Ittra Pastorali – Randan 2017


Is-Sibt, 11 ta’ Marzu 2017 kienet publikata u moqrija fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex, l-Ittra Pastorali tal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ghar-Randan 2017.

GĦAŻLIET SKONT IL-QALB TAL-MULEJ.

MILL E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNA
Arċisqof ta’ Malta

u

MILL E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

“Qumu. La tibżgħux” (Mt 17, 7). Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu – lil Pietru, lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni – wara l-esperjenza tiegħu fuq it-Tabor. Huma xhieda tas-sebħ tiegħu, huma xhieda ta’ leħen il-Missier li jgħid fuq Ġesù: “Dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu. Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin bil-biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: ‘Qumu. La tibżgħux’” (Mt 17, 5-7).
Il-kelma ta’ Ġesù hija kelma ta’ kuraġġ għaliex mhux faċli li inti u tħares lejn
il-Mulej Ġesù fis-sebħ u l-glorja tiegħu, u tħares lejh ukoll minxur fuq salib fit-tbatija u l-agunija tiegħu, tgħid: “Se nimxi warajh”. Dak li jitlob minna d-dixxipulat, jiġifieri li aħna nkunu dixxipli ta’ Ġesù, mhux dejjem faċli. Jitlob minna proċess ta’ għarfien, ta’ verità, ta’ umiltà, proċess li nistgħu nsejħulu ta’ dixxerniment.

L-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin
San Pawl Missierna, hu u jikteb lit-Tessalonikin, qalilhom: “Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr ’l Alla f’kollox … Ixxekklux l-Ispirtu, tmaqdrux il-profezija, ippruvaw kollox; it-tajjeb żommuh, u, fuq kollox, warrbu kull xorta ta’ ħażen”
(1 Tess 5, 16-22). Quddiemna, ħafna drabi, tidher l-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kif jgħid Ġwanni l-appostlu lill-komunità tal-ewwel Insara: “Mhux lil kull xorta ta’ spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejjin minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja” (1Ġw 4, 1). Ġesù stess jgħidilna li s-siġra tagħrafha mill-frott tagħha. Jgħidilna wkoll li: “ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6, 24).
Il-ħajja Nisranija hija sensiela kontinwa ta’ għażliet, u t-talba tagħna hija li aħna nagħżlu t-tajjeb. Kif jgħallem San Pawl Missierna, l-Ispirtu tal-Mulej iwassalna għall-frott bnin tal-imħabba, tas-sabar, tal-verità, tar-rażan, mentri l-ispirtu ħażin jiżra’ fostna l-firda, il-mibegħda, il-gidba, l-għira u dak kollu li jfarrakna u jkissirna.

Għażliet skont il-qalb tal-Mulej
Aħna l-Isqfijiet nixtiequ ninkoraġġixxu lill-Insara Maltin u Għawdxin, huma u jissieltu kull jum ta’ ħajjithom, biex jagħmlu l-għażliet skont il-qalb tal-Mulej.
Il-Papa Franġisku jfakkarna li l-ħajja Nisranija hija ħajja li timpenjana anke f’taqtigħa ma’ dak il-ħażen li hemm fil-qalb tagħna. Il-Papa jgħidilna: “Mhux mistenni minna li nkunu bla ħtija f’kollox, imma pjuttost li nkunu dejjem fi proċess li fih nibqgħu nikbru, li ngħixu x-xewqa qawwija li nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq tal-Evanġelju, u ejjew ma nċedux l-armi” (Evangelii Gaudium, 151).

Il-Papa qiegħed jirrepetilna l-kliem ta’ Ġesù: “La tibżgħux” (Mt 17, 7), imma jippreparana wkoll għat-taqbida li aħna għandna bżonn naffaċċjaw meta jkollna bżonn nagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla għalina. Il-Papa jgħallimna li fil-preżenza ta’ Alla, tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: Mulej, x’qed tgħid lili f’dan il-mument din is-silta mill-kelma tiegħek? Xi trid tibdel f’ħajti b’dan il-messaġġ? X’qed idejjaqni f’din is-silta mill-kelma tiegħek? Għaliex dan ma jolqotnix? X’jogħġobni? X’hemm li jħeġġiġni f’din il-kelma? X’jiġbidni fiha? Għaliex jiġbidni? Meta nfittxu li nisimgħu lill-Mulej hu normali li jkollna t-tentazzjonijiet. Waħda minnhom hi sempliċement meta nħossuna mdejqin u magħfusin, u ningħalqu fina nfusna. Tentazzjoni oħra komuni ħafna hi li nibdew naħsbu li l-kelma ta’ Alla hija għall-oħrajn, biex nevitaw li napplikawha għal ħajjitna stess. Jiġri wkoll li kultant nibdew infittxu skużi li bihom infaqqru l-messaġġ ta’ Ġesù. Drabi oħra naħsbu li Alla qed jitlob minna deċiżjoni kbira wisq, li m’aħniex fi stat li nistgħu nieħdu.
Il-Papa jkompli jgħid li dan iwassal lil ħafna persuni biex jitilfu l-ferħ tal-laqgħa mal-kelma ta’ Ġesù, imma dan għax inkunu qegħdin ninsew li ħadd mhu paċenzjuż daqs Alla l-Missier, li ħadd ma jaf jifhem u jistenna daqs kemm jaf Hu. Hu dejjem jistedinna biex immiddu pass ieħor, imma ma jistenniex tweġiba sħiħa mingħandna jekk għadna ma għamilniex il-mixja kollha li jagħmilha possibbli. Il-Mulej sempliċement jixtieq li nħarsu b’sinċerità lejn ħajjitna u nippreżentawhielu bla tgħawwiġ, li nkunu disposti li nkomplu nikbru, u li nitolbu lilu dak li s’issa għad ma rnexxilniex naslu għalih (ara Evangelii Gaudium, 153).

Għajnuna lill-koppji Nsara
Fid-dawl ta’ dan il-kliem tal-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium, bil-Malti Il-Ferħ tal-Evanġelju, aħna l-Isqfijiet tajna lis-saċerdoti tagħna sensiela ta’ kriterji biex ikunu jistgħu jgħinu lill-koppji li qegħdin f’sitwazzjoni kumplessa, fil-ħajja jew taż-żwieġ jew dik ta’ flimkien. Aħna l-Isqfijiet m’aħniex nagħtu l-permess lil xi kategorija ta’ nies li jitqarbnu mingħajr ma jagħmlu proċess ta’ dixxerniment.
Bl-ebda mod ma rridu nnaqqsu mill-qawwa tal-Evanġelju tal-Mulej fuq il-familja u fuq iż-żwieġ. Qalb waħda mal-Papa, aħna l-Isqfijiet nixtiequ nwasslu l-qalb
tal-Knisja lil kull wieħed u waħda minnkom, lil kull wieħed u waħda minn ħutna li jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli. Is-saċerdot, f’isimna u f’isem il-Knisja, la jaħbi
l-kelma ta’ Ġesù u lanqas jonqos milli jwassal il-qalb mimlija ħniena tal-Mulej.
It-tentazzjonijiet li semmejna, aħna u nsegwu t-tagħlim tal-Papa, jgħoddu għal kulħadd, jgħoddu wkoll għall-koppji żgħażagħ li qed jippreparaw għaż-żwieġ. Aħna bħala komunità Nisranija nkomplu nħabbru ż-żwieġ kif ħalqu Alla: rabta dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda, miftuħa għad-don tal-ħajja. Li aħna nilqgħu lil dawk ħutna li fil-ħajja affettiva jagħmlu għażliet differenti ma jħassar xejn
mis-sbuħija tal-Evanġelju li kien mill-bidu, l-Evanġelju tal-Ferħ tal-Imħabba bejn ir-raġel u l-mara.

L-għażliet tas-soċjetà Maltija
Is-soċjetà Maltija, bħal kull soċjetà oħra, se jkollha tiffaċċja għażliet importanti dwar il-futur tagħha, dwar il-futur tal-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. It-talba tagħna
l-Isqfijiet hija li l-poplu Malti jagħraf jagħżel it-triq li twassal għall-ħajja u għall-paċi, li l-poplu tagħna ma jibża’ qatt jisma’ l-vuċi tal-Mulej Ġesù li llum, fuq
it-Tabor, deher jiddi fis-sebħ glorjuż tiegħu. “Afda fil-qawwa ta’ Alla” (2 Tim 1,8), jgħid San Pawl Appostlu Missierna lil Timotju: Afda fil-qawwa ta’ Alla li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skont il-pjan tiegħu stess u skont il-grazzja, jew l-imħabba tiegħu (ara 2 Tim 1, 8-9).
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
Illum, l-1 ta’ Marzu 2017, bidu tar-Randan Imqaddes.

✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: