Tgħanniqa mixtieqa

Il-Ħadd,  2 ta’ Lulju 2017: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Festa tal-Viżitazzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija lil Eliżabetta. Bażilika u Kolleġġjata tal-Viżitazzjoni, Għarb.

Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech

Aħna nitwieldu biex nitgħannqu u ngħannqu lill-oħrajn. It-tgħanniqa għandha tifsira profonda ħafna. Normalment meta ngħannqu lil xulxin ma tantx ngħidu kliem. It-tgħanniqa ssir fis-skiet għaliex minnha nfisha tgħanniqa tikkomunika ħafna, tikkomunika dak li ma tistax tikkomunika bil-kliem. It-tgħanniqa timliena b’faraġ, bil-ferħ u b’rassigurazzjoni.

Jiena niftakar f’dawk li huma mweġġgħin, qalbhom tuġagħhom għax jixtiequ tgħanniqa u ma jirċevuhiex; jixtiequ jgħannqu lil xi ħadd u dan huwa impossibbli. Jiġuni f’moħħi żewġ persuni li jinħabbu u li min jaf kemm għannqu lil xulxin, u llum, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jgħannqu aktar lil xulxin. Niftakar f’dawk il-ġenituri li jixtiequ jagħtu tgħanniqa lil uliedhom, imma mħabba xi motiv jew ieħor uliedhom jinsabu ’l bogħod. Niftakar f’dawk li għandhom uliedhom emigranti, imma għandi f’moħħi wkoll lil dawk li, għalkemm joqogħdu ħdejn xulxin, hemm distanza kbira bejniethom. Niftakar f’dawk illi, jifirxu kemm jifirxu dirgħajhom, isibu l-baħħ għax ma jistgħu jħaddnu lil ħadd. Niftakar f’dawk l-aħwa li min jaf kemm tgħannqu flimkien fit-trobbija tagħhom, forsi raqdu flimkien, imma llum hemm xi ħaġa illi żżommhom milli jgħixu din l-esperjenza. Niftakar f’dawk li darba kienu ħbieb, u għax kienu ħbieb intimi kienu jgħannqu lil xulxin, u llum il-ħbiberija ta’ bejniethom inbidlet, daħal xi għafrid bejniethom, u l-wieħed u l-ieħor jew il-waħda u l-oħra jixxennqu għal dik it-tgħanniqa imma hemm xi ħaġa li żżommhom milli jgħixu dan il-mument sabiħ.

Fil-Lvant, il-Festa tal-Viżitazzjoni hija magħrufa bħala l-festa tat-tgħanniqa: il-festa fejn Marija u Eliżabetta jitgħannqu. Diġà kieku jkollna nieqfu fuq livell naturali u familjari nistgħu ngħidu ħafna; kif dawn it-tnejn min-nies li kienu jgħixu ’l bogħod minn xulxin, apprezzew dak il-mument ta’ viċinanza u tgħanniq fejn jikkonsolidaw ir-rabtiet familjari tagħhom.

Imma fil-ġrajja tal-Viżitazzjoni hemm tgħanniqa wisq aktar profonda, li hija t-tgħanniqa ta’ Alla. Ħa ngħidilkom min hu Alla tagħna billi nirrakkontalkom storja żgħira. Kien hemm tifel qisu tal-età tagħkom li jmur għand in-nanna. Beda jagħmel il-homework tar-reliġjon fejn kellu mistoqsija “Min hu Alla?”. It-tifel mar għand in-nanna u qalilha: “Nanna, għinni nsib it-tweġiba”. In-nanna ma kellhiex formazzjoni teoloġika, infixlet. Ġibditu lejha u ħaddnitu waħda qawwija ħafna u qaltlu: “Kif qed tħossok?”. Qalilha: “Kif tridni nħossni!”. Qaltlu: “Dak hu Alla, dak li jħaddnek”. Alla hu dak li jagħtik tgħanniqa! U dak it-tifel fehem min hu Alla. Ma hemm l-ebda katedra tat-teoloġija, ebda pulptu jew ambone li jista’ jgħinna nagħmlu esperjenza ta’ Alla daqs it-tgħanniqa li Alla għandu għal kull wieħed u waħda minna. U fil-ġrajja tal-Viżitazzjoni, fil-festa tat-tgħanniq, barra li hemm l-esperjenza umana ta’ tnejn qraba li jgħannqu lill xulxin, dalgħodu nixtieq nippreżentahielkom bħala esperjenza ta’ Alla li jaf jgħannaq lill-bniedem.

Imma biex napprezzaw aktar din il-ġrajja, nixtieqkom iżżommu quddiem għajnejkom li fil-mentalità biblika, il-konċepiment, it-tnissil ta’ tarbija huwa mfisser b’mod simboliku fit-tgħanniqa, u ma rridux ħafna biex nifhmu dan is-simbolu. Hekk dak li jirrakkuntalna Luqa fit-tgħanniqa ta’ Marija u Eliżabetta huwa rifless ta’ dak li seħħ f’Marija f’Nazaret meta saritilha t-tħabbira tal-anġlu. Aħna nafu li hemmhekk l-Iben ta’ Alla sar bniedem. Il-qawwa tal-Għoli niżlet fuq Marija, għannqet lil Marija. Dakinhar tat-tħabbira tal-anġlu, it-Trinità ħaddnet mhux lil Marija, imma lill-umanità. L-Iben ta’ Alla jitnissel u jsir bniedem fil-ġuf safi ta’ Marija. L-Iben ta’ Alla jitħaddan, jgħannaq miegħu lill-bniedem bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, bil-qdusija u bin-nuqqas ta’ qdusija tiegħu.

Meta sseħħ dik it-tgħanniqa f’Għajn Karem, fid-dar ta’ Eliżabetta u Żakkarija, hemmhekk għandna t-tgħanniqa ta’ Kristu lill-bniedem ippersonifikat fit-tarbija li kien hemm fil-ġuf ta’ Eliżabetta. Hu għalhekk li Eliżabetta tgħid li malli semgħet leħen Marija, it-tarbija tagħha taqbeż fil-ġuf: it-tarbija tagħha tirċievi t-tgħanniqa mingħand Kristu. Daqshekk hija profonda l-ġrajja li qed niċċelebraw illum. Fil-ġrajja tal-Viżitazzjoni, Alla jgħannaq l-istorja ta’ dik il-koppja, li ma kinitx storja sempliċi, għax kellha t-tlugħ u l-inżul tagħha. Kienet storja mħawda, tant illi kellhom l-għajnejn tan-nies fuqhom. Kif Alla jħaddan l-istorja ta’ din il-familja, huwa jħaddan ukoll l-istorja tal-familja tagħna, anki jekk hija storja mhix dritta, anki jekk hija storja miktuba fuq linji mgħawġin, anki jekk hija storja xi ftit imħawda. Alla jħaddnek, jagħfsek għafsa kbira miegħu.

Dakinhar taż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta u lil Żakkarija, Alla jħaddan lil Eliżabetta u Żakkarija li kienu dgħajfa fil-fidi. Żakkarija huwa dak li ma jemminx dak li qallu l-anġlu. Għalkemm Żakkarija jzappap fil-mixja tal-fidi tiegħu, Alla jħaddnu. Hekk ukoll illum, għalkemm aħna spiritwalment nani u fil-ħajja tal-fidi għandna d-dgħufija tagħna, ma naqtgħux qalbna li aħna esklużi minn din it-tgħanniqa kollha mħabba ta’ Alla l-Imbierek. Fil-ġrajja tal-Viżitazzjoni nara li Alla, permezz ta’ Marija, jgħannaq it-tamiet, ix-xewqat, l-aspirazzjonijiet li kellha din il-koppja. Kemm għadna tamiet, xewqat u naħsbu li f’dawn Alla huwa indifferenti għall-bniedem! Naħsbu li Alla huwa trux quddiem il-karba tal-bniedem. Mhux hekk qed tgħidilna l-ġrajja tal-Viżitazzjoni. Alla jgħannaq it-tamiet, ix-xewqat tagħna, u jekk inhu għall-ġid tagħna, din it-tgħanniqa ta’ Alla tagħti l-frott, kif tat il-frott lil Eliżabetta u lil Żakkarija.

Nixtieq li kif qed niċċelebraw din il-festa tat-tgħanniqa, meta llum il-ġurnata t-tgħanniq veru huwa skars, flimkien nikkollaboraw l-ewwel nett biex ngħinu lill-bniedem tal-lum jagħmel esperjenza ta’ din it-tgħanniqa ta’ Alla. Il-preokkupazzjoni tiegħi hija kif ħa nippreżentaw lil Alla fil-ġmiel tiegħu. Għalhekk nitlob lill-Knisja f’Għawdex biex bil-mod kif aħna nifirħu, kif inġibu ruħna, kif aħna niċċelebraw il-festi tagħna, aħna nippreżentaw lil Alla bħala dak li jgħannaq lill-umanità! Anzi, fid-dawl tal-ġrajja tal-Viżitazzjoni, Alla mhux biss huwa missier li jgħannaq, imma huwa wkoll omm li tgħannaq, għaliex Marija għand Eliżabetta toffri din il-possibbiltà li Alla jimmanifesta ruħu bħala omm li tħaddan lil uliedha. Meta ngħid li aħna nippreżentaw lil Alla bħala dak li jgħannaq lill-bniedem, nixtieqkom tkunu konvinti li m’hemm l-ebda bniedem, sfigurat kemm hu sfigurat, maħmuġ kemm jista’ jkun maħmuġ, iddiżgrazzjat kemm jista’ jkun iddiżgrazzjat, li Alla ser iċaħħdu minn din it-tgħanniqa paterna u materna tiegħu.

Dan hu li hemm bżonn nikkomunikaw lill-bniedem tal-lum: li Alla huwa tgħanniqa u li din it-tgħanniqa ssikket lill-bniedem, li quddiem il-manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla jħossu li għandu jagħmel stqarrija. It-tgħanniqa ta’ Alla ssir fis-skiet, u nġibilkom quddiem għajnejkom il-parabbola tal-Iben il-ħali, fejn l-iben iż-żgħir xħin fettillu telaq minn dar missieru u għamel esperjenza tal-baħħ; imma l-missier jibqa’ jistennieh, u xħin it-tifel ġie f’siktu u ddeċieda li jerġa’ lura, huwa sab lill-missier jistennieh biex jagħtih it-tgħanniqa paterna tiegħu. Il-missier ma qgħadx jgħidlu: “Għamilli l-istqarrija tiegħek, għidli x’inhuma l-iżbalji tiegħek”. It-tgħanniqa ta’ Alla hi fis-skiet. Għaliex l-imħabba ta’ Alla hija tant kbira li nifhmuha mingħajr m’għandna bżonn nitkellmu.

Nixtieq ukoll li fil-persuna ta’ Marija li tgħannaq, naraw lill-Knisja. Jekk Marija hija dik li toffri, hija l-estensjoni tat-tgħanniqa ta’ Alla, ħa naħdmu flimkien biex fil-Knisja nagħmlu komunità li tgħannaq lil kulħadd. Jekk ħadd m’għandu jħossu eskluż minn Alla, kemm aktar ħadd m’għandu jħossu eskluż mill-Knisja! F’din il-Knisja hemm post għal kulħadd, kemm għal min hu b’saħħtu u kemm għal min hu dgħajjef; għal min mexa ċerti passi ’l quddiem u min għadu jaqta’ lura; għal min diġà fehem xi ħaġa mill-Vanġelu u għal min għadu qiegħed jiskoprih; għal dawk li jagħmlu għażliet illi huma skont ir-rieda ta’ Alla u għal dawk li l-għażliet tagħhom jikkuntrastaw mar-rieda ta’ Alla. Mhux qed inħawwad. Din hija l-familja tagħna. Din hija l-esperjenza tat-tgħanniqa ta’ Alla, dak Alla li jgħannaq l-umanità fil-persuna ta’ Marija, dak Alla li jgħannaq lil Eliżabetta li kellha l-Battista fi ħdanha. Dan hu Alla tagħna li anki llum permezz tal-Knisja jrid ikompli jgħannaq. Hu jgħannaq l-aktar lil dawk li jħossuhom imċaħħda mit-tgħanniqa. Il-Knisja jrid ikollha l-kuraġġ li tgħannaq lil dawk li ma jgħannquhiex. Din hi l-Knisja li nippreżentaw. Lil hinn mill-Knisja tal-Kruċjati, lil hinn mill-Knisja tal-kampanji favur dak u favur l-ieħor, il-Knisja hija dik li tgħannaq u li xħin tgħannaq ma tibżax li tieħu ftit ir-riħa tal-għaraq ta’ dik il-perusna li qiegħda tgħannaq. Hija l-Knisja li tgħannaq lil dawk li huma tal-aħħar u allura Knisja li tkompli tkattar il-ħidma karitattiva. Ħidma karitattiva għandna, imma qatt ma nistgħu ngħidu li għandna biżżejjed. Knisja li għandha dirgħajha kbar u li ma tkunx kuntenta li tħaddan lin-nies ta’ din il-gżira, imma tkun Knisja Kattolika, allura Knisja missjunarja. Madwarna f’din il-komunità parrokkjali għandna erba’ missjunarji. Għandna lil Dun Ġamri, ħamsin sena fil-missjoni; hawn Patri Spiru, Kapuċċin; u hawn Dun Alex Cauchi u Dun Eddie Vella. Intom diġà Knisja li offrejtu li tgħaddu din it-tgħanniqa lill-Afrika, lill-Brażil u l-Iskozja.

Meta llum qed niċċelebraw din il-festa, il-festa tat-tgħanniqa, ħallu l-Ispirtu s-Santu jnebbaħkom biex illum intom toffru tgħanniqa lil xi ħadd. Fil-bidu semmejt ċerti kategorji u esperjenzi. Kun int li, megħjun mill-Ispirtu ta’ Alla, illum tgħin lil xi ħadd ieħor bit-tgħanniqa tiegħek jifhem min hu Alla, jifhem x’inhi l-Festa tal-Viżitazzjoni. Naf li mhux lakemm tmur tgħannaq l-avversarju tiegħek, mhux lakemm tmur tgħannaq lill-għadu tiegħek, mhux lakemm tmur tgħannaq lil min għamillek inġustizzja. Imma ma ninsewx li Kristu fuq is-salib hu b’idejh miftuħin. Huma miftuħin biex iħaddan, jgħannaq lill-bniedem midneb, lill-bniedem li jweġġa’ bl-inġustizzji, lill-avvesarju, lill-għadu. Inkella ċ-ċelebrazzjonijiet tagħna x’inhuma? Inkella l-predikazzjoni tagħna xi tkun? Il-predikazzjoni tkun vojta jekk ma twassalniex biex ngħixu dak li qegħdin niċċelebraw. Dawn huma ftit ħsibijiet li ħassejt li għandi naqsam magħkom u f’riġlejn il-Madonna u Eliżabetta, filwaqt li nitlobhom jagħtuna l-imbuttatura li għandna bżonn ħalli nkunu komunità li tiċċelebra t-tgħanniqa ta’ Alla.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading