Il-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 2017: Ilbieraħ għadd sabiħ ta’ persuni morda, minn diversi parroċċi u djar tal-anzjani inġabru fil-Knisja Arċipretali tal-Isla, fejn hemm ukoll meqjuma x-xbieha devota ta’ Ġesù Redentur u hemm fakkru flimkien il-mitt sena tal-aħħar dehra tal-Madonna f’Fatima li seħħet propju fit-13 ta’ Ottubru 2017, meta kien seħħ ukoll il-miraklu tax-xemx.
Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni fl-Isla, saret it-talba tar-Rużarju u wara l-Arċipriet tal-Isla, Fr Robin Camilleri mexxa quddiesa li matulha huwa flimkien ma’ saċerdoti oħra amminstraw is-Sagrament tad-Dilka (griżma) tal-Morda lil dawk preżenti.
Fl-omelija tiegħu Fr Robin ħeġġeġ lil morda li joffru kontinwament it-talb u t-tbatijiet tagħhom ghall-qdusija tas-saċerdoti, għall-għaqda fil-familji u għat-tfal biex dawn jikbru jħaddnu l-valuri nsara.
Fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni saret it-talba tal-konsagrazzjoni ta’ dawk preżenti lil Alla permezz tal-Verġni Marija.
Iċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-mitt sena ta’ Fatima jkomplu llejla b’pellegrinaġġ li ser jibda fis-6.00pm mill-Knisja tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun u jintemm fil-Knisja tal-Madonna ta’ Fatima fil-Gwardamangia. Il-pellegrinaġġ ser jitmexxa minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna li wara jqaddes ukoll quddiesa.
Illejla wkoll ser isir lejl ta’ Adorazzjoni Ewkaristika u Rikonċiljazzjoni fil-Kappella tal-Kunċizzjoni f’San Ġiljan. Din ser tkun immirata l-aktar għaż-Żgħażagħ.