Lourdes: il-post tat-tama u t-talb (10)
Kitba ta’ Michael Caruana
Fit-26 u s-27 ta’ Settembru 150,000 pellegrin attendew għal kull attività fis-Santwarju ta’ Lourdes fl-okkażjoni tal-vjaġġ pastorali tal-Papa Ljun XIV. Dan in-numru hu kważi għaxar darbiet tan-numru normali ta’ pellegrini li normalment jkunu Lourdes għall-15 ta’ Awwissu.

Il-150,000 pellegrin talbu, iċċelebraw u ħadu sehem fl-attivitajiet li mexxa l-Papa. Il-Quddiesa ċċelebrata fuq il-ħaxix in-naħa l-oħra tax-xmara, il-laqgħa mal-morda u l-ospitalieri u t-talba tar-Rużarju u l-purċissjoni bix-xemgħa offrew ħafna mumenti memorabbli.
U biex jiżgura aċċess u moviment sikur għal dawn il-150,000 pellegrin u aċċessibbiltà għal 7,000 persuna oħra morda jew b’diżabbiltà u biex tejjeb it-tagħmir tas-smiegħ u l-viżwali ħalli kulħadd seta’ jsegwi ċ-ċelebrazzjonijiet permezz ta’ skrins kbar eċċ, is-Santwarju kellu bżonn mijiet ta’ ħaddiema u tekniċi u eluf ta’ voluntiera. Kellu bżonn ukoll numru ta’ saċerdoti li flimkien u bil-ħidma tal-ħaddiema, it-tekniċi u l-voluntiera għamlu din iż-żjara possibbli. B’kollox irreġistraw għaż-żjara tal-Papa Ljun XIV kważi 1,500 saċerdot.

Biex laqa’ lil dawn il-pellegrini, is-Santwarju ddedika riżorsi eċċezzjonali u konsiderevoli. Intużaw aktar minn 10 kilometri ta’ barrieri ta’ sigurtà; aktar minn 2,000 voluntier ġew mobilizzati biex iqassmu u jgħinu lill-pellegrini;
kważi 1,000 ġurnalist, carmeramen, fotografi u tekniċi kienu milqugħa mis-Santwarju biex setgħu jxandru dirett u jirrappurataw l-attivitajiet kollha tal-Papa; intużaw aktar minn 15-il skrin kbir u sistema ta’ sound avvanzata u kien hemm imqassma mas-Santwarju kważi 1,000 toilet temporanju. Għal danakollu kienet meħtieġ spiża totali ta’ 3.7 miljun ewro. Il-ġenerożità ta’ ħafna ppermettiet biex is-Santwarju jħallas parti minn din l-ispiża, iżda biex iħallas is-somma li baqa’ u jkompli l-missjoni tiegħu li jilqa’ l-pellegrini matul il-kumplament ta’ din is-sena, is-Santwarju għad għandu bżonn l-għajnuna ta’ ħafna. Hu għalhekk li s-Santwarju qed jitlob l-appoġġ ta’ kulħadd. Dan l-appoġġ, ir-Rettur tas-Santwarju qed isejjaħlu “vitali”.
Hu jemmen li l-programm tal-Papa Ljun XIV f’Lourdes kien suċċess grazzi għall-isforzi ta’ kulħadd u għall-ġenerożità ta’ dawk li jappoġġjawh. Hu sosnta d-donazzjoni tagħna tgħin lis-Santwarju jkopri l-ispejjeż li għamel u biex ikompli jilqa’ lill-pellegrini u jakkumpanja lill-morda fil-pellegrinaġġi tagħhom għall-kumplament ta’ din is-sena.
Ir-Rettur tas-Santwarju ssokta li “l-missjoni tagħna trid tkompli, iżda ma nistgħux inkomplu mingħajr l-għajnuna tagħkom.
Iż-żjara tal-Papa Ljun se tibqa’ mument tassew eċċezzjonali fl-istorja tas-Santwarju.

“Iżda issa għandna bżonn l-appoġġ tagħkom ħalli t-3.7 miljun ewro jitħallsu kollha. Is-Santwarju jiddependi kompletament mid- donazzjonijiet li jirċievi u kull att ta’ ġenerożità hu kontribut konkret biex ikompli jilqa’ lill-pellegrini. Għalhekk qed jintalbu donazzjonijiet ta’ €25 li jkopru l-ispejjeż ta’ pellegrin;€150 li jkopru l-ispejjeż ta’ sitt pellegrini; €500 li jkopru l-ispejjeż ta’ 20 pellegrin u €1,000 li jkopru l-ispejjeż ta’ 40 pellegrin. Sakemm qed nikteb dan l-artiklu kienu nġabru biss għaxra fil-mija tas-somma li s-Santwarju għad irid iħallas.
Ħafna minn dawk li kienu Lourdes matul il-vjaġġ tal-Papa ħassewhom imberkin li kienu hemm għax il-Papa Ljun irnexxielu jbiddel il-vjaġġ tiegħu fi Franza f’pellegrinaġġ. Ingħaqad magħna bħala “pellegrin fost il-pellegrini” jitlob fl-Għar, imiss il-blat tal-Għar, jixrob mill-ilma mirakoluż, jiċċelebra l-Quddiesa u jimxi d-dawra tal-purċissjoni tar-Rużarju bil-dawl tax-xemgħa f’idu. Dawn kienu jiem mimlija barka għax meta rajna l-Papa mdawwar b’tant nies morda u b’diżabbiltà, rajna l-preżenza ta’ Alla f’ħafna modi, misset il-qlub tan-nies u biddlet il-ħajja tagħhom!
Jien dejjem ngħid li dawk li jkunu ġejjin miegħi Lourdes biex jieħdu l-ġranet li nagħmlu hemmhekk bis-serjetà u jaraw kif ma jitilqux minn hemm kif waslu. Jitilqu minn hemm bħala missjunarji tat-tama. Lourdes iqajjem it-tama f’nofs it-tbatija u d-diffikultajiet!
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Lourdes