Is-Sena 2012 – Lejn it-tmiem jew lejn bidu ġdid?
Is-sena li għadna kif bdejna, ilha fuq fomm bosta, l-aktar fil-mezzi tal-media sa minn bosta xhur ilu. Kien hemm min interpreta kitbiet antiki biex wasal għall-konklużjoni li tmiem id-dinja hu fil-qrib, eżattament fil-21 ta’ Diċembru 2012. Oħrajn ma qablux u insistew li l-istess kitbiet ma jħabbrux it-tmiem, imma propju il-bidu ta’ żmien ġdid.
Personalment naħseb li lil bosta persuni, il-logħob bin-numri jimmeraviljhom. Forsi għaliex fin-numri ta’ din id-data, 20.12.2012, jilmħu ċertu faxxinu, allura ħasbu li bilfors irid ikun fihom tifsira speċjali, xi kataklażmu straordinarja jew it-twelid ta’ era ġdida. Minn jaf x’għad iridu jivvintaw għad-data 21.12.2112. Imma sa dakinhar ħafna minna ma jkunux hawn.
Dan kollu, lil uħud iffakkarhom f’dak li suppost kellu jseħħ fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad qalulna li mhux fil-bidu tagħha, imma fi tmiemha. Għal dawk li bħali għandhom ċerta età, jfakkarhom ukoll fit-tliet ijiem tad-dlam, li kellu jkollna fl-1960.