Fl-għerq ta’ kull demokrazija vera hemm il-garanzija ta’ għażla ħielsa u vot ħieles u l-eżerċitu ta’ din l-għażla mhux biss huwa dritt ta’ kull ċittadin, imma fuq kollox obbligu gravi li jġorr miegħu responsabiltà tremenda. Huwa l-obligu tagħna lejn dawk ta’ qabilna li ssieltu u uħud saħansitra ċarċru demmhom għal dan id-dritt. Huwa obligu lejn iċ-ċittadini l-oħra ta’ żmienna li jitkexkxu meta jaraw it-tragedji umani li jseħħu kuljum f’reġimi totalitarji. Huwa obligu daqstant ieħor gravi lejn uliedna, ulied uliedna u dawk kollha li għad iridu jiġu warajna – dejjem jekk bl-użanzi tagħna kontra l-ħajja ma nkunux aħna stess li nikkundannawhom li ma jeżistux.
Inċaħħduhom minn vot ħieles
Imma filwaqt li f’pajjiżna bir-raġun kollu niftaħru li għandna dan id-dritt ta’ vot ħieles għal kulħadd, lill-istess rappreżentanti li aħna naħtru biex f’isimna jeżerċitaw dan d-dritt u obligu tagħna, qegħdin inċaħħduhom minnu. U dan anke f’materji gravi kif għandu quddiemu llum il-Parlament Malti.
Kif jista’ ċittadin jgħid li l-vot tiegħu huwa tassew rappreżentat f’ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżu meta min jirrapreżentah ikollu idejh marbuta u jkun imċaħħad milli jagħmel dan. Qabel ikollna dibattitu serju dwar xi liġi, fil-parlament il-Membri Parlamentari jrid ikollhom il-garanzija ta’ vot ħieles, kemm jekk favur u kemm jekk kontra. Iċ-ċaħda tal-free vote fil-parlament ma tmurx biss kontra d-dinjità u d-dritt tal-Membru Parlamentari, imma wkoll ta’ dawk kollha li eleġġewh. Id-dritt ta’ vot ħieles, l-aktar dwar materji tal-kuxjenza, la jista’ jkun qatt imċaħħad u lanqas imċedi. Inkella d-demokrazija ssir farsa.
Akbar minn kull dritt
Imma akbar minn kull dritt tal-bniedem hemm in-natura. Qed nuża din il-kelma ħalli ħadd ma jgħid li din hija biss kwestjoni reliġjuża, għalkemm kull min jemmen jaf li l-istess natura ġejja minn Alla nnifsu u li l-iġijiet tagħha huma wkoll il-liġijiet tiegħu.
In-natura kollha, kemm dik umana u kemm dik universali tiddetta fuqna li hemm materji li ma jistgħu ikunu suġġetti għall-ebda vot. Jista’ qatt xi stat iressaq quddiem iċ-ċittadini tiegħu f’referendum jew quddiem ir-rappreżentanti tagħhom fil-parlament l-għażla dwar jekk l-omiċidju għandux ikun legaliżżat? Jista’ qatt xi stat iħalli f’idejn l-għażla libera jekk is-serq jibqax ikun meqjus bħala att kriminali? Jista’ qatt f’pajjiż isir vot biex l-għoti, traffikar jew bejgħ ta’ sustanzi qerrieda ma jkunx meqjus aktar bħala illegali?
Libertà f’kuntest
Aħna liberi, imma biss fil-kuntest tal-istess natura tagħna u dik ta’ madwarna. Jiena liberu, imma biss sakemm l-eżerċizzju tal-libertà tiegħi ma jkunx qed imur kontra l-libertà ta’ persuna oħra jew tan- natura nfisha. Din bħal meta nitkellmu dwar id-dritt fuq ħajjtina. Bħallikieku xi ħadd minna qattx ġie mogħti d-dritt jagħżel jekk jitwellidx jew le.
Tgħid xi tgħid il-liġi, in-natura tibqà dejjem dak li hi. Ġa għandna madwarna eżempji ċari ta’ kif il-bniedem qeridha u qed ikompli jeqridha. Ġa għandna quddiemna eżempji ċari ta’ kif minkejja din il-qerda, pajjiżi kbar u hekk imsejħa progressivi u demokratiċi jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li qed iseħħ u jeżentaw lilhom infushom mis-sehem tagħhom favur soluzzjoni.
Id-demokrazija tkun tajba daqskemm dawk li jħaddmuhom ikun tassew jemmnu fiha. Inkella d-demokrazija ssir farsa.
Joe Farrugia