Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tat-Tnejn, 16 ta’ Ottubru 2017

L-Evanġelju tat-Tnejn, 16 ta’ Ottubru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 11, 29-32

Quddiem Ġesù inġemgħu il-folol. L-Evanġelji mhux l-ewwel darba li jsemmu ‘kotra kbira ta’ nies’. Iżda Ġesù jagħraf l-għan tal-waqfien tagħhom. Il-kurżità. Ix-xewqa għall-ispettakolari. Wisq probabli semgħu x’kien għamel iktar milli x’kien qal u riedu jaraw b’għajnejhom. Jidher ċar li iktar kienu nteressati dwar x’qed jagħmel hu milli x’jistgħu jagħmlu huma.

Lil Ġesù attitudni bħal din tirritah. Meta bagħat lid-dixxipli kien qalilhom li l-Kelma tiġi msaħħa bil-qawwa tal-mirakli. Il-mirakli kienu għas-servizz tal-Kelma. Il-miraklu jseħħ biex ikun iktar faċli għall-bniedem li jgħix il-Kelma li jisma u li biha jitqanqal. Fl-aħħar mill-aħħar il-mirakli ma jibqgħux iseħħu dejjem. Jekk xi ħadd tfejjaq, xorta reġa’ marad u miet; jekk xi wħud qatgħu il-ġuħ bil-ħobż, xorta waħda kellhom jieklu darb’oħra. Imma skont Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Ġwann hu il-Kelma għajn li ma tintemm qatt.

Ġesù diġa huwa l-prova, is-sinjal. Iżda nafu lkoll li ebda prova m’hi biżżejjed, ebda sinjal ma jxejjen id-dubji. Iktar kemm ikollna, iktar irridu biex mingħalina nkunu ċerti. Iktar u iktar illum meta li temmen ifisser dgħufija jew bluha. Meta temmen tkun baħnan. Hekk hija l-moda tal-ħsieb. ‘Trid tara biex temmen’ hija l-iktar frażi assurda u bla sens. Min jara m’għandux għalfejn jemmen għax ikun qed jara. Jew forsi lanqas jekk tara ma hu biżżejjed biex temmen! Forsi biex temmen kollox irid ikun kif trid int, kif taħsibha int, skont l-opinjoni tiegħek.

Fost dawk miġbura għall-kurżità hemm dawk li jaħsbu li huma għorrief. Iridu jaraw fejn hi l-illużjoni, jirraġunaw bil-loġika limitata tagħhom l-għerf ta’ Alla, dawk li jaħsbu li huma għorrief iktar min Alla nnifsu, dawk li l-esperjenza tal-ħajja għaniethom bid-dehen u dan id-dehen sar l-għerf li jmexxihom. Għalhekk Ġesù jsemmi lis-sultana tan-nofisnhar li ġiet mill-bogħod biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun, bniedem li l-għerf tiegħu ġej minn Alla. Hawn min hu aqwa minn Salamun hawn.

Il-preżenza ta’ Ġesù nnifisha hija sinjal fih innifsu. L-ebda loġika jew xjenza tal-bniedem ma tista’ qatt tasal biex tipprova l-imħabba u l-ħniena li Alla juri mall-bnedmin. Il-loġika u x-xjenza huma mibnijin fuq l-esperjenza tal-bniedem li jistgħu jgħinuh biex itejjeb ħajjtu u ħajjet dawk ta’ madwaru. Iżda ma ninsewx li l-esperjenza tal-bniedem qatt ma hi bla tebgħa kif inhi l-intenzjoni ta’ Alla.

Ngħiduha kif inhi, bir-raġuni u bil-kurżità ma nagħmlu xejn, lanqas fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Ħadd ma jista’ jispjega bil-loġika jew bir-raġuni għalfejn in-nie siħobbu lil xulxin. Meta fl-imħabbiet tagħna nibdew nużaw il-liġi li trid tara biex temmen, l-imħabbiet tagħna jew qatt ma kienu hemm jew tant kienu dgaħjfa li għosfru. Hawn min hu aqwa minn Salamun hawn.

Ġesù jsemmi wkoll lin-nies ta’Ninwè li semgħu il-predikazzjoni ta’ Ġona u nidmu. Il-paroabbola tgħidilna li Ġona kien għadu kif ħareġ minn żaqq il-ħuta wara tlitt ijiem, xbieha li fiha San Mattew jara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, li kien għad irid jiġri u fil-fatt ġara. In-nies ta’ din il-belt ma semgħux b’kurżità, semgħu il-Kelma u ħassewha tmissilhom qalbhom u bidlu ħajjithom. Imma donnu n-nies ta’ żmien Ġesù u llum għalina wkoll, li tisma’ mhux biżżejjed. Nisimgħu kemm nisimgħu ma nifhmux. Il-bidla f’ħajjitna tant insibuha bi tqila. Dejjem nivvintaw xi skuża sakemm dak li ma nagħmlux għax irridu, ikollna nagħmluh bil-fors. L-għebusija tal-qalb tkissirna. Il-biedem li ma jridx jibdel ħajtu għall-aħjar ikun bil-mod il-mod qe djoqtol lilu nnifsu.

Mhux ta’ b’xejn il-frustrazzjoni ta’ ħafna li jaraw il-ħażin jikber. Mhux ta’ b’xejn li meta l-ovvju jkun veru ovvju nippruvaw nidlu d-definizzjoni tiegħu biex niġġustifikaw ir-ras iebsa tagħna.

Għallinqas illum, rattab rasek għal darba u emmen li l-mod kif taħsibha int mhux bilfors tajjeb li l-bidla hija ndispensabbli biex tikber, li biex temmen mhux tara trid imma tafda.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: