Patri Mario Attard OFM Cap
Tkun miexi f’xi post kwiet. Fejn fih mhux suppost tagħmel ħoss. Imbagħad xi ħadd, forsi mingħajr ma jrid, ifettillu jagħmel dak l-imbierek ħoss. U x’jiġri? Itellef dik l-armonija li s-skiet jaf joħloq! U ara mbagħad kif ħaddieħor ikun pront jaqbeż biex, bħallikieku, jħares iva d-dinjità li s-skiet biss għandu. U jgħidlek, jew aħjar jgħammarlek, b’arja ta’ ħarries is-skiet: “Xxx! Biżżejjed!”
Il-ħsejjes. Meta ma jkunux f’posthom kemm idejqu ħbieb! Illum ngħidlek kważi kważi jmarduk! Veru? Niftakarni ngħaddi minn esperjenza simili jiena wkoll. Darba ridna nagħmlu xi clips. Ġie il-camera person armat bil-cameras tiegħu. U morna fuq il-post. Issa f’dak il-post kollox kien hemm sabiħ. Kien hemm faċċata ta’ Knisja l-ġmiel tagħha. Kien hemm ukoll monument. Salib. U, fil-background, kellna temp li jġennek.
Iżda kien hemm xi ħaġa li ma stajna qatt nirranġaw f’dak l-imbierek post … il-ħsejjes! Kemm karozzi għaddew minn quddiemna! Uħud misjuqa bl-aktar mod ċivili filwaqt li oħrajn ġew misjuqa b’kull mod barra minn dak li tista’ issejjaħlu ċivili. U, f’dawk il-ħsejjes tal-karozzi li, uħud minnhom tassew qajmuli ġismi xewk xewk, stajt nitgħallem iva xi ħaġa oħra tassew mportanti: fis-sewqan jiena responsabbli mhux biss għall-ħajti imma wkoll għal ħajjet ħaddieħor!
X’ma immaġinajtx ħbieb meta smajt minn jaqla’ qisu mhux hu! Għaddew minn moħħi ħsibijiet mill-aktar koroħ f’dak il-waqt! Ħsibijiet li ma nixtieqx le naqsamhom magħkom. L-għaliex jinvolvu l-agħar li tista’ tgħaddi minnu persuna. Jiġifieri mad-daqqa l-mewt! U mela meta jkolli l-aċċelleratur taħt riġlejja ħa nitgħallimha li għandi nsuq bilgħaqal. U ħa niftakar ukoll li jiena l-ħarries ta’ ħajjet ħaddieħor.
Din il-biċċa tal-ħsejjes li, mhux dejjem ħallewni noħroġ dak li kien hemm f’qalbi u f’moħħi, jew aħjar dak li l-Mulej poġġieli f’qalbi u f’moħħi li ngħid, urietni ħaġa oħra mportanti: fil-ħajja rridu s-skiet. Il-kwiet. Il-ħemda. Irridu dawk il-mumenti magħna nfusna u mal-Ħallieq u l-Feddej li ħalaqna u fdiena bil-għan li naraw fejn aħna mexjin f’ħajjitna.
Fil-ħajja l-istorbju li hemm fija u mhux qed iħallini nkun awtentiku, sinċier, twajjeb, insomma dak li l-Mulej iridni nkun, jista’ jkun ta’ kull xorta. Jista’ jagħti l-każ li qed ngħix fi storjbu kbir f’ħajti l-għaliex għadni ma ħfirtx lil min naqasni. Ġieli sibt xi nies li qaluli u ġieli għedtha jiena stess, almenu għall-waqtiet, għax bniedem bħalkom, “kif jista’ jkun li naħfer?” Widnejja u għajnejja raw u semgħu stejjer kbar ta’ persuni li baqgħu mwaħħla fl-istorbju tar-rabja. Ir-rabja ħbieb ma tħallikx tirraġuna. Ma tħallikx tara l-affarijiet kif inhuma. Ma tħallikx lanqas tara l-effetti li ġġib inti stess fuqek, u fuq dawk ta’ madwarek, meta tħalliha ssuqek. Ir-rabja hija ħoss li jsir storjbu. Jiġifieri r-rabja hija bħal mixegħla ċkejkna li tagħmel suffarina. Tibda’ b’nar żgħir, ċkejken, u mbagħad tiżbokka u ssir nar qerriedi. Li jeqred lil mingħandu quddiemu. Iżda ejja ma ninsewx ħbieb li r-rabja, l-ewwel li teqred, hija lili, li nrewħilha. Li nħalliha tikber fija. Qabel ma teqred lil dak, dik jew dawk li għalihom jiena irrabjat.
Imbagħad ħoss ieħor f’ħajjitna li rridu nsikktu huwa ilsienna. Eħ! Kemm jagħmel ħsara! L-ilsien iġib storbju kbir fina. L-ilsien mhux ikkontrollat jibni stejjer li m’humiex. Ikisser il-fama ta’ ħaddieħor. Joqtol il-ħajja umana, psikoloġika u spiritwali ta’ dak li jkun. L-ilsien, meta użat ħażin, jaf ipinġi anġli f’mostri. L-ilsien jaf jaqta’ il-qlub ta’ min, avolja dgħajjef jew dgħajfa, qed jipprova jagħmel u tagħmel il-ġid. L-ilsien huwa l-mannara li taħtha jinqered kollox. Kemm hawn hux min hi l-għaxqa tiegħu li musbieħ inemmnen jitfieħ! Li jsemma’ leħnu fil-pjazzez! U li qasba imġenġla jara kif jagħmel biex jiksirha! Le! Ħallina mit-tkissir! U mill-għajjat! Le! Ejja naraw kif se nsewwu! Kif se nippersawdu bil-kelma t-tajba u qatt ma nirrikorru għall-forza. L-għaliex dan hu kollu storbju li m’għandniex x’nambuh!
Issa iskot! Nitolbok! U … ħalli s-skiet iġagħlek tħobb …