħu jifrex fost il-poplu t’Alla. Għalhekk aħna u niċċelebraw is-sena ġjubilari franġiskana, nitolbu bil-perseveranza d-don tal-paċi u nimpenjaw ruħna sinċerament biex inġibu l-armonija bejn il-popli.

F’dil-ħidma takkumpanjana dejjem l-interċessjoni ta’ Marija Santissma, Ommna, li issa se nduru lejha spiritwalment magħqudin mal-fidili li jinsabu fis-Santwarju ta’ Pompei biex joffru s-Supplika lill-Verġni tar-Rużarju Mqaddes.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

il-Ħadd li għadda f’Lourdes, għamilt stedina biex matul dan ix-xahar ta’ Ottubru jingħad ir-Rużarju bl-intenzjoni speċjali li jieqfu l-gwerer u tibda’ ssaltan il-paċi. Fost l-ewwel li bdew jagħmlu dan hemm it-tfal, u hekk qed jagħmlu: mill-1 sas-7 ta’ Ottubru, il-Fundazzjoni “Għajnuna lill-Knisja li qed issofri” qed tippromwovi l-inizjattiva “Miljun tifel u tifla jirreċitaw ir-Rużarju”, għall-paċi u l-armonija fid-dinja.

Irrodd ħajr minn qalbi lit-tfal kollha li f’tant inħawi tad-dinja jingħaqdu permezz ta’ din it-talba, ejjew ilkoll kemm aħna nimitaw dan l-eżempju tagħhom, ninvokaw l-interċessjoni tal-Verġni Marija biex il-popli jinħelsu mill-flaġell tal-gwerra. Nitolbu partikolarment għall-Art Imqaddsa u għall-vittmi innoċenti tal-vjolenza.

Fil-jiem li ġejjin, fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tal-Eżortazzjoni Appostolika Amoris laetitia, fil-Vatikan se ssir laqgħa li għaliha stedint il-Mexxejja tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi u l-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali tad-dinja kollha.

Se jkun waqt ta’ dixxerniment, biex nidentifikaw il-passi li hemm bżonn isiru llum sabiex l-Evanġelju jixxandar fil-familji u lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Dan hu impenn li nirrkamanda għat-talb tagħkom, speċjalment il-familji li, bl-għajnuna t’Alla, huma sinjal ta’ tama u rikkezza inestimabbli għall-Knisja u għas-soċjetà.

Jien kuntent bil-bosta inizjattivi li ttieħdu biex jiċċelebraw it-tmien ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Niftakar partikolarment f’dawk li saru f’Assisi fil-preżenza tal-għola awtoritajiet tal-Istat Taljan. Insellem lid-dilettanti tar-radju ta’ Assisi u Foligno li qed iwasslu l-messaġġ ta’ paċi ta’ San Franġisk.

Issa nsellem lilkom ilkoll li tinsabu hawn fi Pjazza San Pietru!

Nagħti merħba lill-parteċipanti tal-International Week of Sacred Music, organizzat mill-Istitut Pontifiċju tal-Muika Sagra; kif ukoll lill-fidili minn Puente Alto minn Santiago, fiċ-Ċili; lill-għalliema u l-istudenti tal- Gymnasium Sankt Bonaventura minn Dillingen, fil-Ġermanja.

Insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma min Pinerolo; lill-fidili minn Fasana Polesine; lill-adoloxxenti minn Val Brembana li mxew tul il-mixja Francigena minn Viterbo sa Ruma; lill-Assoċjazzjoni FIABA, li tippromwovi kampanja għall-aċċessebbiltà fil-postijiet pubbliċi; lill-grupp “Mamme che regalano un sorriso” minn Taranto; u l-assoċjazzjoni “Studenti con le Stellette, minn Lurago d’Erba.

Inbierek minn qalbi lill-fidilil li llum minn dil-pjazza se jagħmlu pellegrinaġġ lejn is-Santwarju tal-Madonna tar-Rivelazzjoni fil-Via Lauretana, biex ikomplu t-tradizzjoni li nbdiet mill-Papa Piju XII.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading