LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes. 8. Il-fidi u l-ħajja soċjali, politika u ekonomika (GS, 63-76)
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Id-dimensjoni soċjali hi parti integrali, mhux biss tan-natura umana, imma wkoll tal-fidi tagħna fi Kristu, bħala wirt prezzjuż li nirċievu mill-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Il-Kostituzzjoni Gaudium et spes (GS) dan tfakkru fil-kapitli III u IV tat-tieni parti, iddedikati lill-ħajja ekonomika-soċjali u lil dik tal-komunità politika. Anki f’dawn l-oqsma l-fidi Nisranija toffri kriterji ta’ dixxerniment.
Il-Padri konċiljari jfakkru qabelxejn fil-periklu għall-paċi fid-dinja li ġej min-nuqqasijiet ta’ bilanċ marbuta ma’ żvilupp ekonomiku li mhux ekwu u ma jirrispettax il-ħolqien (ara GS, 63). Kienet viżjoni fil-bogħod, li b’xorti ħażina sabet konferma fl-aħħar parti tas-seklu li għadda u li aktar u aktar għadna niltaqgħu magħha llum. Biex indawru r-rotta – jgħidilna d-Dokument – mhux biżżejjed l-iżvilupp teknoloġiku, imma “jenħtieġu ħafna riformi fil-ħajja ekonomika u soċjali u bidla minn kulħadd ta’ mentalità u ta’ drawwiet” (ibid.).
Għalhekk il-Gaudium et spes tippreżenta fil-qosor il-viżjoni Nisranija dwar l-iżvilupp ekonomiku, li għandu jkun dejjem għas-servizz tal-bniedem u taħt il-kontroll tal-bniedem (ara GS, 64-65). Hawn diġà jidher ċar il-kunċett ta’ żvilupp integrali, li mbagħad San Pawlu VI qiegħdu fiċ-ċentru tal-Enċiklika tiegħu Populorum progressio (1967). Iktar attwali minn qatt qabel huma mbagħad is-sejħat biex nimpenjaw ruħna ħalli neliminaw id-diskriminazzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-gruppi soċjali l-aktar dgħajfa u lill-migranti (ara GS, 66).
Il-qalba tal-ekonomija hi x-xogħol. Permezz tiegħu l-bniedem jiżviluppa bħala persuna, jipprovdi għall-ħtiġijiet tal-familja, jesprimi t-talenti tiegħu, jieħu sehem fil-ħajja soċjali u jibni dinja aħjar billi jikkollabora fl-opra ħallieqa ta’ Alla. Ix-xogħol ma jista’ qatt jiġi mgħawweġ b’dannu għall-persuni, għall-ġid komuni jew għall-ħolqien. L-isfida vera hi li noffru lil kulħadd opportunitajiet biex joħorġu l-frott tal-ħiliet tagħhom: ma humiex aċċettabbli l-qgħad, l-isfruttament u kundizzjonijiet ta’ xogħol li jipperikolaw is-saħħa u l-ħajja nfisha (ara GS, 67). Il-ħaddiema għandhom il-jedd u d-dmir li jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jmissu l-ħidma tagħhom, anki f’għamla assoċjata, u jaffrontaw il-kunflitti bid-djalogu u azzjonijiet mhux vjolenti (ara GS, 68).
F’dan il-kuntest il-Konċilju jfakkar f’wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-maġisteru soċjali, jiġifieri d-destinazzjoni universali tal-ġid tal-art (ara GS, 69) u japplikah għall-qasam finanzjarju, waqt li jistqarr li “dawk li għandhom f’idejhom id-deċiżjonijiet dwar dawn l-investimenti u l-organizzazzjoni tal-ħajja ekonomika – sew individwali, sew għaqdiet, sew awtoritajiet pubbliċi – għandhom […] min-naħa l-waħda jgħassu biex jinkiseb dak li jenħtieġ għal ħajja xierqa sew tal-individwu sew tal-komunità, u min-naħa l-oħra jaħsbu minn qabel dak li għad jiġri u jiżguraw ekwilibriju ġust bejn il-bżonnijiet ta’ konsum tal-lum, sew individwali u sew kollettiv, u l-esiġenzi tal-investimenti għall-ġenerazzjoni li għad tiġi” (GS, 70).
Il-Gaudium et spes imbagħad tgħaddi biex tittratta l-komunità politika, u tapprezza d-diversi sinjali pożittivi fl-epoka ta’ żmienna, fuq kollox il-fatt li “minn mindu l-bnedmin qegħdin jagħrfu aktar id-dinjità tagħhom, f’ħafna reġjuni tad-dinja qiegħda tinbet ħerqa biex jinbeda ordni politku u ġuridiku li fih ikunu mħarsa aħjar il-jeddijiet tal-persuna fil-ħajja pubblika” (GS, 73).
Il-komunità politika teżisti f’funzjoni tal-ġid komuni, li jikkonsisti f’“dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom l-individwu, il-familja u l-għaqdiet jistgħu jiksbu l-perfezzjonament tagħhom b’mod aktar sħiħ” (GS, 74). U dejjem lejn il-ġid komuni għandu jimmira t-taħriġ tal-awtorità pubblika, li jinbena u jaħdem skont iċ-ċirkustanzi lokali u storiċi, imma waqt li dejjem ikollu għal qalbu l-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin (ara ibid.).
Il-Gaudium et spes tisħaq li “l-komunità politika u l-Knisja huma, fil-qasam tagħhom, indipendenti minn xulxin u awtonomi. It-tnejn, għad li b’titlu differenti, jaqdu s-sejħa personali u soċjali tal-istess bnedmin. Huma jeżerċitaw dan is-servizz b’mod iżjed effikaċi għall-ġid ta’ kulħadd aktar ma jżommu sewwa koperazzjoni għaqlija bejniethom” (GS, 76).
Għeżież, li nħabirku b’risq l-ekonomija u l-politika skont dawn il-kriterji hu mod kif nibnu l-paċi. Kif fakkarna l-Papa Franġisku, “il-gwerra hi falliment tal-politika u tal-umanità, ċediment tal-mistħija, telfa quddiem is-setgħat tal-ħażen” (Ittra enċiklika Fratelli tutti, 261). Bil-maqlub, il-politika li tieħu ħsieb tal-ġrieħi tal-popli u ta’ dawk li jġarrbu inġustizzja toffri raġunijiet ta’ tama għall-ġejjieni tal-umanità.
Għalhekk inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jimxu fuq l-eżempju ta’ dawk l-irġiel u nisa li f’dawn l-oqsma taw xhieda tajba. U nġedded is-sejħa tiegħi lill-komunitajiet Insara biex inniedu mill-ġdid il-formazzjoni fuq id-duttrina soċjali tal-Knisja.
