Adorazzjoni – Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu – Sena A

Ġesù Ħelu, Feddej tal-bnedmin, ħares lejna hekk kif aħna mixħutin għarkupptejna quddiemek. L-anġli u l-qaddisin jadurawk fis-sema, u aħna fuq din l-art inkantawlek innu ta’ tifħir. F’dan il-mument, aħna nqimuk bħala l-Imgħallem tagħna, r-Re tar-Rejiet, s-Sid tas-Sidien, u l-Prinċep tal-Paċi. Inmilu quddiem il-Maestà Divina tiegħek, għax Int il-Mulej, l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Aħna rriduk Issaltan fuqna. Kun Int o Ġesù, l-Mexxej tagħna.    (30 sek pawsa)

L-attenzjoni tagħna llejla, bit-tħejjija għas-Solennità ta’ Kristu Re, hija li ndawwru ħarsitna għall-aħħar taż-żmien, meta Ġesù jerġa’ jiġi lura biex jiġġudika lill-ħajjin u l-mejtin, u jistabbilixxi s-Saltna tiegħu, u li ssir visibli għal kulħadd.        (5 sek pawsa)

Spirtu Santu, dawwalna bid-dawl tiegħek ħalli npoġġu fil-prattika l-Kelma Tiegħek li se nisimgħu, nirriflettu u nitolbu biha.   

Silenzju      2min         

Innu: ____________________

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew                       Mt 25, 31-46

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek Kristu

Silenzju      1min

Din is-silta tlaqqana ma’ Ġesù bħala Mħallef ġust, li mhux biss se jagħtina sentenza skont il-verità; imma wkoll bħala Mħallef ġust li se jikkonferma l-għażliet li nkun għamilna jew ma għamilniex fil-ħajja tagħna, b’mod speċjali ma’ dawk li huma fil-bżonn, bħallikieku għamilna jew ma għamilniex miegħu stess.   (3 sek pawsa)

Mulej, Int tant għani fil-ħniena, li tajtna l-karta tal-eżami li se tagħmlilna fil-ġudizzju tagħna, bil-mistoqsija: kif ħadtu ħsieb xulxin? Kemm ħabbejtu?          (5 sek pawsa)

U Int o Sultan glorjuż, ma tridx l-inċenz li naħarqulek, u lanqas ix-xemgħat li nixgħelulek, jew il-qima tagħna lejn l-istatwi bix-xbieha tiegħek; imma trid li dak li jingħad miegħek innifsek ikun, kif nittrattaw lil xulxin. “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti għamiltuh miegħi”.

Silenzju      2min

Mulej, Int titlob minna li narawk f’ħutna kollha, b’mod speċjali f’dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Int tixtieq tara fina dik l-imħabba li tajtna bħala don, u li nespremuha mal-oħrajn.

Iva, o Sultan tagħna, Inti trid li l-enerġija kollha tagħna l-bnedmin, li ħafna drabi naħluha bħala strument ta’ mibegħda, tar-rabja li għandna lejn xulxin, nikkonvertuha u nibdluha f’enerġija, f’qawwa tas-solidarjetà, u mħabba. (5 sek pawsa)

Kif nistgħu ma nħejjux ruħna għal dan l-eżami, la darba għandna l-karta kollha kemm hi! (10 sek pawsa)

Spirtu Qaddis ta’ Alla, qawwina, ħalli kull kelma ta’ kuraġġ li nagħtu, kull ħarsa li nagħtu, kull azzjoni li nagħmlu biex ngħinu lil min hu inqas ixxurtjat minna, nkunu qed inħobbu mhux biss lil dik il-persuna partikolari, imma nkunu qed ngħożżu l-persuna stess ta’ Kristu; li anke fihom, minkejja l-faqar, it-tbatija, u ċkunija, hemm il-preżenza ta’ Kristu s-Sultan tagħna.   

Silenzju              3min

Innu: ______________________

Salm Responsorjali

Il-Mulej hu r-ragħaj tagħna u jieħu ħsiebna; ifittixna b’imħabba kbira meta nitbiegħdu minnu, u jreġġagħna lura lejn il-mergħat ta’ dejjem. Ejjew mas-Salmista ngħidu flimkien:

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollhom ħdura jqegħdni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Mqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi,

il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!. R/.

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.

Tingħata l-Barka Sagramentali

Innu tal-Aħħar: Christus vinċit

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?