Inġbarna hawn madwarek, o Ġesù, biex nadurawk u nqimuk. Inti jistħoqqlok kull foħrija, għax Inti l-Ħaruf t’Alla, l-Prinċep tal-Paċi, r-Re tar-Rejjiet, l-Għarus ta’ ruħna. Mulej, Inti tajt ħajtek għas-salvazzjoni, sirt vittma tad-dnub tagħna, mudell tal-virtù, rikonċiljazzjoni mal-Missier. (3 sekonda)
Mulej, Inti l-għajn u ċ-ċentru ta’ ħajjitna. Aħna ngħożżuk b’qalbna kollha. Aħna nistqarru ismek b’imħabba u b’qima kbira. Int id-dawl għat-toroq tagħna. Inti tiddi fl-Ewkaristija Mqaddsa, u għalhekk fik: naraw il-ħlewwa inkorporata, l-grazzja bla qjies, il-ħlewwa li tfur, it-tjieba mogħtija b’idejn miftuħa għal dawk kollha li jersqu fid-dawl tal-preżenza tiegħek. (3 sekonda)
Aħna nħobbuk b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, u b’moħħna kollu; u nfittxu biss li nagħmlu r-rieda tiegħek. U bħax-xebbiet l-għaqlin noffrulek iż-żejt tal-fidi, u nitolbuk biex iżżomm il-lampi tagħna mixgħula sa tmiem ta’ ħajjietna. (10 sekonda)
Spirtu Santu, dawwalna bid-dawl tiegħek ħalli npoġġu fil-prattika l-Kelma Tiegħek li se nisimgħu, nirriflettu u nitolbu biha.
Silenzju 3min
Innu:___________________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 25, 1-13
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.
Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.
Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.
Il-Kelma tal-Mulej Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Fil-ktieb tal-Eżodu naqraw, li fis-Santwarju tat-tempju, ulied Israel, riedu jżommu musbieħ jew lampa mixgħula l-ħin kollu, biż-żejt taż-żebbuġa (Eż 27,20). Kien sinjal tat-talb bla waqfien u tal-fedeltà tagħhom lejn Alla. Imma d-dawl veru ġie fid-dinja fil-persuna ta’ Ġesù. (3 sekonda)
O Xemx tal-Ġustizzja, dija ta’ dawl, Inti tfakkarna kemm hemm bżonn li nishru u nitolbu, għax ma nafux is-siegħa u l-waqt tal-mewt tagħna, tal-laqgħa tagħna miegħek fl-aħħar ta’ ħajjitna. Għinna nkunu msiebaħ, li ngħixu ta’ bnedmin fid-dawl Tiegħek.
Silenzju 1min
L-imsiebaħ u l-kwies tal-ħajja tagħna jeħtieġu li jkunu mimlija biż-żejt. Mhux tip wieħed, iżda taħlita ta’ żjut: iż-żejt tal-imħabba, ż-żejt tal-ħniena u dak tal-maħfra. U ma’ dawn inżdiedu wkoll iż-żejt tal-ħlewwa u tat-tjubija, ż-żejt tal-paċenzja, tal-fidi; ż-żejt li nkun altruwist u ma naħsibx biss fija nnifsi; u ħafna virtujiet oħra tajbin, li jgħinuna nikbru fil-qdusija. Imma dawn irridu jkunu mixgħula bid-Dawl Veru, li hu Kristu l-Mulej. U dan nagħmluh, kemm se nkunu f’għaqda waħda miegħu permezz tat-talb u tal-fedeltà tagħna fih. (3 sekonda)
F’dan il-ħin, ejjew inpoġġu ħarsitna fuq Ġesù fl-Ewkaristija, u nħalluh jurina b’liema żejt hija mimlija l-ħajja tagħna.
Silenzju 2min
Missier Qaddis, aħna nistqarruk li Int s-Sid ta’ ħajjitna. Fil-Parabbola, l-ħames xebbiet boloh baqgħu barra, għax ma rrispondewx b’responsabbiltà għas-sejħat u għall-opportunitajiet li Int offrejtilhom fil-ħajja tagħhom. Tħalli qatt li l-fidi tagħna tintefa; tħallinix li nkunu aljenati, b’konsegwenza li ma nagħrfukx; u xi ħaġa agħar, li l-anqas nilqgħuk. (3 sekonda)
Agħtina l-grazzja O Missier, li nagħrfu, u nilqgħu s-sejħat li tagħmlilna ta’ kuljum; li nwieġbu b’ġenerożità kbira għall-grazzji kollha li tagħtina. B’hekk inkunu dejjem ippreparati għal-laqgħa tagħna miegħek.
Silenzju/ soft background music 2min
Innu: ______________________
Salm Responsorjali
Aħna nemmnu, li l-mewt mhix tmiem ta’ kollox, imma laqgħa tagħna mal-Għarus. Ejjew flimkien mas-Salmista nixxenqu għal din il-laqgħa u ngħidu flimkien:
Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik
Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.
Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.
Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.
Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik
Meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar,
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax inti kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ. R/.
Mulej, Alla tiegħi, ruħi bil-għatx għalik
Kant: Dal Misteru