VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV
FI FRANZA
25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U
L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Palazz Eliseo (Pariġi)
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Settembru, 2026
Sur President,
Distinti Awtoritajiet u membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,
għalija hu ta’ ferħ kbir li ninsab fostkom illum. Jien grat partikolarment lejk, Sur President, għall-istedina kordjali li għamiltli biex inżur Franza u rroddlok ħajr għall-kliem ta’ merħba li indirizzajtli. Permezz tiegħek, insellem ukoll lil dawk kollha li jgħixu f’dal-pajjiż ta’ patrimonju kulturali u reliġjuż kbir. Flimkien, dawn jiffrurmaw poplu li d-diversitajiet tal-oriġini tiegħu huma kontribut li jagħti ħajja u jgħani l-konvivenza u l-ħajja demokratika. Nixtieq ukoll niżgurakom, Sur President, Sinjuri, li Franza spiss hi fil-qalba tat-talb tal-Papa, li ma jistax jinsa l-oriġini tiegħu minn familja normanna u bearniża.
Il-vjaġġ tiegħi fi Franza jibda mill-belt kapitali ta’ pajjiżkom, Pariġi, li spiss tissejjaħ Ville lumière. Franza ilha sekli tiddi bħala fanal kulturali, artistiku u spiritwali, mhux biss fl-Ewropa, iżda wkoll fid-dinja. Bis-saħħa tal-iskejjel tal-Katidrali, tal-universitajiet u tal-Akkademji tagħha, imkejjen essenzjali ta’ tfittxija tal-verità, Franza kienet ta’ kontribut biex tifforma l-intelliġenza tal-popli, ferm aktar ‘l hinn mill-konfini tagħha. L-għerf kbir ta’ mħuħ Franċiżi eċċezzjonali, li kienu wkoll Kattoliċi konvinti, jenfasizza sa liema punt ix-xjenzi, l-arti, il-letteratura u l-filosofija jistgħu jikkontribwixxu għall-ġid tal-umanità meta jkunu orjentati lejn it-tfittxija tas-sbuħija, tat-tajjeb u tal-verità, sabiex id-dinja jkollha l-ħajja.
Is-savoir-faire franċiż hu sinonimu ta’ eċċellenza f’diversi oqsma. Dan deher ċar fis-sit ta’ restawr tal-Katidral ta’ Notre Dame ta’ Pariġi li fih taw sehemhom sa mill-bidu, bosta istituzzjonijiet, kemm privati u pubbliċi, u li lejhom, int, Sur President, kellek attenzjoni partikolari, ħaġa li rrodlok ħajr għaliha. Nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn l-artiġġjani u l-gruppi professjonali kollha li ddedikaw l-isforzi tagħhom għal dan il-proġett. Il-ftuħ mill-ġdid tal-katidral għall-qima divina, kif ukoll għall-viżitaturi minn madwar id-dinja, mhuwiex biss il-qofol ta’ impriża teknika, iżda simbolu ta’ tama mġedda, prova li dak li kien maħsub li nqered għal dejjem jista’ jerġa’ jqum permezz tal-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, u huwa xhieda tal-għaqda miksuba permezz ta’ impenn komuni. Riżultat tant sabiħ bħal dan għandu jkun ispirazzjoni għall-atturi tal-ħajja politika, soċjali u reiġjuża tal-pajjiż u ta’ xprun biex bla heda jaħdmu bi spirtu ta’ għaqda u bil-qawwa ta’ tama ħajja.
Franza hi wkoll art ta’ għeruq kristjani għonja. Minn żmien San Irenew u l-magħmudija ta’ Clodoveo, l-ispirtu tal-patrija tagħkom żviluppa għax xorob l-ilma tal-ġenju spiritwali, kulturali, intellettwali, artistiku u missjunarju tal-kristjaneżmu li llum jiddi mad-dinja kollha. Kien b’dal-mod li fi Franza tas-seklu XVI warrad l-umaneżmu, li fittex l-għaqda bejn il-wirt greko-rumana u l-fidi nisranija. Wara l-ħassieba ċelebri tar-Rinaxximent u mbagħad il-Grand Siècle, ġew dawk tal-illuminiżmu, u hekk Franza tat lid-dinja kisbiet importanti fosthom l-għarfien tad-drittijiet intrinsiċi tal-persuna umana, partikolarment il-libertà reliġjuża. Din l-attenzjoni lejn id-dinjità intrinsika ta’ kull persuna umana għandha eku fil-motto nazzjonali tagħkom. Libertà, ugwaljanza u fraternità mhumiex sempliċi kliem imnaqqxin fuq il-faċċati tal-binjiet pubbliċi tagħkom, iżda jfakkruna fl-esiġenza ta’ etiċi universali, li fil-messaġġ tal-Evanġelju jsibu għajn bla tarf ta’ ispirazzjoni u twettiq.
Id-Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bnedem, li kienet imħabbra f’dil-belt ta’ Pariġi – u li saret ukoll bil-kollaborazzjoni ewlenija tal-ġurista Franċiż u premju Nobel għall-paċi René Cassin – kellha l-għan li toħloq kuxjenza ġenerali dwar id-dinjità inaljenabbli tal-persuna umana. San Ġwanni Pawlu II, li kien iqis dan id-dokument bħala “punt fundamentali fit-triq tal-progress morali tal-umantà”, kien konxju li “kull theddida għad-drittijiet umani, kemm fil-qasam tal-ġid matrjali kif ukoll f’dak tal-ġid spiritwali, hi perikoluża għall-paċi għax dejjem tolqot lill-bniedem fl-integrità tiegħu” (1).
Il-kwistjoni tar-rispett lejn id-dinjità umana, tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li jitnisslu mill-istess natura umana hi ta’ kull żmien, u għandha timxi id f’id mal-iżvilupp tas-soċjetà u mal-progress tekniku. Tabilħaqq: “L-iżvilupp tekonoloġiku matul is-sekli ta kontribut għal titjib sinifikattiv tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bnedmin; fl-istess waqt, kull fażi tal-progress uriet ukoll il-wiċċ ambigwu ta’ strumenti li kapaċi jagħmlu ħsara meta ma jkunux orjentati kif imiss” (Magnifica humanitas, 4). Diġà fi żmienu Georges Bernanos kien bassar ir-riskju li l-ubbidjenza għamja u l-irresponsabbiltà jistgħu jsiru padruni ta’ “Ġenna ta’ Magni”. Kien jisħaq li biex taħrab minn dil-ħakma, iċ-ċiviltà Franċiża ħadmet għal sekli sħaħ biex tifforma bnedmin ħielsa u kompletament responsabbli tal-azzjonijiet tagħhom (2).
Għal dir-raġuni, deherli li kien indispensabbli li fl-ewwel Enċiklika tiegħi, nitkellem dwar l-Intelliġenza Artifiċjali bl-għan li nerġa’ nqiegħed il-persuna umana fiċ-ċentru ta’ kull riflessjoni. Sabiex ma nitilfux l-umanità tagħna fost “il-ġenna ta’ magni” li nvadiet u qed tikkundizzjona l-ħajja tagħna ta’ kuljum, hemm urġenza li niffurmanw l-imħuħ għal dixxerniment etiku, bil-ħila li jagħraf jagħżel dak li hu moralment siewi. Din hi esiġenza fundamentali biex ikun magħruf is-sewwa li lill-bniedem trawmu skont il-vokazzjoni primarja tiegħu, b’rispett bla ebda kundizzjoni lejn il-libertà interjuri u d-dinjità sagra tiegħu. Rigward dan, nixtieq infakkar illi “soċjetà awtentikament libera ma timponix uniformità, iżda tindokra d-diversità tal-kuxjenzi, billi tilqa’ minn qabel il-kurrenti awtoritarji u tiffavorixxi djalogu etiku li jgħani n-nisġa soċjali” (diskors lill-Korp Diplomatiku, 9 ta’ Jannar, 2026). Dan id-djalogu hu ferm urġenti fil-kuntest tas-sitwazzjoni li tinsab fiha Franza llum, fejn persuni ta’ appartenenzi kulturali u reliġjużi diversi għandhom sejħa biex jgħixu flimkien u jagħtu sehemhom fil-bini tas-soċjetà.
Hi propju dir-rikkezza tan-nisġa soċjali li, minn sekli ilu, ilha tiddistingwi lil Franza minħabba l-attenzjoni li tagħti lid-diversità u x-xenqa kbira għas-solidarjetà. Bis-saħħa tal-ħidma ta’ rġiel u nisa illustri li baqgħu fidili lejn l-umanità tagħhom u lejn il-valuri tal-Evanġelju, il-Knisja Kattolika fi Franza qatt ma hediet taħdem favur min hu l-aktar fil-bżonn u saret il-wiċċ ħaj tat-tenerezza u l-ħniena t’Alla. Niftakru fl-opra ta’ San Viċenz de’ Paoli, fit-tiġdid karitattiv tas-seklu XVII, u sal-lum stess, fl-għadd kbir ta’ istituzzjonijiet kattoliċi li fihom operaturi sanitarji jakkumpanjaw lil ħuthom mgħobbijin bit-toqol tat-tbatija. Ix-xhieda attenta u ta’ servizz tagħhom huma veru skola ta’ umanità dwar il-kobor tal-kura u sejħa vibranti għall-valur uniku u insostitwibbli ta’ kull ħlejqa umana. Huma wkoll stedina għat-tiġdid tal-fraternità li tesiġi li nitgħallmu nilqgħu l-ħajja bla ebda kundizzjoni, inwieżnu l-fraġilità bit-tenerezza, nakkumpanjaw b’rispett u b’fiduċja reċiproka kull fażi tal-eżistenza, u biex bil-kuraġġ u l-kumpassjoni niddefendu lil min m’għandux leħen jew li jħoss li m’għandux biżżejjed appoġġ. Għaldaqstant intenni bil-qawwa “li l-ħarsien tad-dritt għall-ħajja hu l-pedament imprexxindibbli ta’ kull dritt uman ieħor” (ibid.).
Illum hemm it-tentazzjoni li mix-xjenza nistennew soluzzjoni u faraġ għat-tbatijiet kollha tagħna. Spiss hemm ir-riskju li nispiċċaw illużi. Meta x-xjenza u t-teknoloġija ma jkunux immexxijin b’kuxjenza, jafu jipproponu minnufih soluzzjonijiet li donnhom jagħtu tweġiba immedjata għax-xewqat u t-tbatijiet tal-bnedmin, iżda li fil-verità jistgħu ibegħduhom b’mod gravi mis-soluzzjoni li jkunu tant imxennqin għaliha. Kultant nosserva bi tħassib ix-xejriet negattivi tas-soċjetajiet li jirriskjaw li jakkomodaw ix-xjenza u t-teknoloġija u jibdluhom f’intrapriżi ta’ qligħ li jisfruttaw il-manipulazzjoni ġenetika, il-ġuf mikri, ix-xiri ta’ organi u l-offerta tal-mewt programmata. Ma ninsewx li r-rispett reċiproku u l-ħarsien tal-ħajja ta’ kull persuna huma responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna, ħarsien li jibda minn konverżjoni tal-intellett u tal-qalb u jitlob minna impenn veru u diżinteressat lejn ħutna.
Kif jista’ wieħed jonqos milli f’impenn bħal dan ma josservax ukoll espressjoni xierqa tan-natura lajka tal-belt tad-dinja? In-nisrani li għandu rwol fil-ħajja publika, li jaġixxi fid-dawl tal-kuxjenza tiegħu mnebbħa mill-fidi, ma jistax jitqies prożelitista jew theddida għall-għaqda tal-patrija. Infatti, il-veru lajċità ma teskludix id-dimensjoni reliġjuża, iżda, għall-kuntrarju, taf tieħu vantaġġ minnha u tużaha bħala riżorsa edukattiva. (Diskors lill-parteċipanti tal-laqgħa nazzjonali tal-għalliema tr-reliġjon katolika, 25 ta’ April, 2026).
Hu propju għal dir-raġuni li l-iskola kattolika għandha post importanti fix-xena edukattiva ta’ pajjiż bħalma hu Franza. “Wara kollox, dan jifforma parti minn atteġġjament aktar wiesa’, imprexxindibbli, għal kull djalogu, fl-iskola kif ukoll fis-soċjetà: li nagħrfu u ngħożżu dak li aħna biex inkunu nistgħu niltaqgħu mal-ieħor bir-rispett u ftuħ” (ibid.).
Għaldaqstant, lajċità ġusta ma teskludix ir-reliġjon mill-isfera pubblika jew mill-edukazzjoni, iżda timpejnja ruħha biex tara li l-Istat u l-istituzzjonijiet reliġjużi jiddjalogaw bejniethom u jgħaqqdu l-isforzi tagħhom għas-servizz tal-ġid komuni sabiex id-dinja jkollha l-ħajja. A propożitu ta’ dan, nesprimi l- apprezzament tiegħi għall-ħidma mwettqa fil-qafas tad-djalogu bejn is-Santa Sede, il-Knisja Kattolika ta’ Franza u l-Gvern Franċiż. Effettivament, il-ħdima sfiqa tal-Knisja Kattolika permezz tal-għana tal-espressjonijiet u l-istituzzjonijiet tagħha għall-ġid tas-soċjetà kollha, żgur hi prezzjuża u ta’min ifaħħarha. Dawn l-iskambji juru b’mod pożittiv ħafna dik il-komplimentarjetà sana li kienet affermata mill-ġdid matul il-Konċilju Vatikan II, fis-sens li “[il-komunità politika u l-Knisja], anke jekk b’modi differenti, huma għas-servizz tal-vokazzjoni personali u soċjali tal-istess bnedmin. Aktar ma jikkultivaw kooperazzjoni sana bejniethom aktar iwettqu aħjar u b’mod effettiv is-servizz li jagħtu għall-benefiċċju ta’ kulħadd” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Kost. Past. Gaudium et spes, 76).
B’ferħ ninnota wkoll li din l-istess xewqa, li bil-kollaborazzjoni ta’ bejnietna naqdu lil kull persuna, irrispettivament mill-oriġini tagħha, ilha għal sekli sħaħ tispira l-koperazzjoni bejn Franza u l-Knisja Kattolika għas-servizz tal-Insara fil-Lvant. Il-ħidma edukattiva, kulturali u umanitarja li qed issir fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, bil-kollaborazzjoni ta’ diversi assoċjazzjonijiet bħalma huma “Għajnuna lill-Knisja li tbati” jew «Œuvre d’Orient», hi kontribut prezzjuż lejn id-djalogu bejn il-popli u lejn il-ħarsien tad-drittijiet ta’ kull persuna.
Din hi testimonjanza elokwenti li biha l-kultura u l-fidi jsiru pilastri li jiffavorixxu l-armonija bejn popli u reliġjonijiet diversi bħala servizz għall-paċi u għall-medjazzjoni bejn il-bnedmin. F’dan l-ambitu wkoll l-edukazzjoni hi sfida partikolarment importanti. Tabilħaqq, tibqa’ wieħed mis-setturi ewlenin tal-koperazzjoni għax hi stqarrija konkreta u għammiela bis-saħħa tal-Fond għall-Iskejjel tal-Lvant. Rigward dan, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-persuni kollha impenjati f’dal-proġett li, mit-twaqqif tiegħu fl-2021 u ‘l quddiem, ingħataw sapport aktar minn mitejnusittin istitut skolastiku fil-Lvant Nofsani, fosthom seba’ universitajiet fil-Libanu u l-Università ta’ Betlehem.
Iżda kif nistgħu insemmu dan ir-reġjun tad-dinja, fejn elfejn sena ilu, twieled il-Prinċep tal-Paċi, mingħajr ma niftakru wkoll f’dawk il-popolazzjonijiet kollha milquta mill-konsegwenzi tal-kunflitt u f’dawk kollha mifluġin mill-pjaga tal-gwerra? Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem tbatija bħal din, li toffendi d-dinjità umana u hi karba lil Alla għall-ġustizzja. Il-gravità ta’ dawn is-sitwazzjonijiet għandha tisfidana u hi sejħa għal kull wieħed u waħda minna, ninsabu fejn ninsabu, għall-konverżjoni tal-qalb u bidla fl-atteġġjament. Ifisser li bl-umiltà nagħrfu kemm neħtieġu lil xulxin biex flimkien inkunu nistgħu nimpenjaw ruħna b’mod aktar sħiħ ħalli nsawru ċiviltà tal-imħabba fil-qalba tad-dinja tagħna, li saret tant kumplessa u interdipendenti (cfr Magnifica humanitas, 182). Fl-istess ħin, kif fi żmienu kien afferma l-qaddis predeċessur tiegħi Ġwanni XXIII, “il-ġustizzja, ir-raġuni u s-sens tad-dinjità umana jitolbu b’qawwa li titwaqqaf din il-ġirja għall-armamenti; li jitnaqqsu f’daqqa u minn kull naħa l-armi li diġa jeżistu; li jkunu projbiti l-armi nukleari u li fl-aħħarnett iseħħ id-diżarmament taħt kontroll effikaċi” (Enċ. Pacem in terris, 92). Infatti, qed tixtered dejjem aktar il-konvinzjoni li l-pussess ta’ armi nuklejari hi garanzija ta’ sigurtà, u hekk qed naraw ġirja ġdida għall-armamenti li diffiċli tkun ikkontrollata (cfr Enċ. Magnifica humanitas, 194). Fil-fatt, il-paċi mhix l-ekwilibrju bejn il-qawwa militari, iżda tinbena ftit ftit kuljum bid-djalogu u l-ġustizzja.
Għalhekk inħeġġiġkom biex qatt ma tirrassenjaw ruħkom għall-prospettiva tal-gwerra u tqisuha “inevitabbli”, iżda biex bla heda tippromwovu d-djalogu u d-diplomazija bl-għan li jippreservaw soċjetajiet paċifiċi, li jirrispettaw id-dinjità u d-drittijiet tal-persuna u tal-popli. Quddiem id-damdim tal-gwerra u l-kriżijiet kumplikati li qed jheżżu d-dinja tagħna, Franza għandha vokazzjoni li tibqa’ tkun bennejja bla heda tal-paċi u tal-multilateraliżmu, b’mod partikolari fi ħdan l-Ewropa għażiża tagħna.
Jalla Franza, b’fedeltà lejn il-valuri li tħaddan, tfassal triq ta’ paċi diżarmata u diżarmanti, u b’responsabbiltà tagħti l-kontribut insostitwibbli tagħha għall-kawża tal-paċi. Jalla l-libertà tagħkom tikber bla waqfien permezz tal-impenn għall-ġid komuni; jalla l-fratellanza tagħkom tħaddan lill-umanità kollha; u jalla l-ugwaljanza li taspiraw għaliha tistrieħ dejjem fuq il-pedamenti tal-ġustizzja u l-karità, mhux bl-eliminazzjoni tad-differenzi bejn il-persuni, iżda għax ittihom il-libertà li jagħtu l-frott b’mod armonjuż għall-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.
Sur President, Sinjuri, nixtieq għal darb’oħra nesprimi l-gratitudni tiegħi għal din il-laqgħa, li, biex nikkwota l-kliem – ta’ tifsir kbir għal kulħadd – li int, Eċċellenza, indirizzajt lill-Isqfijiet ta’ Franza fl-2018, juri kif “Knisja li tippretendi li m’għandha ebda interess fil-kwistjonijiet temporali, ma tkunx qed twettaq bis-sħiħ il-vokazzjoni tagħha u President tar-Repubblika li jippretendi li m’għandu ebda interess fil-Knisja u fil-Kattoliċi jkun qed jonqos mid-dmir tiegħu” (3). Niżgurakom illi kien nitlob bil-ħerqa għan-nazzjon sabiħ tagħkom.
Jalla l-Mulej jagħtiha l-paċi, l-għaqda u l-prosperità sabiex id-dinja jkollha l-ħajja. Nafda dawn it-tamiet fl-interċessjoni materna tal-Beata Verġni Marija, il-Patruna prinċipali ta’ Franza.
Alla jbierek lill-Franza u lill-Franċiżi kollha!
___________________________________
[1] S. Giovanni Paolo II, Discorso all’Assemblea Generale delle Nazioni Unite (2 ottobre 1979), nn. 7 e 14.
[2] Cfr G. Bernanos, La France contre les robots, Rio de Janeiro 1946, p. 114.
[3] E. Macron, Discours du Président de la République devant les Evêques de France, Collège des Bernardins, 9 avril 2018.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

