Is-Sibt, 8 ta’ Lulju 2017: Sintesi tal-Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Funeral ta’ Jessica Zahra. Knisja arċipretali ta’ Marija Assunta, Żebbuġ.
Sintesi tal-Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech
Fil-ħajja faċli nsibu ruħna taħt il-madmad. Xi drabi l-madmad ikun tant tqil li kapaċi jgħawwiġna u jmiddna mal-art. Il-Famlija Zahra bħalissa tinsab taħt il-madmad minħabba t-telfa għall-għarrieda tal-għażiża Jessica! Il-preżenza sabiħa ta’ din il-ġemgħa tfisser li dan il-madmad qed jagħfas ukoll fuqna lkoll, partikularment fuqna li nafuha fl-iskola sekondarja tagħna. Ħadd minna, kbir jew żgħir, ma huwa ħieles li f’xi waqt jew ieħor mhux ser iħoss it-toqol li kull wieħed iġorr. Il-mard, bħal fil-każ ta’ din it-tfajla, huwa madmad. Ir-responsabbiltà li aħna għandna – jien bħala isqof, intom il-ġenituri, intom bħala għalliema, intom il-professjonisti… – xi drabi taf tkun tqila! Anki l-mod kif inħaddmu l-libertà tagħna jaf ikun madmad. Għal xi wħud l-impenn Nisrani jista’ jkun madmad ukoll.
Issa “madmad” huwa biċċa għodda magħmula minn serretiz li l-bidwi kien ipoġġi fuq l-għonq ta’ żewġ barrin. Minħabba l-madmad, iż-żewġ barrin kienu jibqgħu qrib xulxin. Il-madmad kien iżommhom ma’ xulxin. Għalhekk wieħed ma kienx ser jabbanduna lill-ieħor, imma jgħinu lil xulxin.
Jekk il-madmad kellu t-toqol tiegħu, peress li kien jinġarr minn “tnejn”, il-piż kien jinqasam bejn it-tnejn. Hekk dak li seta’ jegħja u jgħakkes lil wieħed, meta jerfgħuh tnejn, il-piż ma jaqta’ qalb ħadd.
Bil-madmad fuq għonqhom, il-barrin jimxu t-tnejn f’direzzjoni waħda u hekk jevitaw li l-wieħed jieħu triq żbaljata jew jidħol ġo ħajt.
Għalhekk, meta l-madmad tagħna jagħfas fuqna, ma naqtgħux qalbna, għaliex fil-komunità żgur hemm min huwa lest li jerfa’ l-madmad magħna – hemm min jixtieq ikun qrib tagħna u jaqsam it-toqol tal-ħajja.
Kif smajna jitħabbrilna fil-Vanġelu, Ġesù nnifsu qed jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” (Mt 11:30). B’dan il-kliem Ġesù qed joħroġ għonqu biex jerfa’ magħna l-madmad tagħna. Mhux ser jitlaqna waħidna. Hu jrid ikun sieħeb magħna biex jgħinna nġorru l-piżijiet tal-ħajja. Ġesù refa’ fuqu l-mard tagħna. Tgħabba bin-niket tagħna. Hekk ma għadniex aktar waħidna biex niġbdu warajna l-karretta bit-tagħbija; imma Ġesù, li daħal taħt il-madmad tagħna, qed jimbotta magħna l-karretta. Bir-raġun is-Salmista jgħidilna: “Ħalli xortik f’idejn il-Mulej u hu jgħinek u jwieżnek” (Salm 55).
Qalbna tħoss ħafna għat-telfa ta’ Jessica; imma ma nħallux il-madmad tal-mewt ixekkilna. Nagħmlu l-qalb, għax jiżen kemm jiżen il-piż tat-telfa u hija kemm hija mwiegħra u xierfa kull xorta ta’ esperjenza ta’ tbatija, aħna qatt ma aħna waħidna. Madwarna hemm ħafna li jħobbuna, huma qrib tagħna u jridu jerfgħu l-madmad magħna. Fuq kollox, Kristu wkoll huwa viċin tagħna u jrid iħaddan miegħu l-madmad tagħna biex iserraħna.