Home > Minn Fr Mario Attard OFM Cap, Ġenerali > Laqgħa ma’ ħabib għażiż

Laqgħa ma’ ħabib għażiż


Patri Mario Attard OFM Cap

Kien ilu jtektikli biex nerħilha waħda sa kamartu u nagħmillu intervista. Fl-aħħar, għall-grazzja ta’ Alla, l-opportunità ġiet! Għalhekk, inżilt sa ħdejh. Kemm laqagħni bil-ferħ! ippreżentali siġġu, qgħadt bilqiegħda u tlabna flimkien. Imbagħad għafast il-buttuna on u hekk hu l-intervista tant mistennija mal-ħabib għażiż tiegħi Patri Ġwakkin Mercieca OFM Cap!

Patri Ġwakkin ħadem ħafna għall-Knisja u għall-Ordni Franġiskan Kapuċċin. Bdejt biex nistaqsieh dwar il-vokazzjoni tiegħu. U l-Patri weġibni hekk: “Rigward il-vokazzjoni tiegħi ngħidlek li meta kont għandi żgħir kont qed naħseb x’ħa nagħmel bil-ħajja tiegħi. Kont qed naħsibha immurx qassis, Patri Tereżjan, inkella Patri Agostinjan. Kont nagħmilha ma’ dawn it-tlett tipi ta’ nies. Fil-fatt, kont abbati mal-Patrijiet Agostinjani. U ħija hu Patri Tereżjan. Madankollu darba oħti ħaditni l-kunvent tal-Furjana. Hemmhekk iltqajt ma’ Patri Lawrenz Ceci u bdejt l-iskola Serafika. U hekk bdiet il-ħajja tiegħi”.

Imbagħad staqsejt ftit lil Patri Ġwakkin x’kienu l-aktar affarijiet li laqgħtuh mill-formazzjoni Franġiskana Kapuċċina li ħa fil-formazzjoni tal-bidu tiegħu u kif dawn baqgħu jitrawmu miegħu sallum. Patri Ġwakkin weġibni: “Dawk li baqgħu miegħi sallum huma li tobdi. Għall-grazzja ta’ Alla dejjem obdejt lis-superjuri tiegħi. Dejjem kont aċċettat minnhom. U hekk ngħidilhom liż-żgħar tagħna: ‘Aktar ma tbaxxi rasek aktar il-Mulej se jgħinek’”.

Fil-mistoqsija ta’ warajha iżda li hi marbuta ma’ ta’ qabilha, staqsejtu dwar dawk l-affarijiet li lilu, bħala Patri, tawh l-aktar kuraġġ fil-mixja tiegħu fil-Ħajja Ikkonsagrata. Staqsejtu wkoll x’kienu t-tagħlimiet li għaddewlu oħrajn u, li hu, għaddiehom lin-nies li kellhom il-barka li jiltaqgħu miegħu fil-mixja ta’ ħajjithom. U Patri Ġwakkin wieġeb: “Wieħed mill-Patrijiet li kont l-aktar nammira kien Patri Stiefnu Barbara. Kien il-Patri sempliċi kemm jista’ ikun. Patri li kien iħobb l-Ewkaristija. Patri li kien iħobb jippriedka. U l-priedki tiegħu kienu dejjem bis-sempliċità”.

Għall-grazzja ta’ Alla Patri Ġwakkin, kulfejn kien, dejjem ħalla l-impronta ta’ Kristu fin-nies li iltaqa’ magħhom. Għalhekk staqsejtu dwar x’għallmuh in-nies komuni. U hu weġibni: “In-nies komuni jgħallmuni li huma aħjar minni. Għalkemm huma sekulari issib minnhom li għandhom qalb tenera, qalb li tħobb lil min hu anqas ixxurtjtat minnhom, qalb li jġagħluk tara lil Ġesù fil-wiċċ tagħhom”.

Personalment lill-Patri Ġwakkin nafu jaħdem bħala missjunarju. Għalhekk staqsejtu dwar minfejn nibtet l-imħabba tiegħu lejn il-missjoni. “L-imħabba tiegħi għall-missjoni,” qalli, “nibtet minn meta konna għandna studenti. Fl-istudentat kellna għaqda bejnietna li kien jisimha Il-Missjunarju. Minn hemmhekk, bħala student, baqgħet miegħi l-ħajra li nkun missjunarju”. Il-kurżità għelbitni! Għalhekk staqsejtu f’liema pajjiżi kien missjunarju. “Kont missjunarju fil-Kolumbja, fil-Kenja u f’Kuba. Qattajt ukoll xi żmien fl-Italja, bħala Kappillan fl-Isptar. Madankollu l-ħajja tiegħi kienet aktar missjunarja”.

Patri Ġwakkin jħobb jirrakkonta, b’imħabba kbira, l-esperjenza tiegħu fl-Italja, meta, għal xi żmien, kien Kappillan fi sptar f’Napli. Għalhekk stedintu biex jitħaddet ftit fuq din l-esperjenza u jekk kienx hemm xi esperjenza li tassew baqgħet miegħu u għamlitlu ħafna kuraġġ. “Napli! U ħafna!”, weġibni. “Il-fama li għandha Napli hija dik tal-mafjużi. Madankollu jekk Napli għandha erba’ miljun ruħ u minnhom tneħħi nofs miljun li huma mafjużi, il-miljuni l-oħra fejn huma qiegħdin? Din tagħmilli kuraġġ li aħna ma rridux naraw il-ħażin. Imma għandna naraw ukoll it-tajjeb. L-għaliex it-tajjeb ma jidhirx. Ġesù qalilna: ‘Meta nkun fuq is-salib jiena niġbed lil kulħadd lejja’. U dak li kienu jgħallmuni n-Naplitani. Kienu jgħiduli dejjem din is-sentenza: ‘Aħna wara Ġesù għalkemm hawn ħafna minna mafjużi.’”

Meta insemmi Napli bilfors li jkolli nsemmi tabib tal-prima klassi, li, personalment, inħobb ħafna insemmieh. Anki fil-kanoni tal-quddiesa. Jiġifieri San Giuseppe Moscati. Għalhekk staqsejt lil Patri Ġwakkin jekk marx fuq il-qabar tiegħu. B’entużjażmu kbir il-Patri weġibni: “Uuu! Hemmhekk kont nitgħaxxaq! Fejn qiegħed għandu Knisja sabiħa ferm! Jieħdu ħsiebha l-Ġiżwiti. Għalkemm ili ħafna nieqes minn hemm għadhom jibgħatuli sallum ir-rivista tagħhom ta’ San Giuseppe Moscati.”

Waqt it-taħdita tagħna fraħt lil Patri Ġwakkin għall-ferħ kbir li għandu ġewwa fih. Għax tassew, min jaf tassew lil dan il-Patri sempliċi u umli jinnota fih trankwillità kbira. Għalhekk staqsejtu dwar x’inhu s-sigriet tal-ferħ li jġorr. Issa din il-mistoqsija ħassejt li kelli nagħmilhielu ħalli min qed isibha diffiċli li jkun ferħan jieħu kuraġġ minn Patri Ġwakkin. U l-Patri stqarrli: “Dan m’hemmx għalfejn ngħiduh. Biex tkun ferħan trid tkun ta’ Ġesù. Safejn naf jien, bil-qawwa tiegħu, l-għaliex Ġesù qalilna, ‘li mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn’. Nipprova nersaq lejh permezz ta’ ommna Marija. Jiena dejjem ngħidilha: ‘Skużani meta nonqos lil Ibnek’. U hi tgħidli: ‘Tibżax! Dak jifhmek!’ B’hekk, fil-ħajja tiegħek, ikollok it-tbissima. U, lil kulħadd, min jiġi ħdejk, tħarislu lejn għajnejh u tgħidlu: ‘Int tixbaħ lil Kristu’. U hekk jinbet il-ferħ”.

Lil Patri Ġwakkin staqsejtu dwar x’jixtieq jgħid liż-żgħażagħ li qiegħdin iħossu s-sejħa biex isegwu l-ħajja Franġiskana Kapuċċina. Il-Patri jgħidilhom hekk: “Ngħidilhom: ‘Qiegħdin titilfu ħafna!’ Taraw lilna l-patrijiet u tgħidulna: ‘Intom tajbin’. U intant intom ma tersqux lejna. Madankollu jiena ngħid li ż-żgħażagħ tallum iħobbu ħafna lill-Mulej u lill-proxxmu tagħhom. Kemm hawn żgħażagħ li jmorru jaħdmu fil-missjoni, speċjalment ma’ Madre Tereża u ma’ ħafna oħrajn! Lil dawn iż-żgħażagħ irridu nagħmlulhom kuraġġ. L-ewwel wieħed jien, biex jissuktaw jaħdmu. Madankollu, iż-żgħażagħ illum, jekk jaraw eżempju tajjeb minna, jkollhom aktar kuraġġ. Għax aħna kultant ngħidu, kif intqal ħafna drabi, għaż-żgħażagħ tallum: ‘aħna ma konniex hekk’. Iżda lanqas huma m’humiex bħalna. Għax huma, li jagħmlu, jagħmluh fuq il-passi tagħna. Biss jien ngħid li ż-żgħażagħ tallum aktar għandhom qalb miftuħa għall-missjoni miż-żgħażagħ ta’ żmieni”.

F’rabta mal-mistoqsija ta’ qabilha u f’aktar ftuħ, tlabt lil Patri Ġwakkin biex, mill-esperjenza tiegħu, iwassal messaġġ lil dawk li qiegħdin iħossu s-sejħa biex jidħlu fil-Ħajja Ikkonsagrata jew inkella f’dik saċerdotali. U Patri Ġwakkin wieġeb: “Mill-esperjenza tiegħi ngħidilhom biex ikomplu jgawdu l-għajta tal-Mulej lilhom. U ma jinsewx li fil-Knisja hemm Ġesù Sagramentat. U ma’ Ġesù Sagramentat miegħu hemm ukoll il-Madonna. B’hekk dawn iż-żgħażagħ jkollhom il-qalb tagħhom fit-talb. Hawn min jgħidlek: ‘Patri Ġwakkin ma nafx nitlob’. U jien ngħidilhom: ‘Imma titkellem miegħi taf’. Mela tkellem ma’ Ġesù. Dik hija għaż-żgħażagħ, li huma jitolbu. U aħna li nitolbu għalihom”.

Fl-aħħar nett, staqsejtu dwar x’inhi l-aktar talba li meta jitlobha jħossu tant b’saħħtu fil-ħajja. “It-talba tar-Redentur”, weġibni. “Il-karozza tiegħi taf tmur l-Isla bl-amment. Għax meta nkun miexi lejn dawk l-inħawi, bħal Bormla, il-Kalkara jew Ħaż-Żabbar, lanqas inkun naf kif nibqa’ sejjer l-Isla! U insib ruħi hemmhekk, ħdejn ir-Redentur. Il-kelma Redentur tfakkarna li lilna salvana. Huwa ġie fid-dinja permezz ta’ twelidu. Baqa’ jikber sa ma sab ruħu msallab mas-Salib. U minn fuq is-Salib lanqas ma ried iħallina waħedna. Tana ‘l ommu bħala l-gwida tagħna lejH. Ir-Redentur biss huwa r-redentur tagħna”.

L-aħħar kelmiet ta’ Patri Ġwakkin f’din l-intervista kienu: “U jiena nitlobkom biex titolbu għalija ħalli dan l-aħħar żmien ta’ ħajti ngħaddihom billi nersaq aktar lejn Ġesù. Għaliex Ġesù għalhekk tani ż-żmien”.

Żurhom lill-anzjani! Speċjalment lill-patrijiet u l-qassisin! Tferraħhom! Tagħmillhom kuraġġ! Mingħajr ma taf, dawn taw ħajjithom għalik! Mela grazzi għeżież ħutna anzjani! U grazzi għażiż ħabib tiegħi, Patri Ġwakkin!

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: