Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > Nagħmlu wisa’ fid-dgħajsa

Nagħmlu wisa’ fid-dgħajsa


It-Tlieta 4 ta’ Lulju 2017. Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, fis-60 Anniversarju tas-Sorijiet Karmelitani Missjunarji ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù f’Għawdex. Iċ-ċelebrazzjoni saret fis-Santwarju parrokkjali tal-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir, f’Kercem.

 

It-tempesti huma parti mill-ħajja tagħna. L-istorja tal-familji, tal-komunitajiet Insara, tas-soċjetà ċivili hija mmarkata b’dawn l-esperjenzi ta’ mewġ qawwi dejjem ġej għal wiċċna. Ħafna drabi dan il-mewġ ikun qisu ser jiblagħna u għalhekk nibżgħu noħorġu fil-baħar miftuħ – minflok, nagħżlu li nħallu “d-dgħajsa” marbuta max-xatt. Tajjeb li nirrikonoxxu li t-tempesta, anki dik ta’ natura spiritwali, mhix biss periklu jew theddida, imma taf tkun opportunità biex nitgħallmu l-arti ta’ kif wieħed jista’ jbaħħar anki f’baħar imqalleb. Baħri tajjeb huwa dak li jsalpa anki f’baħar qawwi. Meta jkollna quddiemna din it-taqbida, aħna nistgħu niżviluppaw ċerti ħiliet u nitgħallmu ngħixu wkoll f’ibħra kbar!

Meta nkunu f’xi tempesta, faċli li bħall-Appostli nikkonkludu li Ġesù jkun raqad (ara Mt 8:23-27) – naħsbu li Alla jkun assenti mill-ħajja tagħna. Min jaf kemm ikun hemm waqtiet ibsin f’ħajjitna meta nħarsu lejn is-sema u nitmasħnu ma’ Alla għax inkunu konvinti li jkun telaqna! Imma fil-verità Alla ma jkunx nesiena. Hu jkun minkeb ma’ minkeb magħna. Ikun abbord fuq id-dgħajsa magħna, u bħalna u magħna jkun iħoss id-daqqiet tal-mewġ. It-teologu Bonhoeffer jgħid li Alla ma jeħlisniex mis-salib imma fis-salib. Fi kliem ieħor, Alla ma jeħlisniex mit-tempesta, imma fit-tempesta. U kif tistqarr Santa Katerina minn Siena, “Alla ma jagħtiniex is-soluzzjoni għad-diffikultajiet li jkollna, imma jagħtina lilu nnifsu”.

Il-fundatriċi tas-Sorijiet Karmelitani, il-Beata Marija Crocifissa Curcio, li mietet bħal-lum sittin sena ilu, kienet taf x’inhuma t-tempesti fil-ħajja. Għalkemm kienet ġejja minn familja tat-tajjeb, missierha kien antiklerikali u kien ifixkilha qatigħ fil-ħajja reliġjuża tagħha. Hija tgħid li meta kienet tifla, kienet tirċievi s-sagramenti bis-serqa għax missierha kien kontra. F’din it-taqbida, Rosa (għax hekk kien jisimha qabel ma għamlet il-professjoni reliġjuża) kienet issib il-kenn tagħha fil-Madonna tal-Karmnu. Hija tgħid li f’dawn il-mumenti iebsa kienet tħoss lill-Madonna terfagħha fuq riġlejha u tħaddanha. Rosa tgħid li f’waqtiet bħal dawn il-Madonna kien ikollha żewġt itfal f’idejha: lilha u lit-tfajjel Ġesù. Bis-sokkors ta’ Marija, il-Beata Curcio mhux biss irnexxielha tegħleb it-tempesti, imma rawmet fiha nfisha personalità qawwija tant li ’l quddiem waqqfet ordni reliġjuż missjunarju. Huwa interessanti li kienet soru oħra li kebbset f’din it-tfajla d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmelu – għax Rosa qrat il-ħajja ta’ Santa Tereża minn Avila.

Qabel ma mietet fl-1957, il-Beata Curcio sejħet lil Sr Domitilla u waqt li għamlitilha salib fuq ġbinha, tatha l-mandat li flimkien ma’ sorijiet oħra jiġu jiftħu dar f’Ta’ Kerċem. L-istorja tas-Sorijiet Karmelitani f’Għawdex hija marbuta mal-istorja tal-Iskola ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Jien inħeġġeġ lill-iskejjel kollha tagħna, partikularment l-iskejjel tal-Knisja, biex jgħinu lit-tfal mhux biex joħolmu ħajja bla tempesti, imma biex meta jgħaddu minn dawn id-drammi tal-ħajja, iżommu quddiem għajnejhom li ma humiex waħidhom, imma hemm Ġesù u Ommu Marija. Ma tridx tkun adult biex tgħaddi minn tempesta; tista’ tkun ħalib ommok fi snienek u tgħaddi minn burraxka. Għeżież ġenituri, kunu intom, bis-sapport tal-istituzzjonijiet edukattivi tagħna, li takkumpanjaw u tħarrġu liċ-ċkejknin biex ma jibżgħux mit-tempesti tal-ħajja u biex ma jħallux id-dgħajsa ta’ ħajjithom fil-garaxx. Bil-formazzjoni reliġjuża li noffrulhom, liema formazzjoni tħaddan viżjoni aktar wiesgħa minn istruzzjoni fl-etika, aħna ngħinuhom jikkonvinċu ruħhom li t-tmunieri tad-dgħajsa tagħhom huma l-Mulej Ġesù u l-Omm tagħna tas-Sokkors.

2017 07 04 Fi tmiem il-Quddiesa ta' radd il-ħajr (Ritratt - Ray Grech)

Nagħmel appell lill-iskejjel tal-Knisja biex la jirrinunzjaw u anqas jittraskuraw din il-missjoni. L-iskejjel tagħna ma humiex biss akkademja fejn it-tfal jitgħallmu l-lingwi, l-arti, ix-xjenzi, u l-bqija; l-iskola Kattolika għandha toffri esperjenza li tgħin fil-maturazzjoni tal-bniedem sħiħ, inkluża d-dimensjoni spiritwali. Ikun żball jekk ħaddieħor jista’ jittraskura dan l-aspett, għax id-dimensjoni spiritwali hija parti mill-għaġna naturali tal-bniedem u mhix strettament xi verità konfessjonali! Allaħares dan l-iżball isir mill-iskejjel tal-Knisja, meta l-formazzjoni spiritwali u Kristjana ma tibqax prijorità.

Nistieden lill-iskejjel tal-Knisja biex kif iħeġġu lill-istudenti jkunu ħbieb tal-ktieb u jaqraw b’lingwi differenti, nintroduċuhom ukoll f’dan il-patrimonju kbir li għandna fil-Knisja ta’ ħajjiet ta’ qaddisin. Il-familjarità mal-aġjografija (il-ħajjiet tal-qaddisin) tgħin biex it-tfal jiskopru mudelli varji ta’ ħajja umana u Kristjana. Il-qaddisin kienu persuni li kellhom it-tempesti f’ħajjithom, imma bl-għajnuna ta’ Alla għarfu jirkbu fuq il-mewġ. Bħalhom aħna wkoll illum nistgħu nagħmlu l-wisa’ fid-dgħajsa ta’ ħajjitna għal Ġesù u għal Marija.

Ritratt ta’ Ray Grech.
Audio bil-kortesija ta’ Radju Sokkors.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: