Il-Papa Ljun XIV
Angelus
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 18 ta’ Ottubru, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju li tħabbrilna l-liturġija tal-lum (Mt 22,15-21 )iqiegħed quddimena waħda mill-aktar frażijiet famużi ta’ Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’Alla” (cfr v. 21). Għaldaqstant importanti li narawha fil-kuntest taż-żmien li ntqalet.
L-evanġelista Mattew jiddeskrivi sitwazzjoni ostili lejn Ġesù: il-fariżej jinġabru biex jaraw jistgħux jaqbduh f’xi żball b’dak li jgħid (cfr v. 15) Jaqtgħuha li jibgħatu xi nies biex jagħmlulu mistoqsija dwar kwistjoni kontroversjali: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (v. 17). It-tweġiba tal-Imgħallem hi ġenjali għax biha ma jaqax fin-nassa u tikxef l-ipokrisija ta’ min ried idaħħlu fiha. Jitlobhom ituh munita tat-taxxa. Dawk ituhielu u Ġesù jgħid: “Ta’ min hi dix-xbieha u dil-kitba?” Iweġbuh: “Ta’ Ċesari”. Għalhekk jafferma: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla”(vv. 17-21)
F’Ġesù aħna nikkuntemplaw Alla li ma jibżax mill-istorja tant li jiġi biex jgħammar fiha. Is-Saltna tiegħu ma tneħħix il-karigi u r-responsabbiltajiet umani. Però jitlobna ngħixu bla kompromessi, ħielsa mill-ambizzjonijiet ħżiena u interessi inġusti, u nqiegħdu qabel kollox u fuq kollox is-Saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu (cfr Mt 6,33). F’das-sens jolqtok l-eloġju li dawk l-istess persuni jagħmlu lil Ġesu, minkejja li ma jagħmluhx b’intenzjoni tajba: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares” (v. 16).
Għeżież, dan hu preċiżament il-profil ta’ min “lil Ċesari jtih dak li hu ta’ Ċesari u lil Alla dak li hu ta’ Alla”: li jkun sinċier ħieles mis-serviliżmu u l-ipokrisija – ħieles biex jagħmel il-ġid. Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna nkunu hekk. Nafdaw ruħna fl-interċessjoni tal-Verġni Marija.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
illum qed niċċelebraw il-mitt Ġurnata Missjunarja Dinjija. Niftakru kemm hi kbira l-istorja missjunarja tul dawn il-mitt sena! Nitolbu biex il-Knisja tibqa’ dejjem fidila lej il-mandat tal-Mulej Irxoxt: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”(Mk 16,15).
Nixtieq irrodd ħajr lil dawk kollha li dal-ġranet talbu għalija. Verament ħassejt is-sapport tagħkom, grazzi!
Jien rikonoxxenti partikolarment għat-tobba, l-infermieri u l-ħaddiema kollha tal-Policlinco “Gemelli”.
Din l-esperjenza għenitni nġarrab b’mod partikolari l-qrubija lejn min għaddej mill-mard jew hu dgħajjef.
Wara li għaddiet dil-fażi delikata, kif tafu, issa se nerġa’ nibda ftit ftit l-attivitajiet tiegħi, dejjem bl-għajnuna t’Alla u t-talb tagħkom.
Grazzi mill-ġdid, grazzi lil kulħadd u l-Ħadd it-tajjeb!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber
