Kamra numru 43


Patri Mario Attard OFM Cap

L-Erbgħa, it-28 ta’ Diċembru 2016, kellna l-laqgħa tal-Provinċja tagħna għal żmien il-Milied. Bħala Franġiskani Kapuċċini nkunu qiegħdin nistennewha. L-għaliex, laqgħat bħal dawn, jagħtuna ħafna kuraġġ ħalli nissukktaw interrqu t-triq tal-impenn tagħna lejn Ġesù Kristu u l-Knisja tiegħu.

Dakinnhar wasalt kmieni l-Kunvent. Għalhekk, ħassejt fija x-xewqa li nżur mill-ġdid, u b’qalb miftuħa u tbaqbaq, l-istudentat. Kemm inħobbu l-Istudentat tal-Kunvent tagħna ta’ Floriana! Kemm tifkiriet sbieħ għandi f’qalbi f’dan il-post daqshekk speċjali. F’Arja qaddisa. U fi spazzju ta’ tama kbira u nfinita!

Wasalt. U dħalt, fid-dlam ta’ tlett kurituri. Għaddejt fejn kienet il-Kappella. Minn għajnejja leħħ id-dmugħ! F’moħħi u f’qalbi bdew ġejjin il-ħafna laqgħat ta’ talb li konna norganizzaw bħala studenti. L-aktar dawk l-adurazzjonijiet sbieħ li konna nagħmlu kull ġimgħa. Anki jekk ix-xogħol u l-ħidma, għal xi waqtiet, ħbewli dawn iż-żminijiet tad-deheb f’ħajti. Madankollu, meta dħalt f’din il-kamra, kollox reġa’ beda ġej bil-qawwa tal-ferħ li fih dawn l-esperjenzi għadhom imkebba sewwa.

L-għejja talbitni nistrieħ. Għalhekk ħriġt mill-kamra u ssuktajt miexi. Għaddejt mal-ewwel kuritur. Imbagħad qbadt it-tieni wieħed. Sa ma qbadt l-aħħar wieħed. Bqajt miexi u miexi sa ma wasalt fl-aħħar kamra, il-kamra numru 43. Jiġifieri l-kamra li fiha għext bħala student. X’ħin dħalt mill-ewwel ħassejt l-arja studenteska tiegħi. Mill-ewwel nixxa fuqi dak il-ferħ u dik it-tama. Dik il-ħeġġa li biha ngħannaq miegħi d-dinja kollha. Hekk qaxxarni l-mibki ħabib u l-għażiż ħija Patri Joe Saliba OFM Cap fin-novizzjat tiegħi fil-kunvent tagħna ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli.

Imbagħad, l-għejja, urietni biex nimtedd. Madankollu ma stajtx nimtedd qabel nitfi d-dawl tal-kamra u noqgħod ftit, ħiemed ħiemed, għad-dawl ħelu tat-tubu ċkejken ta’ fuq rasi u għat-tubu ċ-ċkejken tal-iskrivanija. Kemm sigħat qattajt nistudja taħt dan it-tubu! U kemm, minn ġo din il-kamra ċkejkna tal-istudentat, l-istudju ħadni f’pajjiżi u f’nazzjonalitajiet differenti! Saħansitra laqqagħni ma’ żminijiet daqshekk imbiegħda!

Iżda, minkejja daqshekk żminijiet ‘il bogħod, u minkejja daqshekk irfinaturi fil-ħsieb, intbaħt li l-bniedem baqa’ l-istess: dejjem jipprova jifhem lilu nnifsu u dak li qed iseħħ madwaru. Bħalma iva ippruvajt nagħmel jien, f’dak il-mument ħiemed. F’qalbi u f’moħħi bdew ġejjin ruxxmata ħsibijiet. Fejnhom sħabi li kelli miegħi fl-istudentat? X’sar minnu l-ġarr tiegħi? Min jaf jekk issa hux kuntent? U dak tal-faċċata tiegħi? Min jaf jekk sabx dak li qalbu xtaqet tassew li jkollha?

F’dak il-ħin, minn fommi, ħarġet sempliċiment talba: Mulej, berikom fejn huma qiegħdin… U rqadt. Fl-isbaħ mistrieħ li ebda programm, maħsub kemm hu maħsub, ma jista’ qatt jagħtini. Iżda, wara xi ħin, ġejt maħsud. Għax daqq l-iżvejralin tal-mobile. Li ma mmurx ninżel tard għall-laqgħa tagħna tat-talb fil-Knisja! U nsib min iberraqli!

Ilbist iċ-ċoqqa u ħriġt biex nagħlaq. Iżda, hekk kif ftaħt il-bieb tal-kamra biex nitfi d-dawl u nagħlaq il-bieb warajja, rajt imdendel, biswit il-bieb ta’ kamarti, kwadru ċkejken. Kwadru li fuqu kellu l-kliem sabiħ li bih, San Franġisk, jagħlaq l-Għanja tal-Ħlejjaq tiegħu. Dan il-kliem kien jgħid hekk: Faħħru, bierku lill-Mulejja, u bla kburija aqduh ilkoll. X’ħin qrajt dan il-kliem mewġa ta’ ferħ mill-ġdid ħaslitni. Dan kien il-kliem eżatt li jien kont għażilt biex nikteb fuq is-santa tal-professjoni sempliċi li kont għamilt nhar it-Tlieta 19 ta’ Settembru 1995. Sewwasew fil-quddiesa tas-6.30 pm fil-Knisja tagħna ta’ Sant’Antnin f’Għajn Dwieli. L-umiltà ħuti! Li mingħajrha JAQA’ KOLLOX! Għadni niftakar ċarissimu dak li kien qalli raġel: “Kemm kont ferħan dakinnhar!”

Ħabib, dak hu li jagħmel id-differenza! U l-ferħ jiġi minn kemm numilja ruħi quddiem il-Mulej u l-oħrajn! Kemm int kbir Franġisku! U kien propju dan il-kliem ta’ tifħir lill-Mulej u ta’ ċkunija quddiemu li lili baqa’ jberikni sallum!

Jekk in-numru 43 fil-Bibbja jfisser ġlieda, kontroversja, jalla il-motto ta’ ħajti jibqa’ t-tifħir u l-qadi tal-Mulej fl-umiltà. Kemm dan il-kliem jissara tajjeb ma’ dinja ta’ idolatrija tal-jien u supperjva grassa li toħroġ minnu! Ġesù, Marija, San Franġisk u Santa Klara, li x-xbiehat qaddisa tagħhom jinsabu fil-kuritur tal-Istudentat tal-Kunvent ta’ Floriana huma għalija ta’ garanzija rebbieħa f’din it-taqbida kontinwa iżda rebbieħa!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: