Home > L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech > L-APS: Bank tal-Foqra

L-APS: Bank tal-Foqra


Il-Ħamis 20 ta’ Lulju 2017. Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech fl-okkażjoni tal-irtirar tal-Prof. Lino Delia bħala Ċermen tal-Bank APS, Ċentru tal-Bank APS, Birkirkara.

F’isem il-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll f’isem is-soċjetà tagħna, nixtieq nirringrazzjak minn qalbi għall-ħidma kbira li int, Professur Lino Delia, għamilt matul dawn is-sbatax-il sena bħala Ċermen tal-APS. B’ħiltek, il-Bank kiteb storja ta’ suċċess. Int qiegħed tħallilna patrimonju għani ħafna.

Il-kisbiet finanzjarji kienu eċċellenti tant li l-attività tal-Bank estendiet ruħha sewwa; imma bħala Isqof nistqarr li fil-fehma tiegħi l-aqwa wirt li ser tħallilna huwa l-fatt li inti qed tgħaddilna bank tal-foqra, fis-sens li l-fqar sabu kenn f’din l-istituzzjoni finanzjarja.

APS20072017 (3)Imnebbaħ mit-tagħlim soċjali tal-Knisja, int irnexxielek iżżewweġ flimkien l-effiċjenza finanzjarja u s-solidarjetà, il-qligħ u s-sussidjarjetà, u hekk tajt libsa umana lill-ekonomija. Matul din il-medda ta’ żmien kienu diversi dawk l-inizjattivi li int, flimkien ma’ sħabek, ħadt biex twieżen, takkumpanja u tagħmel il-qalb li dawk li ma kellhomx mezzi finanzjarji. Niftakar meta ddeċidejt li toffri self b’imgħax ibxax minn banek oħra, tant li mbagħad il-banek ħassew li għandhom iniżżlu l-interessi tagħhom ukoll. Min gawda minn din il-miżura soċjali jekk mhux il-foqra? Kien fi żmienek li l-APS introduċa l-miżura ta’ microcredit – permezz ta’ din l-għodda soċjali intom tgħinu jistabbilixxu ruħhom lil dawk li altrimenti minħabba nuqqas ta’ mezzi ma kinux jieqfu fuq saqajhom. Ftit xhur ilu biss nedejtu skema ta’ affordable home loans biex il-Bank APS jagħti nifs lil min qata’ nifsu li jkollu daru. Dawn huma ftit eżempji ta’ inizjattivi li minħabba fihom l-APS taħt it-tmexxija tiegħek sar dar aċċessibbli għall-foqra.

Nistqarr li kont timlieni b’entużjażmu meta kont nisimgħek titkellem dwar ethical banking. Bl-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett fis-sistema finanzjarja ta’ pajjiżna, int ħeġġiġt li biex il-fondi jkunu investiti tajjeb, wieħed mhux biss għandu jara li jkun hemm il-qligħ, imma jqis ukoll l-aspett soċjali u dak ambjentali. B’sodisfazzjon ngħid li bit-tmexxija tiegħek l-APS ħaddem sistema li jserraħ fuq dawn it-tliet pilastri: il-qligħ fir-rispett ta’ dimensjoni soċjali u dik ambjentali.

Professur Delia, jien sinċerament nixtieq li l-APS jibqa’ jgħożż din ir-ruħ soċjali li inti tajtu. Il-flus illum hawn u għada le, imma din il-filosofija li inti qed tħallilna nixtieqha tibqa’ tkun il-karatteristika ta’ din l-istituzzjoni li trid tibqa’ twieġeb għal sitwazzjonijiet soċjali u ekoloġiċi emerġenti. Nawgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ pajjiżna jispiraw ruħhom mill-APS biex huma wkoll ma jinsewx jgħinu lill-foqra. Grazzi.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: