V Imwissija mill-kliem ta’ Ġesù li wriena d-dmirijiet tagħna lejn Alla l-Missier u lejn dawk li qegħdin fit-tmexxija, induru lejn il-Missier tas-Sema u nitolbuh.
1. Kun dejjem, Missier, mal-mexxejja spiritwali tagħna biex imħeġġin mill-imħabba tiegħek ikomplu jkunu ta’ dawl għal uliedek. Nitolbu
2. Kun dejjem, Missier, mal-mexxejja tal-ġnus biex jagħrfu jaħdmu għall-ġid komuni taċ-ċittadini tagħhom. Nitolbu
3. Kun dejjem, Missier, ma’ dawk kollha li qegħdin ibatu minħabba l-inġustizzji u t-tiġrib tal-ħajja ħalli jsibu nies li jgħinuhom fit-tfixkil tagħhom. Nitolbu
4. Kun dejjem magħna, Missier, biex nagħmlu dak li inti sejjaħtilna għalih, jiġifieri li nkunu xhieda tiegħek f’kull post li niffrekwentaw. Nitolbu
V F’dan il-jum tiegħek, o Alla, aħna nfaħħruk u nroddulek ħajr għal dak kollu li inti tagħmel magħna u nwegħduk li nagħmlu ħilitna biex qatt ma nonqsuk. Bi Kristu Sidna.