Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Ma tistax tagħraf il-profondità tal-liġi jekk ma tiltaqax ma’ Ġesù, ħniena u mħabba

Ma tistax tagħraf il-profondità tal-liġi jekk ma tiltaqax ma’ Ġesù, ħniena u mħabba


Il‑Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa f’għeluq il‑Ġublew tal‑Ordni Duminkan, fil‑Knisja ta’ San Duminku, ir‑Rabat.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja ta’ San Duminku, Ir-Rabat.

San Pawl Missierna fit-tieni Ittra tiegħu lid-dixxiplu tiegħu Timotju kemm-il darba jsemmi s-sabar: “Xandar il-kelma…bis-sabar kollu u bit-tagħlim…stabar fit-tiġrib” (2 Tim 4, 2.5). Jiena nixtieq naqsam magħkom l-ewwel ħsieb tiegħi llejla billi nistieden lill-Familja Dumnikana hija u tagħlaq dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmien ċentinarju mit-twaqqif tagħha, għal dan is-sabar.

L-ewwel nett hemm sabar li jistenna kontinwament il-miġja tal-Mulej u s-sabar isir dimensjoni tal-ħajja tat-talb. Ħafna drabi aħna nitfixklu fl-esperjenza tagħna tat-talb minħabba esperjenza ta’ nixfa, minħabba d-distrazzjonjiet kontinwi, u inti fil-ħajja tat-talb qabel xejn titgħallem tistabar bik innifsek u titgħallem tistenna l-Mulej li jiġi kif u meta jrid hu.

Hemm is-sabar ukoll tal-appostlu li jaf jakkompanja l-merħla tiegħu bis-sabar tal-Mulej għaliex hu stess għamel l-esperjenza ta’ kemm il-Mulej jistabar bih, ta’ kemm huwa paċenzjuż miegħu u allura ma jgħejjix juża’ s-sabar, il-paċenzja mal-merħla: “bis-sabar kollu u bit-tagħlim”.

“Stabar fit-tiġrib”. Min irid ikun fidil lejn il-Mulej, għaliex il-Mulej hekk wiegħed, li jgħaddi wkoll mill-persekuzzjoni. Il-wegħda f’San Mark: “kull min iħalli kollox jingħatalu għall mitt darba flimkien mal-persekuzzjonjiet” (ara Mk 10, 30), dak il-bogħod, il-value added. L-appostlu Missierna, li kien jaf fuq xiex qed jitkellem lid-dixxiplu zgħażugħ tiegħu, jgħidlu biex jistabar fit-tiġrib. Jistabar fil-ħajja tat-talb, jistabar mal-poplu inti u tgħallmu, imma wkoll is-sabar fit-tiġrib, fil-persekuzzjoni. Min irid ikun evanġelista, bħalma hi l-kariżma tal-Ordni Dumnikan, irid jitgħallem is-sabar.

Irid ikollu wkoll il-fedeltà ta’ min jifhem il-liġi, iħarisha u jgħallimha. San Tumas t’Akwinu, glorja tal-Ordni Dumnikan, ġabar il-kariżma, il-missjoni Dumnikana f’dak il-motto ċkejken imma effikaċi: contemplari et contemplata aliis tradere. L-ewwel nett contemplari: li inti mhux biss tagħmel spazju fil-ħajja tiegħek imma wkoll tagħti ħin għall-kontemplazzjoni, għall-għarfien tal-liġi vera tal-Mulej. Ġesù jgħallimna li l-liġi, fil-milja tagħha hija hu. Fil-mument tat-trasfigurazzjoni ma’ ġenbu jidhru l-liġi u l-profeti: Mose u Elija. Ħin minnhom jgħibu u jibqa’ hu biss għax hu l-milja tal-liġi u tal-profeti.

San Pawl juża’ kelma oħra: il-milja tal-liġi u l-profeti hija l-imħabba. Ġesù huwa l-imħabba t’Alla nkarnata. Ma tistax tagħraf l-profondità tal-liġi jekk ma tiltaqax ma’ Ġesù li huwa ħniena u mħabba. Meta inti tiltaqa’ mal-liġi bħala l-espressjoni tal-libertà li jagħtik Alla, tal-imħabba u l-ħniena tiegħu, inti tkun tista’ tħarisha u tgħallimha. Imma jekk il-liġi ssir għalik ġebel biex titfgħu lil ħaddieħor la tista’ tħarisha u lanqas tgħallimha.

Ejjew nitolbu biex aħna u nikkontemplaw il-liġi li l-Mulej ġie biex iwassalha għas-sħuhija tagħha, aħna niltaqgħu ma’ Ġesù mhux nitbegħdu mnnu. Ġesù li meta ddeskriva l-esseri tiegħu, Dun Karm jgħidilha il-‘jien tiegħu’ traduzzjoni Maltija reċenti għall- kewl tiegħu, l-esseri tiegħu jgħid: “jiena ta’ qalb ħelwa u umli”.

Aħna u nfittxu lil Ġesù fil-liġi u l-profeti, hu li hu l-milja tagħhom, irridu nsibu l-umiltà u l-ħniena. Hekk ikollna l-ferħ tal-Evanġelista: “kemm huma sbieħ fuq il-muntanji ir-riġlejn ta’ min iħabbar l-bxara, ta’ min ixandar is-sliem, ta’ min iħabbar ir-risq, ta’ min ixandar is-salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan’” (Is 52, 7-8). It-talba li aħna nagħmlu fuq il-Familja Dumnikana li f’pajjiżna ilha s-sekli, attiva, hija li tibqa’ dik l-għajn ta’ għerf u ta’ qdusija.

Aħna llum infakkru mhux biss dak li għamel il-Mulej permezz ta’ San Duminku, tmien mitt sena ilu, imma nfakkru wkoll dak li għamlu uliedu spiritwali fostna: it-tagħlim, il-predikazzjoni, il-qrar, ix-xhieda tal-aħwa. Insellmu wkoll lin-nisa li ssaħħru wkoll wara l-figura ta’ San Duminku u ħaddnu wkoll il-kariżma Dumnikana. Insellmu li tant lajċi li permezz tal-preżenza Dumnikana f’pajjiżna, iħossuhom parti integrali mill-Familja Dumnikana.

“Contemplari” – li inti tintilef fil-kontemplazzjoni ta’ Ġesù: sabiħ fuq it-Tabor, imsallab fuq is-salib, irxuxtat, imma wkoll li dak li tikkontempla tgħaddih lil ħaddieħor. “Għad jiġi żmien meta għat-tagħlim tajjeb ma jibqgħalhomx sabar” – jerġa’ jużaha din il-kelma l-appostlu Missierna biex jispjega wkoll li ħafna drabi l-kulturi – għax ma jgħidx f’liema żmien u mhux bilfors għaż-żmien tagħna biss – “ma jkollhomx sabar” ma jissaportuhx it-tagħlim it-tajjeb, “widnejhom jikluhom u jiġbru madwarhom qabda mgħallmin skont ma jixtiequ u jwarrbu widnejhom mis-sewwa biex jiġġerew wara l-ħrejjef” (2 Tim 4, 3-4). Ma ndikax liema seklu qed jitkellem fuqu, u faċli tgħid: ‘għal żmienna kien qed jgħid’. Nimmaġina li mitt sena ilu kienu jgħidu l-istess u anke qabel, u wara wkoll se jgħidu hekk għaliex hemm din it-tentazzjoni fl-umanità li ma jkollhiex is-sabar tisma’ l-kelma sħiħa sabiħa tal-Evanġelju.

Imma x’se nagħmlu? Naqtgħu qalbna? Għan-nuqqas tas-sabar ta’ min ma jridx jisma’ l-kelma, li mhux bilfors trid tkun il-kelma ta’ rażan imma tista’ wkoll tkun il-kelma tal-ħniena. Għal min m’għandux sabar għax jaħseb li kulħadd irid ikun perfett malajr, aħna nirrispondu: bis-sabar, għallem bis-sabar kollu.

Ejjew nitolbu biex dan is-sabar jgħallimna nkunu verament bħal Ġesù, bħal dak il-bidwi li meta is-sid tal-għalqa ma baqgħalux sabar mas-siġra li m’għamlitx frott, qallu: “Mulej, għatiha naqra ċans, ħa naħrat madwarha, nagħmlilha naqra demel, imbagħad ejja u ara” (Lq 13, 8). Aħna rridu nkunu dak ta’ tip tal-bidwi li l-imgħallem jgħidlu: “stabar ftit, Mulej, stabar ftit. Aħna se nieħdu ħsiebha din is-siġra biex tagħmel il-frott. Se nroxxuha bid-dmugħ ta’ għajnejna u se naħartu madwarha bil-paċenzja ta’ qalbna biex tagħmel il-frott u l-frott tagħha jibqa’”.

Nitolbuh il-Mulej biex l-Ordni Dumnikan f’pajjiżna jibqa’ jkun preżenza mhux biss sabiħa, imma anke numeruża. Illum nitolbuh lill-Mulej għal vokazzjonijiet Dumnikani, kemm maskili kif ukoll femminili. Il-Mulej jaf il-bżonn li għandna u jagħraf iħabbat fuq il-qlub ġenerużi li aħna nakkompanjawhom bit-talb tagħna biex isibuha inqas diffiċli li jgħidu ‘iva’ għall-proġett li l-Mulej għandu fuqhom u jixtieq jagħmel permezz tagħhom.

Nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-qaddisin Dumnikani. Jiena tgħallimt, meta kont Ruma, li l-litanija tal-qaddisin Dumnikani kienet tbeżża’ saħansitra l-Papiet għax meta l-Ordni Dumnikan kien jibda jitlobha, kien jaqla l-grazzji li jeħtieġ. Aħna hemm bżonn, nitlobkom intom għeżież membri tal-Familja Dumnikana, li titolbu b’ħerqa kbira l-litanija tal-qaddisin Dumnikani. Wara kollox, kien Papa Dumnikan li lil Malta salvaha minn qerda kbira wara l-assedju u talab bil-ħerqa li l-kavallieri jibqgħu hawn. San Piju V huwa verament benefattur kbir, kbir tal-poplu tagħna u l-barka ta’ dan il-qaddis Dumnikan għadna nħossuha sal-lum. Jalla l-qaddisin Dumnikani Maltin li m’għandhomx isem, li m’humiex kanonizzati, jinterċedu għalina biex din il-Familja Dumnikana tibqa’ tkun glorja għall-Knisja, kemm universali u kemm f’Malta.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: