Tibqa’ memorja sabiħa dik tal-Qrar f’Champs-Élysées fiż-żjara pastorali tal-Papa Ljun XIV fi Franza. Iż-żjara kienet avveniment ta’ entużjażmu li ftit rajna bħalu. Ħafna rrikonoxxew il-bidla li ġabet din iż-żjara, f’pajjiż fejn Alla ma jiġix l-ewwel; dak li nsejħulu pajjiż lajk, fejn jippruvaw li Alla ma jinħassx. Imma ma deherx hekk fiż-żjara tal-Papa!
Fit-tieni ġurnata taż-żjara tal-Papa, is-Sibt 26 ta’ Settembru, numru ta’ Saċerdoti ħallew il-mijiet ta’ eluf (800 elf), ta’ kull eta’, li marru għall-Quddiesa fi ‘Place de La Concorde’ il-Pjazza tal-Armonija, biex joffru lil min xtaq is-Sagrament tal-Qrar.
Fost il-ġurnalisti, kien hemm waħda li, b’mod rispettuż, staqsiet lil rappreżentant tal-Gvern Franċiż għaliex sar il-Qrar f’waħda mill-aqwa toroq ta’ Pariġi, ħdejn il-ħwienet, il-kafeteriji u l-lukandi ta’ lussu. (Iċ-Champs-Élysées). Din hi t-triq li tesprimi l-kummerċ u l-konsumiżmu fi Franza.
Il-ġurnalista staqsiet għaliex Sagrament reliġjuż, hekk privat, kien qed isir fil-pubbliku. Għax ix-xenarju ta’ nies għarkupptejhom, jistqarru dnubiethom ftit passi ‘l bogħod minn boutiques ta’ lussu, qajjem mistoqsijiet dwar jekk l-ispazju pubbliku ntużax b’mod xieraq u jekk dan imurx kontra l-liġijiet ta’ Franża. Għal min m’għandux grazzja mal-Knisja Kattolika dan mhux post għall-espressjoni reliġjuża!
It-tweġiba tar-rappreżentant tal-Gvern kienet pulita u diretta. Qal li l-liġi Franċiża mhix kontra l-espressjoni reliġjuża, meta din tkun marbuta ma’ avveniment li għandu l-permess uffiċjali u li ma jtellifx l-ordni pubbliku. Hekk, kif kienet iż-żjara tal-Papa Ljun. Staqsa lill-ġurnalista: “ Inti tippreferi li jkollok vetrini mkissra waqt xi nkwiet li ġieli jkun hawn? Jew tippreferi li jkollok nies li jipprattikaw ir-reliġjon b’mod xieraq? Is-sekulariżmu hu li tħalli fil-liberta’ lil min jemmen kif ukoll lil min ma jemminx. “F’din Franza”, qal, “li f’dawn il-jiem hi daqshekk ċivili, kollox mexa bil-kwiet. Jekk inhu dan li jhedded lil Franza, allura Franza sejra tajjeb ħafna”. U spiċċa hekk: “Iktar ninkwieta meta f’xi inċidenti ta’ storbju ikun hemm vetrini mkissra. Kieku dan, iva, jinkwetani.”
Joe Galea
