X’TAQRA F’MALTA MISSJUNARJA – Claudia Cini
Matul is‑snin, bil‑fondi miġbura mill‑maratona, mill‑Ġurnata Missjunarja u minn diversi attivitajiet oħra li jiġu organizzati matul is‑sena, Missio Malta rnexxielu jisponsorja għexieren ta’ proġetti li jinkludu fost oħrajn, irziezet, skejjel, kliniċi u spieri. Permezz ta’ dawn il‑proġetti qed jibbenefikaw komunitajiet sħaħ u mhux biss individwi.

Fl-1922, Papa Piju XI waqqaf l-Assoċjazzjoni għall-Propagazzjoni tal-Fidi (APF), is-soċjetà uffiċjali għall-ġbir ta’ fondi fil-Knisja Kattolika kollha għall-missjonijiet.
Matul ix-xhur ta’ Ottubru, Novembru u Diċembru tista’ taqra aktar dwar dan kollu fil-magażin Malta Missjunarja, li huwa pubblikazzjoni ta’ Missio Malta. F’dan il-magażin, li joħroġ erba’ darbiet fis-sena, fost ħafna informazzjoni oħra, issib tagħrif dwar il-proġetti li diġà wettaq Missio Malta, aħbarijiet mill-missjoni, l-intenzjoni missjunarja tax-xahar, riċetta tradizzjonali u paġna tal-logħob. Wieħed isib ukoll tagħrif dwar id-diversi attivitajiet li Missio Malta jkun organizza u se jorganizza matul is-sena għall-benefatturi u l-qarrejja tal-magażin.
F’artiklu minnhom naqraw il-bżonn urġenti li tinbena blokka b’toilets biswit il-knisja ta’ Santa Marija Cheruvally fid-djoċesi ta’ Kanjirapally, f’Kerala l-Indja, li jkun jista’ jaqdi lill-kongregazzjoni kollha għaliex kien hemm toilet wieħed biss li jrid jaqdi 2,000 persuna. Filwaqt li f’artiklu ieħor naqraw dwar proġett urġenti, li jinbena ħajt li jdawwar sptar tat-tfal b’diżabilità f’Jimma-Bonga l-Etjopja. Dan wara li sena ilu l-ħajt twaqqa’ mill-gvern tal-pajjiż sabiex isir żvilupp u jagħmel wisa’ għall-parti minn trejqa li tagħti għall-belt.
Għal aktar tagħrif, jew biex tabbona b’xejn fil-magażin Malta Missjunarja, ċempel l-uffiċċju ta’ Missio Malta fuq 21 236 962, jew ibgħat imejl lil info@missio.org.mt Żur ukoll is-sit www.missio.org.mt jew il-paġna ta’ Facebook: Missio Malta.
Missio, l-organizzazzjoni tal-karità uffiċjali tal-Papa f’idejk!