28 Ħadd Matul is-Sena A

L-akbar xewqa tal-bniedem hija bla dubju li jkun ferħan jew kuntent. Iżda donnu aktar ma jfittex din il-kuntentizza anqas jirnexxilu jsibha. Nistgħu ngħidu li l-kuntentizza jew il-ferħ huma xi ftit jew wisq misteru, nixtiquhom iżda qajla nsibuhom u meta naħsbu li sibnihom, x’aktarx ftit idumu. Tgħid għaliex? Tgħid għax ħafna drabi aħna nfittxu dawn hemm fejn ma nistgħux insibuhom, tgħid għandna aspettativi rrealistiċi, jiġifieri qegħdin nistennew ġenna f’din id-dinja?

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qiegħed jirrakkonta l-istorja tal-poplu t’Alla u Tiegħu. Huwa Alla l-Missier li qiegħed jagħmel il-festa tat-tieġ, Ġesù huwa l-Għarus u l-għarusa hija l-poplu t’Alla jew il-Knisja. Il-mistednin li ma riedux jiġu huma l-kbarat u l-poplu t’Alla, huma kienu l-ewwel mistednin iżda rrifjutaw l-invit u ppersegwitaw lill-profeti u qatlu lil xi wħud minnhom. Interessanti ħafna li x’ħin dawn ma aċċettawx l-invit, is-sultan jgħid lill-qaddejja biex imorru f’salib it-toroq u jistiednu lil kull min isibu, dawn hekk għamlu ‘Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba,…’

Interessanti ħafna id-dettal li jagħtina l-evanġelista, jiġifieri li dawn ma qagħdux attenti lil min stiednu, iżda ġabu lil kulħadd, kull min ried, saħansitra ‘ħżiena u tajbin’. Dan jurina l-qalb ħanina ta’ Alla tagħna li jistieden lil kulħadd biex jieħu seħem fil-mejda tiegħu; Alla li jrid lil kulħadd isalva. Iżda mbagħad min jidħol huwa mistenni jilbes il-libsa tat-tieġ; din, f’tiġijiet kbar, kienet tkun ipprovduta minn min jorganizza t-tieġ. Dak li nstab fil-mejda tat-tieġ mingħajr il-libsa baqa’ ssummat x’ħin ġie is-sultan u staqsieh għaliex kien bla libsa tat-tieġ; dan għaliex hu ma kellux skuża. Fis-sagrament tal-Magħmudija, is-saċerdot jagħti lit-tarbija  libsa bajda, u jgħidilha, ‘Ħu din il-libsa l-bajda u żomma bla mittiefsa sal-ħajja ta’ dejjem’. San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Galatin jgħidilna ‘Intom, li intom mgħammda fi Kristu, lbistu ‘l Kristu.’ (3,27). Dik il-libsa tfisser li taċċetta lil Ġesù f’ħajtek, li l-ideal ta’ ħajtek ikun wieħed biss dak li ssir tixbħu dejjem aktar. Dan hu l-uniku rekwiżit li jagħmlilna Alla biex nidħlu fil-festa tat-tieġ ta’ Ibnu jew fil-ħajja ta’ dejjem.

L-ewwel qari tal-lum imbagħad jgħidlna xi dettalji dwar dan it-tieġ: hemm insibu dak il-ferħ sħiħ u għal dejjem li tant xtaqna u fittixna f’din il-ħajja. Hemm Alla ‘..jċarrat minn fuq din il-muntanja il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,… Jeqred il-mewt għal dejjem,’ mhux biss iżda wkoll ‘jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,’ kif ukoll, ‘jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:’ Mela Alla għad jeqred għal dejjem l-akbar tliet għedewwa tagħna: il-mewt, dak kollu li jġib in-niket u d-dwejjaq,  u d-dnub.

San Pawl, fit-tieni qari tal-lum jgħidilna, ‘naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.’ Dan setgħa jgħidu San Pawl għaliex ma kienx qed jippretendi ġenna fl-art, iżda kien jaf li l-ferħ sħiħ u għal dejjem jinsab biss meta nkunu fi ħdan il-Missier għal dejjem u għalhekk huwa qatt ma qata qalbu quddiem l-isfidi tal-ħajja. Ħaġa waħda żamm dejjem f’moħħu: ‘Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.’ Il-Mulej ma jabbanduna qatt lil dawk li jafdaw fih. Nistaqsu lilna nfusna: dik il-libsa bajda li libbsuni fil-Magħmudija, jew aħjar dak li tfisser, x’sar minnu? Kemm verament jien qiegħed kuljum nagħmel ħilti biex ‘nilbes lil Kristu’? Kemm naċċetta li f’din id-dinja qatt ma nista’ nsib ġenna tal-art għax il-ġenna nsibha biss wara din il-ħajja jekk naħdem għaliha?

Mulej Ġesù, inti huwa l-għarus li għat-tieġ tiegħu l-Missier qed jistedinna: għinna ħalli qatt ma naljenaw ruħna waqt dan il-vjaġġ li ftit idum, iżda dejjem inżommu għajnejna, moħħna u qalbna fissi fik li int it-triq u d-destin waħdieni tagħna. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading