Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tal-Ġimgħa, 13 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 11, 15-26

Naħseb li kulħadd jaqbel li l-ikbar għadu f’kull ġemgħa fejn in-nies jgħixu jew jaħdmu jew jieħdu gost flimkien huwa l-firda. Għax jekk fil-għaqda hemm is-saħħa, fejn hemm il-firda tirbaħ id-dgħufija li tnawwar kull saħħa li qatt jista’ jkun hemm. U ma nillududx ruħna. Kull ġemgħa, hi x’inhi, hija suġġetta għall-firda. Il-familja ma teżisitix weħidha, is-soċjetà ma teżistix weħidha, il-Knisja ma teżistix weħidha. Ilkoll huma magħmulin minn bnedmin li kif jibdew ifittxu lilhom infushom iktar milli lill-oħrajn, ikunu qed idgħajfu l-pedamenti, u sabiħa kemm hi sabiħa il-familja, qawwija u soda kemm tkun is-soċjeta’ jew il-Knisja, kollox jaqa’ u jsir terrapin.

Meta lil Ġesù ma setgħu jakkużawh b’xejn, għax ma sabu fih ebda dell ta’ dgħufija jew ħtija, ippruvaw jgħaddu ż-żmien bin-nies u jbeżżgħuhom billi jgħidulhom li l-qawwa tiegħu ġejja mill-ħażin, minn Begħelżebul (isem ieħor għax-xitan, il-Mulej taż-żibel, jew tal-ħmieġ li jiġbed fuqu d-dubbien kollu) li fit-tradizzjoni tal-popli tal-Mediterran, waħda mill-armi li juża kontra l-bniedem hi li jġib il-firda u jqanqal il-gwerer, biex il-bnedmin ma jitqawwewx, jiddgħajfu, u hekk ma jkollhomx qawwa jerfgħu rashom minħabba l-għaks u l-miżerja li l-firda u l-gwerra jġibu magħhom. Iżda Ġesù jgħid li lanqas dak stess li jġib il-firda ma jista’ jkun mifrud fih innifsu, għax jispiċċa bla saħħa.

Għal darb’oħra, Ġesù jieħu l-opportunità biex jisħaq fuq il-ħtieġa tal-għaqda, iktar u iktar bejn id-dixxipli tiegħu.

Noqgħodu attenti! M’aħniex ħielsa mit-tentazzjoni tal-firda, lanqas fil-Knisja. F’kapitlu 17 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jisħaq jew jitlob fuq l-għaqda ta’ dawk li jimxu warajh seba’ darbiet. Mhux b’kumbinazzjoni. Sebgħa għal seba’ darbiet għandek taħfer biex issewwi l-firdiet bejnek u bejn ħuk. Għalhekk jisħaq fuq il-mogħdrija u fuq il-maħfra, għalhekk fuq is-salib jaħfrilhom u jiskużahom. Begħelżebul kapaċi jifred anke fil-waqt tal-mewt, lill-bnedmin minn xulxin u lill-bnedmin minn Alla.

Noqgħodu attenti. Il-firda tiekolna minn ġewwa. Anke fil-Knisja, li fil-pjan tal-Imgħallem għandha tkun għan ta’ mħabba u sinjal ta’ għaqda. Hija susa li tiekolna minn ġewwa u tifridna u ddgħajjifna meta l-opinjonijiet isiru dommi, meta l-gosti jsiru assoluti, meta nużaw anke l-Ewkarestija u l-mod kif niċċlebrawha biex insawtu lil xulxin u nakkużaw lil xulxin, biex noħolqu dagħbien bejnietna. Alla jħares milli jiġri dan, imma ġieli jiġri, qiegħed jiġri.

Le, mhux biżżejjed li ma nobgħodu lil ħadd. Le, mhux biżżejjed li ma niġġildux. Din hija attitudni ta’ bruda, ħajja bla ħeġġa, ħajja bla ħajra, ħajja mibnija fuq il-ħsieb li ta’ barra barra u ta’ ġewwa ġewwa. Ħobbu lil xulxin. Min ma jħobbx diġa mifrud u min hu mifrud ma jistax iħobb. Ġesù jwissi li meta dar titnaddaf minn dakli hu ħażin għandha periklu ikbar. Jekk meta titnaddaf tibqa’ vojta, iktar faċli terġa’ timtela’ b’dak li hu ħażin. Il-qalb imnaddfa trid timtela’ bl-imħabba lejn Alla u lejn xulxin. L-imħabba biss timla’ l-qlub. U l-imħabba mhix passiva, mhix bierda.

Jekk illum tkun naqra kwiet, ipprova sewwi mqar firda waħda li teżisti f’ħajtek, imqar ma’ bniedem ieħor. Il-familja, is-soċjetà, il-Knisja ma jinbnewx bil-bruda, bl-apatija, jew bil-ħsibijiet, bix-xewqat u bil-ħolm. Jinbnew biss jekk nilqgħu lill-firda u t-tentazzjoni għaliha bl-imħabba konkreta bla nteressi u bla kundizzjonijiet.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: