It-Tlieta, 5 ta’ Settembru 2017: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li Isqof Kattoliku qed joffri l-kenn lil madwar 2,000 Musulman fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali għax dawn qed jiġu ppersegwitati minn gruppi militanti Kristjani.
F’dan il-pajjiż fiċ-ċentru tal-kontinent, il-vjolenza bdiet 4 snin ilu meta r-ribelli Musulmani Seleka ħadu l-poter u wara ftit bdew jiġu akkużati li qed joqtlu minoritajiet li ma kinux Musulmani.
B’risposta għalihom twaqqaf il-grupp Anti-Balaka biex jiġġildilhom, iżda anki dawn ġew akkużati bosta drabi b’atroċitajiet fuq Musulmani.
“Balaka” tfisser bulits u tirreferi għall-militanti, jiġifieri sippost dan il-grupp kellu jwaqqaf il-bulits u lill-militanti. Min-naħa l-oħra, Seleka tfisser koalizzjoni skont il-lingwa Sango mitkellma fil-pajjiż.
L-Isqof, Juan José Aguirre Munoz, qal li l-Musulmani li qed jipproteġi ma jistgħux joħorġu mis-seminarju li qed jagħtihom kenn minħabba l-biża’ li jinqatlu.
Stephen O’Brien, Kap Umanitarju fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda (UN), qal li hemm sinjali bikrin ta’ ġenoċidju fil-qrib, u jekk mhix se tittieħed azzjoni issa l-agħar għadu ġej.
Skont il-UN, eluf inqatlu u miljuni oħra ħarbu minn darhom f’dal-pajjiż mill-2013 ’l hawn.
Nofs il-popolazzjoni fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali dipendenti fuq l-għajnuna umanitarja.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija