MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
GĦAT-63 JUM DINJI TAT-TALB
GĦALL-VOKAZZJONIJIET
Ir-4 Ħadd tal-Għid – 26 ta’ April 2026
L-Iskoperta Interna tad-Don t’Alla
Għeżież ħuti, għeżież żgħażagħ!
Iggwidati u protetti minn Ġesù Rxoxt, niċċelebraw fir-raba’ Ħadd tal-Għid — imsejjaħ ukoll “Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb” — it-63 Jum Dinji tat-Talb għall-Vokazzjonijiet. Hija okkażjoni ta’ grazzja li fiha naqsmu bejnietna xi riflessjonijiet dwar id-dimensjoni interna tal-vokazzjoni, mifhuma bħala l-iskoperta tad-don b’xejn t’Alla li jiffjorixxi fil-fond ta’ qlubna. Ejjew nesploraw flimkien it-triq tassew sabiħa tal-ħajja li matulha jiggwidana r-Ragħaj.
It-triq tas-sbuħija
Fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, Ġesù jiddeskrivi lilu nnifsu bħala r-“ragħaj it-tajjeb” (ὁ ποιμὴν ὁ καλός) (Ġw 10:11). Din l-espressjoni tirreferi għal ragħaj perfett, awtentiku u eżemplari, għax lest li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, u b’hekk juri l-imħabba ta’ Alla. Huwa r-Ragħaj li jiġbidna lejh, li l-ħarsa tiegħu turi li l-ħajja hija tassew sabiħa meta wieħed jimxi warajh. La l-għajnejn tal-ġisem u lanqas is-sensi estetiċi waħedhom mhuma biżżejjed biex jagħrfu din is-sbuħija; pjuttost, huma meħtieġa il-kontemplazzjoni u interjorità. Huwa biss min jieqaf, biex jisma’, jitlob u jilqa’ l-ħarsa tar-Ragħaj jista’ jgħid b’kunfidenza: “Nafda fih; miegħu, l-ħajja tista’ tkun tassew sabiħa. Irrid nimxi f’din it-triq tas-sbuħija.” L-aktar ħaġa straordinarja hija li, meta wieħed isir dixxiplu tiegħu, isir tassew “sabiħ”; is-sbuħija tiegħu tittrasformana. Kif kiteb it-teologu Pavel Florenskij, l-axxetiżmu ma jipproduċix sempliċement persuna “tajba”, iżda waħda “sabiħa”. [1] Fil-fatt, aktar mit-tjubija, il-karatteristika distintiva tal-qaddis hija s-sbuħija spiritwali mdawwla li tirradja minn ħajtu fi Kristu. B’dan il-mod, il-vokazzjoni Nisranija tiżvela ruħha fil-fond kollu tagħha bħala parteċipazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, billi taqsam fil-missjoni tiegħu u tirrifletti s-sbuħija tiegħu.
Din l-esperjenza interna tal-ħajja, tal-fidi u tat-tifsira kienet ukoll l-esperjenza ta’ Santu Wistin, li, fit-tielet ktieb tal-Istqarrijiet, filwaqt li jirrikonoxxi d-dnubiet u l-iżbalji ta’ żgħożitu, jirrikonoxxi lil Alla bħala “Inti kont fija aktar ‘il gewwa minn dak li hu l-izjed gewwieni go fija,.” [2] Aktar milli l-għarfien tiegħu nnifsu, Wistin jiskopri s-sbuħija tad-dawl divin li jiggwidah fid-dlam. Meta pperċepixxa l-preżenza ta’ Alla fl-iktar rokna ta’ ruħu, fehem l-importanza li jieħu ħsieb il-ħajja interna bħala post ta’ laqgħa ma’ Kristu, li huwa t-triq biex nesperjenzaw is-sbuħija u t-tjubija ta’ Alla f’ħajjitna stess.
Relazzjoni bħal din hija bbażata fuq it-talb u s-silenzju, u meta tiġi kkultivata tiftaħna biex nirċievu u nwieġbu b’mod attiv għad-don tal-vokazzjoni. Qatt mhi impożizzjoni jew mudell wieħed li jgħodd għal kulħadd li wieħed sempliċement jikkonforma miegħu; pjuttost, hija avventura ta’ mħabba u ferħ. Għalhekk, abbażi tal-kura tal-ħajja interjuri, irridu nibdew mill-ġdid b’urġenza l-ministeru vokazzjonali tagħna u nġeddu l-impenn tagħna għall-evanġelizzazzjoni.
Fid-dawl ta’ dan, nistieden lil kulħadd –– fil-familji, fil-parroċċi u fil-komunitajiet reliġjużi, kif ukoll lill-isqfijiet, lis-saċerdoti, lid-djakni, lill-katekisti, lill-edukaturi u lill-fidili kollha –– biex jimpenjaw ruħhom b’mod aktar sħiħ fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippermettu li dan id-don jiġi mħaddan, mitmugħ, protett u akkumpanjat, sabiex jagħti frott abbundanti. Huwa biss meta l-ambjent ta’ madwarna jkun imdawwal minn fidi ħajja, sostnut minn talb kostanti u arrikkit minn akkumpanjament fratern li s-sejħa ta’ Alla tista’ tiffjorixxi u timmatura, u ssir triq ta’ ferħ u salvazzjoni għall-individwi u għad-dinja. Billi nibdew it-triq li jurina Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, insiru nafu aktar fil-fond kemm lilna nfusna kif ukoll lil Alla li jsejħilna.
Għarfien reċiproku
“Il-Mulej tal-ħajja jafna u jdawwal qlubna bil-ħarsa tiegħu kollha mħabba.” [3] Tabilħaqq, kull vokazzjoni tibda bl-għarfien u l-esperjenza ta’ Alla li hu mħabba (ara 1 Ġw 4:16). Jafna profondament; għadd ix-xagħar ta’ rasna (ara Mt 10:30) u ħaseb għal kull persuna triq unika ta’ qdusija u servizz. Madankollu dan l-għarfien irid dejjem ikun reċiproku. Aħna mistiedna nsiru nafu lil Alla permezz tat-talb, is-smigħ tal-Kelma, is-Sagramenti, il-ħajja tal-Knisja u l-opri ta’ karità għal ħutna. Bħaż-żagħżugħ Samwel, li bla mistenni sama’ il-vuċi tal-Mulej matul il-lejl u tgħallem jagħrafha bl-għajnuna ta’ Eli (ara 1 Sam 3:1–10), aħna wkoll irridu noħolqu spazju ta’ skiet intern sabiex nisimgħu dak li jixtieq jgħidilna l-Mulej għall-hena tagħna. Din mhix kwistjoni ta’ ideat għoljin jew tagħlim akkademiku, iżda ta’ laqgħa personali li tittrasforma ħajjitna. [4] Alla jgħammar fi qlubna. Il-vokazzjoni tinħtieġ djalogu intimu ma’ Dak li jsejħilna u jistedinna biex inwieġbu b’ferħ u ġenerożità vera. U dan, minkejja l-istorbju li jistordi, li ġej mid-dinja ta’ madwarna.
Noli foras ire, in te ipsum redi, in interiore homine habitat veritas –– “Toħroġx ’il barra minnek innifsek. Erġa’ lura ġo fik innifsek. Il-verità tgħammar fil-persuna ta’ ġewwa.” [5] Għal darb’oħra, Santu Wistin ifakkarna kemm hu importanti li nitgħallmu nieqfu u noħolqu spazju għas-silenzju intern, sabiex inkunu nistgħu nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù Kristu.

Għeżież żgħażagħ, isimgħu din il-vuċi! Isimgħu l-vuċi tal-Mulej li jistedinkom għal ħajja sħiħa u għammiela, isejħilkom biex tpoġġu t-talenti tagħkom għall-użu tiegħu (ara Mt 25:14-30) u biex tgħaqqdu l-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet tagħkom mas-salib glorjuż ta’ Kristu. Sibu ħin, mela, għall-adorazzjoni Ewkaristika; immeditaw b’fedeltà fuq il-kelma ta’ Alla, sabiex tpoġġuha fil-prattika kuljum; u ħudu sehem b’mod attiv u sħiħ fil-ħajja sagramentali u ekkleżjali tal-Knisja. B’dan il-mod, issiru tagħrfu lill-Mulej. Permezz tal-intimità tal-ħbiberija tiegħu, tiskopru kif tagħtu lilkom infuskom, kemm jekk permezz taż-żwieġ, is-saċerdozju, id-djakonat permanenti, jew il-ħajja kkonsagrata. Kull vokazzjoni hija don bla qies għall-Knisja u għal dawk li jilqgħuha bil-ferħ. Li tkun taf lill-Mulej ifisser fuq kollox li titgħallem tafda lilek innifsek lilu u lill-providenza tiegħu, li hija abbundanti f’kull vokazzjoni.
Fiduċja
L-għarfien iwassal għall-kunfidenza, mentalità li titnissel mill-fidi u hija essenzjali kemm biex tilqa’ l-vokazzjoni tiegħek kif ukoll biex tippersisti fiha. Tabilħaqq, il-ħajja tirrivela ruħha bħala att kontinwu ta’ fiduċja fil-Mulej u abbandun f’idejh, anke meta l-pjanijiet tiegħu jħawdu lil dawk tagħna.
Ejjew naħsbu fuq San Ġużepp, li, minkejja t-tqala misterjuża u mhux mistennija tal-Verġni, fada fil-messaġġ divin rivelat f’ħolma u laqa’ lil Marija u lit-tarbija tagħha b’qalb ubbidjenti (ara Mt 1:18-25; 2:13-15). Ġużeppi ta’ Nazaret huwa eżempju ta’ fiduċja sħiħa fil-pjanijiet ta’ Alla. Huwa fada anke meta kollox madwaru deher moħbi fid-dlam u fl-inċertezza, meta l-ġrajjiet dehru li qed imorru ‘l hinn mill-pjanijiet tiegħu stess. Huwa fada u ħalla lilu nnifsu f’Alla, ċert mit-tjubija u l-fedeltà tal-Mulej. “F’kull sitwazzjoni, Ġużeppi ddikjara l-‘fiat’ tiegħu stess, bħal dawk ta’ Marija fit-Tħabbira u ta’ Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani.” [6]
Kif fakkarna l-Ġublew tat-Tama, huwa meħtieġ li nikkultivaw fiduċja soda u kostanti fil-wegħdiet ta’ Alla, mingħajr ma qatt inċedu għad-disperazzjoni. Irridu negħlbu l-biżgħat u d-dubji, fiduċjużi li l-Mulej tal-istorja — kemm tad-dinja kif ukoll tal-istorja personali tagħna — qam mill-imwiet. Ma jabbandunaniex fl-iktar sigħat mudlama tagħna, imma jiġi biex ikeċċi kull dell bid-dawl tiegħu. Bid-dawl u l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, anke fost il-provi u l-kriżijiet, nistgħu naraw il-vokazzjoni tagħna tikber u timmatura, tirrifletti dejjem aktar is-sbuħija ta’ Dak li sejħilna — sbuħija msawra mill-fedeltà u l-fiduċja, minkejja l-ġrieħi u l-fallimenti tagħna.
Maturazzjoni
Tabilħaqq, vokazzjoni mhijiex mument wieħed, iżda proċess dinamiku ta’ maturazzjoni sostnut mill-intimità mal-Mulej tagħna. Li tikber fil-vokazzjoni tiegħek ifisser li tkun ma’ Ġesù, tħalli lill-Ispirtu s-Santu jaġixxi f’qalbna u fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja, u terġa’ tinterpreta kollox fid-dawl ta’ dan id-don.
Bħad-dielja u l-friegħi (ara Ġw 15:1-8), ħajjitna kollha trid tkun msejsa fuq rabta qawwija u vitali mal-Mulej, sabiex inkunu nistgħu nwieġbu b’qalbna kollha għas-sejħa tiegħu permezz tal-provi tagħna u ż-“żbir” neċessarju. Il-“postijiet” fejn ir-rieda t’Alla hija l-aktar manifestata, u fejn nesperjenzaw l-imħabba infinita tiegħu, ħafna drabi huma r-rabtiet awtentiċi u fraterni li nistabbilixxu matul ħajjitna. Kemm hu prezzjuż li jkollna gwida spiritwali vera li jakkumpanjana fl-iskoperta u t-tkabbir tal-vokazzjoni tagħna! Kemm hu importanti li nagħrfu u niflu it-tħeġġiġ tal-Ispirtu s-Santu, sabiex vokazzjoni tkun tista’ titwettaq fis-sbuħija kollha tagħha!
Għalhekk, vokazzjoni mhijiex pussess immedjat — xi ħaġa “mogħtija” darba għal dejjem. Minflok, hija triq li tiżvolġi bħall-ħajja nnifisha. Ir-rigal li rċevejna mhux biss irid jiġi protett iżda wkoll mitmugħ minn relazzjoni ta’ kuljum ma’ Alla sabiex jikber u jagħti l-frott. “Dan jgħin, peress li jqiegħed ħajjitna kollha f’relazzjoni ma’ Alla li jħobbna. Iġegħelna nirrealizzaw li xejn mhu riżultat ta’ kumbinazzjoni pura iżda li kollox f’ħajjitna jista’ jsir mod kif inwieġbu lill-Mulej, li għandu pjan mill-isbaħ għalina.” [7]
Għeżież ħuti, għeżież żgħażagħ, inħeġġiġkom tikkultivaw ir-relazzjoni personali tagħkom ma’ Alla permezz tat-talb u l-meditazzjoni ta’ kuljum fuq il-Kelma. Ieqfu, isimgħu u afdaw fikom infuskom. B’dan il-mod, id-don tal-vokazzjoni tagħkom jimmatura, iġibilkom il-ferħ u jagħti frott abbundanti għall-Knisja u għad-dinja.
Jalla l-Verġni Marija, mudell tal-aċċettazzjoni interna tad-doni divini u esperta fis-smigħ bit-talb, dejjem takkumpanjakom f’dan il-vjaġġ!
Mill-Vatikan, 16 ta’ Marzu 2026
LEO PP. XIV
[1] “Asceticism produces not a ‘good’ or ‘kind’ man but a beautiful one, and the distinguishing feature of the saintly ascetics is not their ‘kindness,’ which even people of the flesh, and very sinful ones, can possess, but spiritual beauty, the blinding beauty of a radiant, light-bearing person, a beauty wholly inaccessible to the man of flesh” (P. Florenskij, The Pillar and Ground of the Truth, Princeton 1997, 72).
[2] Saint Augustine, Confessions, III, 6, 11: CSEL 33, 53.
[3] Apostolic Letter A Fidelity that Generates the Future (8 December 2025), 5.
[4] cf. Benedict XVI, Encyclical Letter Deus Caritas Est (25 December 2005), 1.
[5] Saint Augustine, On True Religion, XXXIX, 72: CCSL 32, 234.
[6] Francis, Apostolic Letter Patris Corde (8 December 2020), 3.
[7] Francis, Post-synodal Apostolic Exhortation Christus Vivit (25 March 2019), 248.
Ara messaġġi oħra għal Jiem Dinjija ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet minn snin preċedenti …