(EpFid II,2-5.11-15.18-21.32-40.45.47-50.87-88)
Hienja u mberkin dawk li jħobbu lil Alla
Bħala qaddej ta’ kulħadd, jiena fid-dmir li naqdi lil kulħadd u li nqassam lil kulħadd il-kliem kollha fwieħa tal-Mulej tiegħi. Għaldaqstant, billi jiena naf li ma nistax inżurkom wieħed wieħed, minħabba li jiena marid u minħabba d-dgħufija ta’ ġismi, jiena qtajtha li permezz ta’ din l-ittra u messaġġ tiegħi, nerġa’ nwasslilkom il-kliem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li hu l-Verb tal-Missier, u li nagħtikom il-kliem tal-Ispirtu s-Santu, li huma spirtu u ħajja.
Il-miġja mis-sema ta’ dan l-istess Verb tal-Missier, hekk miqjum, hekk qaddis u glorjuż, kienet imħabbra mill-Missier l-aktar għoli nnifsu permezz tal-anġlu qaddis tiegħu Gabrijel lill-qaddisa u glorjuża Verġni Marija. Mill-ġuf tagħha ħa ġisem veru bħal tagħna u libes l-istess dgħufija tagħna l-bnedmin. Hu, “għad li kien għani bil-bosta” (2 Kor 8:9), ried b’danakollu, flimkien mal-Verġni l-aktar qaddisa, ommu, jagħżel il-faqar.
Ir-rieda tal-Missier kienet din, li l-Iben tiegħu mbierek u glorjuż, li ġie mogħti lilna u li twieled għalina, joffri lilu nnifsu bid-demm tiegħu stess b’sagrifiċċju u vittma fuq l-altar tas-salib. Dan għamlu mhux għalih innifsu, hu li bih sar kollox (ara Ġw 1:3), imma għal dnubietna, u hekk iħallilna eżempju, biex nimxu fuq il-passi tiegħu (ara 1 Pt 2:21). U jrid li aħna lkoll insalvaw permezz tiegħu u li nirċevuh f’qalb nadifa u fil-ġisem safi tagħna. Imma ftit huma dawk li jridu jirċevuh u jsalvaw permezz tiegħu, għalkemm “il-madmad tiegħu ħelu u t-toqol tiegħu ħafif” (Mt 11:30).
Imma, kemm huma hienja u mberkin dawk li jħobbu lil Alla u jagħmlu skont dak li jgħid l-istess Mulej fl-Evanġelju: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u l-proxxmu tiegħek bħal innifsek” (Mt 22:37,39).
Ejjew mela nħobbu lill-Mulej u nadurawh b’qalb nadifa u ruħ safja, għaliex hu, li jfittex dan qabel kollox, jgħidilna: “Dawk li tassew iqimu lill-Missier għandhom iqimuh fl-ispirtu u l-verità” (Ġw 4:23). Dawk kollha mela, li jadurawh, jeħtieġ li jqimuh fl-ispirtu tal-verità (ara Ġw 4,24). U għandna ngħidulu tifħir u talb binhar u billejl (ara Salm 31:4) filwaqt li ngħidu: “Missierna, li inti fis-smewwiet” (Mt 6:9), għaliex jeħtieġ li aħna dejjem nitolbu dejjem bla ma nieqfu qatt.
Għandna wkoll insumu u niċċaħħdu mill-vizzji u d-dnubiet (ara Sir 3:32), u mill-ikel u x-xorb żejjed, u nkunu kattoliċi. Għandna ta’ spiss inżuru l-knejjes u nqimu lill-kjeriċi u nuruhom ġieħ, mhux tant minħabba fihom infushom, jekk ikunu midinbin, imma minħabba l-uffiċċju u l-ministeru tal-ġisem u d-demm l-aktar qaddis ta’ Kristu, li huma jiċċelebraw fis-sagrifiċċju tal-altar u jirċievu u jqassmu lill-oħrajn. U bil-qawwa kollha għandna nkunu nafu, ilkoll kemm aħna, li ħadd ma jista’ jsalva, ħlief bil-kliem qaddisa u d-demm tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li l-kjeriċi jlissnu, ixandru u jamministraw. U huma biss iridu jamministrawhom, u mhux oħrajn. Ir-reliġjużi, imbagħad, li ħallew id-dinja, huma miżmumin b’mod speċjali biex jagħmlu ħwejjeġ aktar u aħjar, mingħajr ma jħallu dawn li semmejna.
Għandna nħobbu l-għedewwa tagħna u nagħmlu l-ġid lil dawk li jobogħduna (ara Mt 5:44; Lq 6:27). Għandna nħarsu l-preċetti u l-kunsilli tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Għandna wkoll niċħdu lilna nfusna (ara Mt 16:24) u nqiegħdu lil ġisimna taħt il-madmad tal-qadi u tal-ubbidjenza qaddisa, skont kif kull wieħed minna wiegħed lill-Mulej.
Ma għandniex inkunu għorrief u għaqlin skont il-ġisem, imma aktar għandna nkunu sempliċi, umli u safja.
Lanqas ma għandna nixtiequ li nkunu fuq l-oħrajn, imma aktar għandna nkunu qaddejja u “noqogħdu taħt kull bniedem minħabba Alla” (1 Pt 2:13). U dawk kollha, irġiel u nisa, dment li jagħmlu dan kollu u jżommu sħaħ sal-aħħar, “jistrieħ fuqhom l-Ispirtu tal-Mulej” (Iż 11:2) u jagħmel fihom post fejn jgħammar (ara Ġw 14:23). U jkunu wlied il-Missier tas-sema (ara Mt 5:45), li jagħmlu l-għemejjel tiegħu. U jkunu għarajjes, aħwa u ommijiet tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Jiena, Fra Franġisk, il-qaddej ċkejken tagħkom, nitlob u nitniehed fit-talb quddiemkom għall-imħabba, li hu Alla (ara 1 Ġw 4:16), waqt li nixtieq inbusilkom riġlejkom, sabiex tilqgħu bl-umiltà u bl-imħabba dawn il-kelmiet u kliem oħrajn tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u twettquhom fl-għemil u tħarsuhom. U dawk kollha, irġiel u nisa, li jilqgħuhom bit-tjieba, u jifhmuhom u li jgħaddu kopji tagħhom lill-oħrajn, u li “jżommu sħaħ fihom sal-aħħar” (Mt 24:13), iberikhom il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Amen.