L-imraddgħa li sqewna l-Ħniena Divina

Is-Sibt, 24 ta’ Ġunju 2017: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fis-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista u l-Funeral ta’ Giorgia Refalo. Bażilika San Ġorġ, Victoria.

Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech

Illum il-Knisja tiċċelebra s-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann Battista. Għalkemm l-isem Ġwanni jfisser “Alla wera ħniena magħna”, l-Għammiedi mhux minn dejjem kien jemmen li Alla huwa miżerikordja! Fil-fatt, nista’ nippreżenta lil Ġwanni bħala wieħed li “kkonverta”. Ġwanni ma kienx raġel ħażin, imma meta ltaqa’ ma’ Kristu seħħet bidla kbira fih. Dan għandu jagħmlilna l-qalb għax ħafna drabi aħna wkoll mhux lakemm inniżżluha li Alla huwa għani fil-ħniena; lilna wkoll ġieli tiġrilna xi ħaġa f’ħajjitna li tgħinna naraw dak li qabel ma konniex naraw.

Fil-bidu Ġwanni kien tip wiegħer ħafna u ma kellux ħajta fi lsienu. Kien juża frażijiet li jekk tgħidhom illum kapaċi jagħmlulek libell! Lin-nies kien jgħajjarhom li huma “nisel il-lifgħat” u li kienet ser tinżel fuqhom il-korla ta’ Alla. Darba minnhom jgħidilhom li Alla qiegħed bil-mannara  ma’ għerq is-siġra biex kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar (ara Lq 3:7-9). “Il-midra qiegħda f’idu biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex” (Mt 3:12). Huwa fatt li l-Battista kellu ħafna għal qalbu l-ġustizzja. Kien difensur akkanit, partikularment tal-ġustizzja soċjali, tant li kellu kliem iebes għal dawk li kienu jaħqru lill-fqir u liż-żgħir (ara Lq 3:10-14).

Imma meta ltaqa’ ma’ Kristu fix-xmara Ġordan, ġrat xi ħaġa li minħabba fiha Ġwanni bidel l-attitudni tiegħu. Il-laqgħa ma’ Kristu heżżitlu l-konvinzjonijiet li kellu. L-ewwel xokk Ġwanni ħadu meta ra lil Ġesù riesaq lejh biex jitgħammed. Ġesù kien mal-bqija tan-nies – kien fl-istess fila tal-midinbin! Kienet (u għadha) ħaġa diffiċli titwemmen li Alla jitħallat mal-ħmieġ tad-dinja! Imma dak li “niżel” mis-Sema issa għażel li jibqa “nieżel” fil-Ġordan u jimxi pass pass mal-midinbin. “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). Ġesù ma wasalx taħt xi baldakkin kollu rrakkmat, imma fil-kumpanija tal-midinbin.

Imbagħad, it-tieni xokk qawwi li ħa Ġwanni l-Battista kien meta Ġesù talbu biex jitgħammed. Ġwanni ma ħalliehx. Ma setax jifhem kif il-kap tiegħu jersaq jitgħammed mingħandu. Imma Ġesù qallu: “Hekk jixraq li nimxu, biex inkunu għamilna u temmejna l-ġustizzja” [conviene che adempiamo ogni giustizia] (Mt 3:15). Hawnhekk Ġesù jintroduċi kunċett ġdid ta’ ġustizzja – għal Alla l-ġustizzja hija miżerikordja. Flok ma jgħajjat mal-midinbin li hemm bżonn jindmu, misjuq mill-ħniena, Ġesù jerfa’ fuqu d-dnubiet tad-dinja – jagħżel li “jinżel” fil-qagħda midinba tagħhom biex bil-grazzja jgħinhom joħorġu. Jekk il-ġustizzja kienet il-qofol tal-predikazzjoni għal Ġwanni, il-qofol tal-predikazzjoni ta’ Kristu saret il-miżerikordja. Fi kliem il-Papa Franġisku, “f’Alla l-ġustizzja jisimha miżerikordja u l-miżerikordja jisimha ġustizzja” (24.02.17). Naf li nistgħu nitħawdu meta ngħidu hekk, għax ma nifhmux kif Alla jirraġuna b’dan il-mod. Imma Alla huwa Alla, u l-mod kif jirraġuna Alla jisboq il-mod kif nirraġunaw aħna! Alla huwa ħniena bla tarf. Din hija bxara tajba li għandha tagħmlilna l-qalb. 

Huwa f’dan il-kuntest li l-Għammiedi jagħmel affermazzjoni qawwija meta jirreferi għal Kristu bħala “l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”. Meta jikkummenta dwar dan il-vers, Cesario ta’ Arles (li kien jgħix bejn is-seklu ħamsa u s-seklu sitta) jiddeskrivi lil San Ġwann il-Battista bħala ministru tal-miżerikordja. Ġwanni għaraf li l-ħniena ta’ Ġesù tant hija kbira li xejjen kull dnub. Din il-verità għandha qawwa li teħlisna! Ma hemm xejn li jista’ jtaqqal il-kuxjenza tagħna li Ġesù ma jerfgħux għalina! Huwa fatt li xi drabi l-piż ta’ għemil żbaljat jagħfas qatigħ fuqna, tant li anki min ma għandux twemmin f’Alla jkun jixtieq isib mezz kif jinħeles minn dan ir-rimors. Kristu, li huwa l-inkarnazzjoni tal-miżerikordja tal-Missier, jagħmel dan għalina.

Għalkemm Ġwanni kiseb dan l-għarfien, niżgurakom li ma kienx daqshekk faċli li jikkonvinċi lil dawk ta’ madwaru dwar din is-sejba! La kien faċli dakinhar u lanqas ma huwa faċli llum! Jien konxju li meta qed nitkellem jaf ikun hawn min qed jiddubita minn dan li qed ngħid – hawn min jista’ jikkritika li b’dan li qed ngħid jien nittradixxi d-duttrina! Hekk qalu l-Fariżej dwar Kristu. Ma’ djul Ġwanni kien hemm dawk li kienu jemmnu fil-kruċjati u fl-integriżmi. Dawn tfixklu meta semgħu lil Ġesù jipprietka l-imħabba tal-għedewwa, il-maħfra, li mberkin huma l-foqra, meta raw lil Ġesù dieħel għand Żakkew jew jitkellem mas-Samaritana! Quddiem din il-manifestazzjoni tal-Ħniena divina, ċertament id-dixxipli ta’ Ġwanni bdew jissuspettaw li Kristu ma kienx il-Messija. Kif jikkummenta Santu Wistin (Diskors, 66), biex jgħinhom jegħlbu dawn id-dubji, mill-ħabs Ġwanni jibgħat lid-dixxipli jistaqsu lil Ġesù jekk kienx hu l-Messija jew kellhomx jistennew lil xi ħadd ieħor! Xħin rahom, Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena u lil bosta għomja tahom id-dawl. Imbagħad qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu: kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-Bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar” (Lq 7:18-23). B’dan il-mod Ġesù ried jurihom min kienet il-ġemgħa preferuta tiegħu: il-morda, l-imġiddmin, il-foqra u saħansitra l-mejtin li żgur ma kellhom ebda tama! Huma dawk li kienu għatxana biex iduqu l-ħniena ta’ Alla. Ġesù ma joħloqx soċjetà ġdida, imma jsib postu fis-soċjetà kif inhi fejn hemm l-imperfezzjoni u l-miżerja. Ġesù ma “jeqridx” is-soċjetà għax hemm l-iżball, biex jagħmel għaġna ġdida. Misjuq mill-ħniena, huwa sempliċement jagħżel li jakkumpanja lill-bniedem kif inhu!

Din hija l-missjoni tagħna bħala Knisja – meta ngħid Knisja nifhem aħna l-imgħammda kollha li għandna impenji diversi fis-soċjetà – li nkunu ministri tal-miżerikordja. Niżbaljaw jekk noħolmu li rridu ngħumu f’baħar differenti minn dak ta’ madwarna. Bħal Kristu rridu ninżlu fil-baħar kif inhu, anki jekk l-ilma huwa mdardar u maħmuġ. Bl-inżul tiegħu fl-ilma tal-Ġordan, Ġesù qaddes dak l-ilma. Bl-azzjoni ħanina tagħna nistgħu nkunu s-Samaritan it-tajjeb tal-lum f’kull qasam tal-ħajja.

Min introduċa lil Ġwanni għall-esperjenza ta’ Kristu? Kienet ommu, Eliżabetta, li diġà kellha esperjenza tal-ħniena ta’ Alla meta ħarġet tqila f’dik l-età (ara Lq 1:57). Ġwanni kien għadu f’ġufha meta hija laqgħet għandha lil Marija, li hi wkoll kienet qed iġġorr lil Ġesù fi ħdanha. Dakinhar Ġwanni qabeż bil-ferħ. Huwa minnu li għaddew is-snin sakemm Ġwanni kiseb għarfien sħiħ tal-misteru tal-miżerikordja ta’ Alla li dehret fi Kristu, imma kienet ommu (flimkien ma’ missieru) li qabbditu t-triq. Jien inħossni grat lejn ommijietna li huma l-ewwel persuni li f’ħajjitna kellmuna dwar Alla – huma l-imraddgħa li sa miċ-ċkunija sqewna l-Ħniena divina. Il-Knisja u s-soċjetà għandhom dejn kbir lejn il-ġenituri li huma l-ewwel evanġelizzaturi ta’ wliedhom.

Għażiż Anton, illum qed nagħtu din l-aħħar tislima lil ommok Ġorġa. Fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni, inħeġġek tgħożż il-wirt uman u spiritwali li għaddietlek ommok (flimkien ma’ missierek). Kienet hi l-ewwel waħda li kellmitek dwar Ġesù, il-wiċċ tal-miżerikordja ta’ Alla l-Missier. U inti l-lezzjoni tal-ħniena tgħallimtha u ħaddimtha.

Jekk Santa Eliżabetta kienet għadha ħajja meta binha Ġwanni għadda minn dak li għadda, hija batiet miegħu. Kull ġenitur iħoss meta l-ulied jgħaddu minn waqtiet diffiċli; imma għandi f’moħħi lill-ommijiet u l-missirijiet ta’ persuni li għandhom uffiċċju publiku. Ħafna drabi dawn iridu jġorru mhux biss is-salib tqil tal-uffiċċju, imma jkollhom ukoll iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna inkomprensjoni. Ma nistgħux nogħġbu lil kulħadd, u ta’ dan hemm prezz. Fi żmien ta’ tensjoni jien stess ġieli ċempilt lil xi ommijiet ta’ persuni pubbliċi u kelli konferma kemm dawn ikun jbatu fil-moħbi meta wliedhom ibatu. Għandi kelma ta’ apprezzament għal dawn il-ġenituri kollha u nappella lis-soċjetà biex tkun rikonoxxenti lejn dawn il-benefatturi kbar tan-nazzjon tagħna.

Filwaqt li nħeġġiġkom biex qatt ma taqtgħu qalbkom mill-kompassjoni ta’ Alla, nirrakkomandaw lil oħtna Ġorġa lill-miżerikordja divina u nitolbu lil Alla jgħinna biex ilkoll nibqgħu nagħtu sehemna ħalli jkollna soċjetà aktar ħanina.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading