Omelija tal-Papa Ljun XIV f’Ordinazzjoni Presbiterali

QUDDIESA BL-ORDINAZZJONIJIET PRESBITERALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Bażilika ta’ San Pietru
Ir-IV Ħadd tal-Għid, 26 ta’ April 2026

Għeżież ħuti!

B’din it-tislima ndur b’mod partikulari lejn dawk li ġew ippreżentati issa, li se jirċievu l-Ordinazzjoni Presbiterali, lejn il-qraba tagħkom, lejn is-saċerdoti ta’ Ruma, li ħafna minnhom qed ifakkru l-Ordinazzjoni tagħhom f’dan ir-raba’ Ħadd tal-Għid, lejkom ilkoll hawn preżenti!

Dan huwa Ħadd mimli ħajja! Imqar jekk aħna mdawrin bil-mewt, il-wegħda ta’ Ġesù diġà qed isseħħ: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Fid-disponibbiltà taż-żgħażagħ li l-Knisja llum qed titlob li jiġu ordnati presbiteri naraw tant ġenerożità u entużjażmu. Aħna u ninġabru, hekk ħafna fil-għadd u differenti minn xulxin, madwar Mgħallem wieħed, inħossu qawwa li tirriġenerana. Huwa l-Ispirtu s-Santu, li jorbot flimkien persuni u vokazzjonijiet fil-libertà, hekk li ħadd ma jgħix iżjed għalih innifsu. Il-Ħadd – kull Ħadd – isejħilna noħorġu barra mill-“qabar” tal-iżolament, tal-għeluq, biex niltaqgħu fil-ġnien tal-komunjoni, li tiegħu l-Irxoxt hu ħarries.

Is-servizz tal-qassis, li dwaru s-sejħa ta’ dawn l-aħwa tistedinna nirriflettu, huwa ministeru ta’ komunjoni. Il-“ħajja bil-kotra”, fil-fatt, tiġi għandna fil-laqgħa l-aktar personali mal-persuna tal-Iben, imma minnufih tiftħilna għajnejna fuq poplu ta’ aħwa li diġà jistgħu jduqu, jew li għadhom qed ifittxu, s-“setgħa li jsiru wlied Alla” (Ġw 1:12). Dan hu l-ewwel sigriet tal-ħajja tas-saċerdot. Għeżież ordinandi, aktar ma r-rabta tagħkom ma’ Kristu tkun profonda, aktar radikali tkun l-appartenenza tagħkom għall-umanità komuni. Ma hemmx kontrappożizzjoni, lanqas kompetizzjoni, bejn is-sema u l-art: f’Ġesù jintrabtu għal dejjem. Dan il-misteru ħaj u dinamiku jimpenja l-qalb għal imħabba indossulibbli: jimpenjaha u jimlieha. Ċertament, bħall-imħabba tal-miżżewġin, hekk l-imħabba li tnebbaħ iċ-ċelibat għas-Saltna ta’ Alla għandha tiġi mħarsa u dejjem imġedda, biex kull imħabba vera timmatura u ssir għammiela tul iż-żmien. Intom imsejħin għal mod speċifiku, delikat, diffiċli ta’ kif tħobbu u, iktar minn hekk, ta’ kif tħallu lil min iħobbkom, fil-libertà. Mod li jista’ jagħmel minnkom, barra milli qassisin tajbin, anki ċittadini onesti, disponibbli, bennejja ta’ paċi u ta’ ħbiberija soċjali.

Dwar hekk, jolqotna, fil-Vanġelu li għadu kemm ġie mħabbar (Ġw 10:1-10), ir-riferiment ta’ Ġesù għal figuri u għal ġesti ta’ aggressjoni: fil-fatt, bejnu u bejn dawk li jħobb jidħlu barranin, ħallelin u briganti li jaqbżu l-limiti, ma jiġux, jgħid Ġesù, “ħlief biex jisirqu, joqtlu u jeqirdu” (v. 10) u fuq kollox għandhom leħen differenti minn tiegħu, li n-nagħaġ ma jagħrfux (ara v. 5). Hemm realiżmu kbir fi kliem il-Mulej: hu jaf il-kefrija tad-dinja li fiha hu jimxi magħna. Bi kliemu jevoka xejriet ta’ aggressjoni fiżika, imma fuq kollox spiritwali. Madankollu, dan ma jżommux milli jagħti ħajtu. Il-kundanna ma ssirx ċaħda, il-periklu ma jwassalx għall-ħarba. Dan hu t-tieni s-sigriet għall-ħajja tas-saċerdot: ir-realtà ma għandhiex tbeżżagħna. Huwa Sid il-ħajja li qed isejħilna. Għeżież, il-misteru li qed jiġi fdat lilkom għandu jwassal il-paċi ta’ min, anki qalb il-perikli, jaf għaliex jinsab fiż-żgur.

Illum il-bżonn tas-sigurtà jagħmel lill-erwieħ aggressivi, jagħlaq lill-komunità fiha nfisha, iwassal biex wieħed ifittex għedewwa u mogħżiet espjatorji. Spiss hemm il-biża’ madwarna u forsi ġo fina wkoll. Is-sigurtà tagħkom mhix qiegħda fir-rwol li għandkom, imma fil-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, fl-istorja tas-salvazzjoni li fiha għandkom sehem flimkien mal-poplu tagħkom. Hija salvazzjoni li diġà taħdem f’tant ġid imwettaq fis-skiet, fost persuni ta’ rieda tajba, fil-parroċċi u fl-ambjenti li lejhom toqorbu, bħala sieħba tal-vjaġġ. Dak li tħabbru u tiċċelebraw iħariskom ukoll f’sitwazzjonijiet u żminijiet ibsin.

Il-komunitajiet li għandhom se tiġu mibgħuta huma persuni li fihom l-Irxoxt hu diġà preżenti, fejn ħafna mxew warajh b’mod eżemplari. Intom se tagħrfu l-pjagi tiegħu, tagħrfu leħnu, issibu min jindikahulkom. Huma komunitajiet li se jgħinu lilkom ukoll issiru qaddisin! U intom se tgħinuhom jimxu magħqudin wara Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb, biex ikunu postijiet – ġonna – tal-ħajja li tirxoxta u tixtered. Spiss dak li jonqoshom il-persuni hu post fejn iduqu li aħjar ikunu flimkien, li li tkun flimkien hi ħaġa sabiħa, li nistgħu ngħixu flimkien. Li niffaċilitaw il-laqgħa, li ngħinu biex jiltaqa’ lil min altrimenti qatt ma jagħmel dan, li nqarrbu l-opposti, dan kollu hu ħaġa waħda ma’ li niċċelebraw l-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni. Li niġimgħu flimkien ifisser dejjem u mill-ġdid li niżirgħu l-Knisja.

Fil-Vanġelu, hi sinifikattiva xbieha li biha, f’ċertu punt, Ġesù jibda jitkellem fuqu nnifsu. Kien qed ifisser lilu nnifsu bħala r-“ragħaj”, imma dawk li kienu qed jisimgħuh donnhom ma kinux qed jifhmu. Allura jibdel il-metafora: “Tassew tassew ngħidilkom: jiena l-bieb tan-nagħaġ” (Ġw 10:7). F’Ġerusalemm kien hemm bieb li kien jismu proprju hekk, “il-bieb tan-nagħaġ”, qrib il-menqgħa ta’ Betzata. Minnha kienu jidħlu fit-tempju nagħaġ u ħrief, l-ewwel mgħaddsa fl-ilma u mbagħad iddestinati għas-sagrifiċċji. Wieħed mill-ewwel jaħseb fil-Magħmudija.

“Jiena l-bieb”, jgħid Ġesù. Il-Ġublew uriena kif din ix-xbieha għadha tkellem lill-qalb ta’ miljuni ta’ persuni. Għal sekli sħaħ il-bieb – spiss bieb veru u proprju – stieden lil min jirfes l-għatba tal-Knisja. F’xi każi, il-fonti tal-Magħmudija kien mibni fuq barra, bħall-pixxina probatika l-antika, li taħt il-loġoġ tagħha “kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin” (Ġw 5:3). Għeżież ordinandi, ħossukom parti minn din l-umanità li tbati, li qed tistenna l-ħajja bil-kotra. Meta tinizjaw oħrajn fil-fidi, erġgħu agħtu l-ħajja lil tagħkom. Mal-imgħammdin l-oħra ta’ kuljum tirfsu l-għatba tal-Misteru, dik l-għatba li għandha l-wiċċ u l-isem ta’ Ġesù. La taħbu qatt dan il-bieb imqaddes, la timblukkawhx, tkunux ta’ tfixkil għal min irid jidħol. “Intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol!” (Lq 11:52): din hi ċ-ċanfira iebsa ta’ Ġesù lil dawk li ħbew il-muftieħ ta’ passaġġ li kellu jkun miftuħ għal kulħadd.

Illum aktar minn qatt qabel, speċjalment fejn in-numri donnhom qed juru distakk bejn il-persuni u l-Knisja, żommu l-bieb miftuħ! Ħallu lil min jidħol u kunu lesti li toħorġu. Dan hu sigriet ieħor għall-ħajja tagħkom: intom kanal, mhux filtru. Ħafna jaħsbu li jafu diġà x’hemm lil hemm minn dik l-għatba. Iġorru magħhom tifkiriet, forsi ta’ imgħoddi mbiegħed; spiss hemm xi ħaġa ħajja li ma ntfietx u li tiġbed lejha; imma xi drabi hemm xi ħaġa oħra, li għadha tnixxi d-demm u timbotta ’l bogħod. Il-Mulej jaf u jistenna. Kunu mera tas-sabar tiegħu u tal-ħlewwa tiegħu. Intom ta’ kulħadd u intom għal kulħadd! Ħa jkun dan il-profil fundamentali tal-missjoni tagħkom: żommu l-għatba lesta u uruha, mingħajr il-ħtieġa ta’ ħafna kliem.

Min-naħa l-oħra, Ġesù jinsisti u jippreċiża: “Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa” (Ġw 10:9). Hu ma jifgax il-libertà tagħna. Hemm appartenenzi li jifgaw, kumpaniji li fihom faċli tidħol u minnhom kważi impossibbli toħroġ. Mhux hekk il-Knisja tal-Mulej, mhux hekk il-kumpanija tad-dixxipli tiegħu. Min hu salvat, jgħid Ġesù, “jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa”. Ilkoll infittxu l-kenn, il-mistrieħ u l-kura: il-bieb tal-Knisja hu miftuħ. Mhux biex nitbiegħdu mill-ħajja: il-ħajja ma ngħixuhiex biss fil-parroċċa, fl-assoċjazzjoni, fil-moviment, fil-grupp. Min hu salvat “joħroġ u jsib fejn jirgħa”.

Għeżież, oħorġu u ssibu l-kultura, in-nies, il-ħajja! Stagħġbu b’dak li Alla jkabbar mingħajr ma nkunux żrajnieh aħna. Dawk li għalihom ħa tkunu saċerdoti – fidili lajċi u familji, żgħażagħ u anzjani, tfal u morda – jgħixu f’mergħat li għandkom issiru tafu. Xi drabi ħa jidhrilkom li ma għandkomx il-mappa tagħhom. Imma għandu r-Ragħaj it-tajjeb, li tiegħu tisimgħu l-leħen, hekk familjari. Kemm persuni llum iħossuhom mitlufa! Ħafna jidhrilhom li ma jistgħux jorjentaw iktar ruħhom. Allura ma hemmx xhieda aktar prezzjuża minn dik li tistqarr: “F’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu” (Salm 23:2-3). Ismu huwa Ġesù: “Alla jsalva”! Ta’ dan kunu xhieda: “Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena l-jiem kollha ta’ ħajti” (Salm 23:6). Ħuti, għeżież żgħażagħ: hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading