ŻJARA PASTORALI F’LORETO
LAQGĦA TA’ ĠWANNI PAWLU II
MAT-TFAL
Dar Imqaddsa ta’ Loreto (Ancona) – Il-Ħadd 10 ta’ Settembru 1995
Għeżież tfal!
1. Kemm hi ħaġa sabiħa li matul dan il-pellegrinaġġ jien nista’ niltaqa’ b’mod partikulari magħkom u mal-ġenituri tagħkom. Insellmilkom ilkoll minn qalbi u nirringrazzja lil min tkellem f’isem kulħadd. Qed nieħu pjaċir li qrajtu l-Ittra tiegħi lit-tfal u li għoġbitkom. Nixtieq nagħtikom parir: żommuha, u kull tant u tant, erġgħu aqrawha. Huwa mod kif tibqgħu qrib tal-Papa, biex tiftakru fih u titolbu skont il-fehmiet tiegħu.
Kont qed ngħid li f’dan il-pellegrinaġġ ma setgħetx tonqos laqgħa mat-tfal u l-familji tagħhom. Fil-fatt, id-Dar ta’ Marija, li għal seba’ sekli ilna nqimuha fis-Santwarju ta’ Loreto, tfakkarna fid-dar tal-Familja Mqaddsa, f’Nazaret. Nistgħu nimmaġinaw liċ-ċkejken Ġesù fl-ambjent tiegħu ta’ kuljum: huwa u jiġri u jilgħab madwar id-dar, jew rieqed, inkella bilqiegħda għall-ikel mal-ġenituri tiegħu. Imbagħad narawh joħroġ, is-Sibt, biex imur is-sinagoga fejn kien jisma’ l-Iskrittura Mqaddsa u jieħu sehem fit-talb ritwali tal-poplu tiegħu.
Min jaf jekk dak iż-żmien f’Nazaret kienx hemm xi skola wkoll? Imma forsi din hi ħaġa li tippreferu ma taħsbux fiha, speċjalment f’dawn l-aħħar jiem ta’ btajjel. Hu x’inhu, anki għal Ġesù, l-ewwel skola vera ta’ ħajja kienet sewwasew il-familja tiegħu: mingħand Ġużeppi u Marija tgħallem l-aktar ħwejjeġ importanti: l-umiltà, il-fedeltà, it-talb, ix-xogħol…
U hekk, kif jirrakkonta San Luqa, “Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2:52).
2. Għeżież tfal, intom tafu li l-familja ta’ Ġesù, meta hu kien għadu żgħir ħafna, kellha taħrab mill-Palestina lejn l-Eġittu, għax Erodi ried joqtol lit-Tarbija. Ġużeppi, Marija u Ġesù kienu “rifuġjati”, kif nistgħu ngħidu b’kelma li, b’xorti ħażina, illum qed tiġri spiss. Fi żmienna għandna miljuni ta’ rifuġjati fid-dinja. Fost dawn il-parti l-kbira huma familji, u ħafna minnhom, speċjalment fl-Afrika, bi tfal żgħar.
Bħalissa, flimkien magħkom, nixtieq nafda f’idejn il-Madonna u l-Familja Mqaddsa lit-tfal kollha rifuġjati tad-dinja. Fl-istess waqt nistedinkom tiftakru ħafna fi sħabkom tal-istess età li tilfu lil missierhom jew lil ommhom, jew lit-tnejn, minħabba l-gwerra. Proprju hawn f’Loreto, is-sena l-oħra, iltqajt ma’ grupp ta’ nisa minn Sarajevo, romol minħabba l-gwerra. It-talba tagħna ma tridx tieqaf mal-kliem: irridu nħossuna impenjati, bħala Nsara, bħala Knisja, biex inkunu “dar” għal min hu bla dar, biex inkunu “familja” għal min hu bla familja.
Naf li intom it-tfal intom partikularment sensibbli għal dawn il-problemi. Dan ktibtuhuli wkoll fi tweġiba għall-Ittra tiegħi, li fiha stedintkom titolbu miegħi għall-paċi. Intennilkom li jiena nserraħ ħafna fuqkom għal din it-taqbida paċifika li qed nissieltu kontra l-qawwiet tal-ħażen.
Tħallu qatt ikaxkrukom magħhom l-eżempji u l-messaġġi negattivi li b’xorti ħażina sikwit illum jaslulna minn tant irkejjen. Hemm ħafna problemi u vjolenzi fid-dinja, imma l-għajnejn u l-qlub tagħkom dawruhom lejn l-imħabba, lejn it-tjieba, lejn il-verità. Tgħallmu minn Ġesù, li rebaħ fuq il-ħażen bit-tajjeb.
3. Ħaġa oħra nixtieq ngħidilkom, xħin naħseb f’meta Ġesù kellu l-istess età tagħkom. Tiftakru x’qalilhom lill-ġenituri tiegħu, li kienu inkwetati li tilfuh, meta, wara li fittxuh kullimkien, sabuh jiddiskuti mal-għorrief fit-Tempju? Lil ommu Marija li staqsietu: “Ibni, għaliex għamiltilna hekk?” (Lq 2:48), hu weġibha: “Għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkunu f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Wara dan il-fatt, Ġesù reġa’ lura Nazaret mal-ġenituri tiegħu u, jgħid il-Vanġelu, “kien jobdihom” (Lq 2:51).
Kull wieħed u waħda minna għandu Missier fis-Sema u familja fuq l-art. Jeħtieġ nitgħallmu nisimgħu l-leħen ta’ Alla l-Missier li jitkellem fil-qalb. Dan ifisser li “nikbru”! Persuna hi “kbira” meta tagħraf lil Alla bħala Missier u ġġib ruħha ta’ wild denn u rikonoxxenti. Ġesù, ta’ tnax-il sena, ried juri lill-ġenituri tiegħu li hu ried jimxi l-ewwel u qabel kollox skont ir-rieda tal-Missier tas-Sema u, nistgħu ngħidu, proprju għalhekk hu baqa’ dejjem ubbidjenti, jgħix Nazaret u jgħin lil Ġużeppi fil-mestier ta’ mastrudaxxa.
Hekk, huwa jsir mudell biex tixbhuh fl-ubbidjenza lejn il-ġenituri tagħkom. Fl-istess waqt jistedinna nħobbu b’qalbna kollha lill-Missier li jinsab fis-Smewwiet u nagħtu widen għal leħnu, li jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna biex inwettqu missjoni unika fil-Knisja u fis-soċjetà. Għeżież tfal, meta Alla jurikom li jrid minnkom sinjal ta’ mħabba, ta’ ġieħ speċjali, tibżgħux tagħmluh dan, u anki l-ġenituri tagħkom jintebħu li intom qed issiru Nsara maturi, li jħobbu lil Alla fuq kollox u fuq kulħadd.
4. Kemm ħwejjeġ oħra nistgħu ngħidu, imma l-ħin qed jagħfas u wasal il-mument li nsellmu lil xulxin. Hawn f’Loreto hawn sitwazzjoni partikulari ħafna: qalb id-djar tinsab id-Dar ta’ Marija. Għeżież tfal u ġenituri, agħmlu mezz li s-sentimenti, il-ġesti, l-atteġġjamenti ta’ Ġesù, ta’ San Ġużepp u tal-Madonna jkunu wkoll tagħkom: ħa jsaltnu f’kull dar l-imħabba, ir-rispett u l-paċi. U l-Mulej jagħti lill-familji ta’ Loreto li jkunu knejjes awtentiċi tad-dar, skont il-vokazzjoni ta’ kull familja Nisranija. U lit-tfal ta’ Loreto li jkunu ħbieb veri ta’ Ġesù!
Għalhekk jien nafdakom ilkoll taħt il-ħarsien tal-Familja Mqaddsa u nberikkom minn qalbi.
Il-Papa żied dan fl-għeluq tal-laqgħa:
Nixtieq ngħid grazzi ta’ dan id-don konklużiv li għadek kemm offrejtli issa, Eċċellenza, f’isem il-Knisja ta’ Loreto: il-Madonna Lawretana. Dan id-don nilqgħu minn idejn il-fidili kollha tad-Djoċesi ta’ Loreto u speċjalment ta’ dawn iċ-ċkejknin. Jiena naħseb li din il-laqgħa mat-tfal hi opportuna ħafna fil-Jum tal-Laqgħa Ewropea taż-Żgħażagħ għal żewġ raġunijiet.
Qabelxejn għax iż-żgħażagħ kienu xi darba tfal bħalkom u intom it-tfal minn hawn u ftit tas-snin oħra ssiru żgħażagħ bħalhom. Importanti din is-sekwenza, din il-kontinwità tal-ġenerazzjonijiet quddiem il-Madonna ta’ Loreto, quddiem id-Dar Imqaddsa.
It-tieni raġuni hi importanti ħafna, għax id-Dar ta’ Loreto, tal-Familja Mqaddsa, ta’ Marija, ta’ Ġużeppi u ta’ Ġesù kienet tixbah id-djar tagħkom ta’ Loreto. Mela għandkom żewġt idjar: dik tagħkom u din Imqaddsa ta’ Loreto.
Nawguralkom li tkunu fid-dar tagħkom bħallikieku kontu fid-Dar Imqaddsa ta’ Loreto. Jiena rajt kif it-tfal huma sempliċi ħafna u ferrieħa quddiem din id-Dar, bħallikieku kienu qed jilagħbu fl-istess ambjent familjari tagħhom.
Nawguralkom li żżommu dejjem din is-sempliċità u din il-qrubija għad-Dar ta’ Loreto u għal Marija, u nixtieq noffri lil dawk kollha preżenti, u speċjalment lit-tfal, il-Barka tiegħi.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard