IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
IV Ħadd tal-Għid, 26 ta’ April, 2026
Għeżież ħuti,il-jum it-tajjeb u l-Ħadd it-tajjeb!
Aħna u nkomplu l-mixja tagħna fi żmien l-Għid, l-Evanġelju llum itina kliem Ġesù li jqabbel
Lilu nnifsu ma’ ragħaj, u wara, mal-bieb tal-maqjel (cfr Ġw 10-10)
Ġesù joħloq kuntrast bejn ir-ragħaj u l-ħalliel. Infatti jafferma: “Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant” (v. 1). U aktar ‘il quddiem, b’mod aktar ċar: “Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (v. 10). Id-differenza hi ċara: ir-ragħaj għandu rabta speċjali man-nagħaġ tiegħu u għalhekk, jista’ jidħol mill-bieb tal-maqjel; iżda jekk xi ħadd ikollu jaqbeż minn naħa oħra, allura dak żgur hu ħalliel li jrid jisraq in-nagħaġ.
Ġesù qed jgħid li hu marbut magħna b’relazzjoni ta’ ħbiberija: Hu jafna, isejħilna b’isimna, imexxina, u, kif jagħmel ir-ragħaj man-nagħaġ tiegħu, jiġi jfittixna meta nintilfu u jinfaxxa l-ġrieħi tagħna meta nkunu morda (cfr Eż 34,16). Ġesù ma jiġix qiesu ħalliel biex jisirqilna ħajjitna u l-libertà tagħna iżda biex imexxina fit-toroq it-tajba. Ma jiġix biex jaħtaf jew biex jinganna l-kuxjenza tagħna, iżda biex idawwalha bid-dawl tal-għerf tiegħu. Ma jiġix biex iniġġeż il-ferħ tagħna fid-dinja, imma biex jiftaħna għal hena aktar sħiħ u dejjiem. Min jafda fiH m’għandu għalfejn jibża’ minn xejn: Hu ma jiġix biex jumiljana imma biex itina l-ħajja bl-abbundanza (cfr v. 10).
Ħuti, aħna mistednin nirriflettu u fuq kollox nishru fuq il-maqjel ta’ qalbna u ta’ ħajjitna biex min jidħol ikun jista’ jimmoltiplika l-ferħ għax inkella, bħall-ħalliel, jista’ jisraqhielna. “Il-ħallelin” jista’ jkollhom bosta uċuħ: huma dawk li, minkejja l-apparenzi, joħonqulna l-libertà tagħna jew inkella ma jirrispettawx id-dinjità tagħna; huma l-konvinzjonijiet u l-preġudizzji li jostakolaw il-mod seren ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja u lejn l-oħrajn; huma l-ideat żbaljati li jistgħu jwassluna biex nagħmlu għażliet negattivi; huma stili ta’ ħajja superfiċjali jew mogħtijin għall-konsumiżmu, li jiżvujtawna interjorment u jixprunawna biex ngħixu dejjem ‘il barra minna nfusna. U ma ninsewx ukoll lil dawk “il-ħallelin” li jagħmlu ħerba mir-riżorsi tal-art, jiġġieldu gwerer imdemmija jew li jogħxew fil-ħażen ta’ kull għamla. Ma jkunu jagħmlu xejn ħlief jisirqulna l-possibbiltà ta’ ġejjieni ta’ paċi u serenità.
Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: lil min irridu nħallu jmexxilna ħajjitna? Liema huma “l-ħallelin” li ppruvaw jidħlu fil-maqjel tagħna? Irnexxilhom, jew kellna ħila nkeċċuhom?
Illum l-Evanġelju jistedinna nqiegħdu l-fiduċja tagħna fil-Mulej: Hu ma jiġi biex jisirqilna xejn, anzi, hu r-Ragħaj it-tajjeb li jseddaq ħajjitna u joffrihielna bl-abbundanza. Jalla l-Verġni Marija takkumpanjana dejjem fil-mixja tagħna u tinterċedi għalina u għad-dinja kollha.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti,
illum jaħbat l-40 anniversarju tal-inċident traġiku ta’ Chernobyl, li ħalla marka fuq il-kuxjenza tal-umanità. Dan jibqa’ twissija dwar ir-riskji inerenti fl-użu ta’ teknoloġija dejjem aktar potenti. Nafdaw fil-ħniena tal-Mulej lill-vittmi u lil min għadu jsofri l-konsegwenzi. Nawgura li fil-livelli deċiżjonali kollha, dejjem isaltnu d-dixxerniment u r-reponsabbiltà sabiex kull użu tal-enerġija atomika jkun għas-servizz tal-ħajja u tal-paċi.
U issa ndur lejkom, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi: merħba!
Insellem lill-Kavallieri u d-Damiġelli tal-Ordni ta’ San Ġorġ, Ordni Ewropew tad-Dar Asburgo-Lorena. Insellem lit-tfal tal-grupp taż-żfin “Malva”, minn Brovary, fl-Ukrajna; lill-kor Cantica Sacra mill-Arċidjoċesi ta’ Trnava, fis-Slovakkja; lill-fidili minn Vjenna, minn Madrid u mill-Gżejjer Canarji; lid-Diriġenti u l-professuri tal-iskola “São Tomás” minn Lisbona.
Insellem lill-grupp imdaqqas tal-adoloxxenti minn Val Camonica (Djoċesi ta’ Brescia) u lil-ministranti żgħar minn Biadene u Caonada; kif ukoll lill-fidili minn Treviso, Vicenza, Crotone u Cariati, Oria u Lecce; u lill-parteċipanti tal-konvenju tal-Assoċjazzjoni Appostli tal-Ħniena Divina.
Tislima speċjali lill-familjari u l-ħbieb tal-presbiteri l-ġodda tad-Djoċesi ta’ Ruma, li ordnajt dalgħodu fil-Bażilika ta’ San Pietru: akkumpanjaw dejjem bit-talb lil dawn iż-żgħażagħ ministri tal-Evanġelju.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber