Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Il-parroċċa tlaqqa’ n-nies ma’ Ġesù biex ħajjithom tkun għatba għall-ġenna

Il-parroċċa tlaqqa’ n-nies ma’ Ġesù biex ħajjithom tkun għatba għall-ġenna


Is-Sibt, 27 ta’ Mejju 2017: L-Arċisqof iċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-425 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien.

305186-740xnone.jpg

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Ħal Tarxien

Huwa ta’ ferħ kbir għalija li nkun hawnhekk fostkom f’din il-lokalità tant antika li tat uħud mill-eqdem monuMenti li għandna f’pajjiżna. Taf ukoll l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni li juri l-kultura kbira li raw dawn il-gżejjer, mhux neċessarjament missierijietna, għax matul is-sekli l-popolazzjonjiet marru u ġew, imma din l-art imbierka b’imqades ta’ qima, fosthom dan it-tempju sabiħ li intom tant tqisu bħala d-dar tal-parroċċa, il-knisja parrokkjali.

Fuq dawn iż-żewġ kelmiet nixtieq nislet riflessjoni qasira. Il-kelma “knisja” li ġejja mill-Aramajk tfisser li inti ġġib flimkien, issejjaħ flimkien lill-poplu. Sfortuntament fil-lingwa tagħna dan l-għerq ta’ knisja għandu (1) kelma għolja ħafna, il-kelma “knisja” u (2.) l-“knis” li ġejjin mill-istess għerq għax inti meta tiknes tkun qed tiġbor it-trab, tkun qed tiġbor dak li hemm fl-art biex imbagħad tara x’se tagħmel bih.

Imma dik hi l-kelma: li tiġbor flimkien. Allura l-ewwel riflessjoni tiegħi hija li aħna poplu miġbur flimkien bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u anke bit-tħabbira tar-ragħaj tagħkom, tal-kappillan. Fil-pussess tiegħu, il-kappillan jitla’ fuq l-ambone u jgħid “il-Mulej magħkom”, u intom tirrisponduh “u miegħek ukoll”. F’dak id-djalogu li jwettaq il-preżenza tal-Mulej “il-Mulej magħkom” u “miegħek ukoll” tinġabar il-knisja. Il-knisja hi dik ir-realtà li semma’ Ġesù meta qal: “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18, 20). Mela intom knisja mhux għaliex biss tiltaqgħu f’din id-dar li aħna nsejħulha l-knisja, imma għax hija d-dar tal-knisja, hija d-dar tal-imgħammdin, imsejħin bil-kelma tar-ragħaj, il-kelma ta’ Alla biex fl-għaqda ta’ bejniethom inisslu l-preżenza ta’ Ġesù, “fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom”. Mela l-ewwel grazzja li rridu nitolbu hija li nkunu tassew knisja; poplu miġbur mid-diversi nħawi, mid-diversi toroq, mid-diversi djar u mill-inħawi, li jinġabar f’post u bl-għaqda ta’ bejnietna – għalkemm aħna mimlijin bid-difetti lkoll kemm aħna, imma nafdaw fih, u hu jħenn għalina – aħna niġġeneraw u nwelldu l-preżenza tiegħu fid-dinja.

Parrokkjali: l-kelma “parroċċa” minn fejn ġejja? Il-kelma ġejja minn kelma li bil-Grieg hija “parroquia”, it-tifsira tagħha – għax hija kelma li vvintaw l-Insara minn verb Grieg li kien diġà jeżisti – tfisser komunità li ħsiebha fil-ġenna għax pajjiżha huwa l-ġenna, “is-sema pajjiżna” (ara Fil 3, 20) jgħid l-appostlu Missierna.

“Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien,” (Mt 28, 20) jgħidilna Ġesù. Mela l-ewwel kelma, “knisja”, tfakkarna fil-wegħda ta’ Ġesù “jiena magħkom dejjem”. Aħna knisja għaliex Ġesù huwa magħna “dejjem sal-aħħar taż-żmien”, imma aħna d-destin tagħna mhux hawn, id-destin tagħna huwa s-sema. “Parroquos” minn fejn ġejja l-kelma parroċċa, tfisser bniedem pellegrin. Intom m’intomx barranin jew għorba – din il-kelma antika “għorba” tfisser li tgħix f’post li mhuwiex pajjiżek. L-ewwel Insara kellhom din il-persważjoni, kienu jgħixu fid-dinja imma s-sejħa tagħhom kienet għall-ġenna. U għalhekk kienu jsejħu lilhom infushom propju “parroquia” din il-komunità li għalkemm tgħix fid-dinja u timpenja ruħha għal dinja aħjar, imma bħala perspettiva, bħala sejħa għandha s-sejħa tas-sema.

Wara kollox, dan hu li wieħed jagħmel dixxipli mill-ġnus, li waqt li jlaqqagħhom mal-Mulej Ġesù, din il-ħaġa trid tagħmilha l-parroċċa: tlaqqa’ n-nies tat-territorju ma’ Ġesù, fl-istess ħin tistedinhom biex ħajjithom tkun għatba, antiporta għall-ġenna.

Illum, aħna u niċċelebraw it-tlugħ is-sema tal-Mulej, nagħrfu l-preżenza tiegħu magħna għax ma ħalliniex orfni imma nifhmu wkoll li aħna rridu nkunu fejn qiegħda r-ras tagħna. “Għamlu Ras fuq il-Knisja kollha li hi ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox” (Ef 1, 22-23). Mela din il-kelma ta’ San Pawl lill-Efesin li smajna fit-Tieni Qari, tfakkarna li fejn daħlet ir-Ras tagħna, Ġesù Kristu, hemm bżonn aħna wkoll, kulħadd, kif imissu u meta jmissu, nersqu biex inkunu ħaġa waħda miegħu.

“Dan Ġesù li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”. Din il-kelma tal-anġlu lill-irġiel tal-Galilija: “X’intom tħarsu lejn is-sema?” (Atti 1, 11). Veru, hija mistoqisja biex aħna niftakru li waqt li qegħdin fuq din l-art, irridu naħdmu biex il-ħajja ta’ kull bniedem tkun ħajja aħjar. Għax jekk inti, waqt li miexi tħares lejn is-sema, tispiċċa verament tmur fejn qiegħed tħares, għax ittajrek xi karozza. Imma inti u miexi fuq din l-art trid tara sew fejn sejjer, għajnejk iridu jkun miftuħa biex ħajtek tkun ta’ ġid. Imma mbagħad ma tistax tinsa s-sejħa li hemm f’qalbek biex inti tkun miegħu fil-ġenna.

Aħna u nqimu lil Sidtna Marija, li l-Isqof Gargallo kkonferma bħala titlu sabiħ ta’ din il-parroċċa, niftakru fil-425 sena: ta’ ħidma, ta’ ħajja, ta’ kappillani, ta’ saċerdoti, ta’ lajċi li ħadmu fil-parroċċa, ta’ nies li tgħammdu hawnhekk, ta’ żwiġijiet li ġew iċċelebrati hawnhekk u ta’ nies li ngħataw l-aħħar tislima Nisranija fuq din l-art. Ara kemm kien hawn ġenerazzjonijiet f’425 sena!

Din il-parroċċa tibqa’ ġġorr isem tassew sabiħ, l-isem tal-Lunzjata, l-isem ta’ dik il-mara li wara kollox, wara li Ġesù tela’ s-sema, ġabret madwarha lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu. Id-dixxipli kienu jitolbu flimkien ma’ Marija Omm Ġesù u hi kienet allura dik li l-Knisja ġabritha madwarha hija u tistenna d-don tal-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Il-Lunzjata hija wkoll dik li bit-tlugħ tagħha fis-sema tgħidilna li d-destin tagħna huwa assigurat għax hi ngħatat lilna bħala sinjal ta’ dan id-destin. Aħna msejħin għall-ġenna u hi ttieħdet lejn is-sema biex tkun għalina sinjal li din il-wegħda hija vera, li se sseħħ kif seħħet lilha, mhux l-istess, imma hi sinjal għalina li l-wegħda tal-Mulej isseħħ ukoll.

Imma fuq kollox, kif jgħid il-motto magħżul mill-parroċċa, il-Madonna tal-Lunzjata hija l-mara li tgħid “iva” lill-Mulej. U din hija l-aħħar talba tiegħi llum fuqkom u għalikom li mill-Verġni Marija Annunzjata, intom titgħallmu l-ikbar tagħlima, l-ikbar duttrina: dik li tisimgħuha kontinwament tgħidilkom hi u tħares lejn binha Ġesù “agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Nawguralkom mill-qalb u nifirħilkom, kif inhu d-dmir tiegħi għax meta niċċelebraw il-parroċċa, qegħdin niċċelebraw kull wieħed u waħda minnkom. Nawguralkom u kunu tassew imberkin.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: