Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 2 ta’ Novembru 2017. L-Għid tal-Imwiet

L-Evanġelju tal-Ħamis, 2 ta’ Novembru 2017. L-Għid tal-Imwiet


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja

Ġw 6:37-40

Din hija waħda mis-siltiet li llum jistgħu jinqraw bħala Evanġelju. F’xi waħda mit-tlitt quddisiet li kull qassis jista’ jiċċelebra.

Ġesù kien għadu kif tema’ ħamest elef ruħ sakemm xebgħu, u ħobż kien fadal ukoll, forsi għal min kien għadu ma ndunax li hu bil-ġuħ, jew kien għadu ma wasalx. L-ikel li Ġesù jagħti m’hux limitat għal xi wħud imma għal kulmin irid jieklu u jaqta’ l-ġuħ bih. Iżda Ġesù jagħraf ukoll li n-nies kienu qed ifittxuh għal ikla b’xejn, bħalma ġieli fittxew għal fejqan b’xejn. In-nies marbutin l-iktar, biex ma ngħidux biss, ma’ dak li jagħmel il-ħajja fuq din l-art komda, fejn, jekk jista’ jkun tikseb kollox b’xejn. Aħna nafu x’jiġifieri!

Iżda Ġesù, li qatt ma jgħaddi ż-żmien b’ħadd, jipprova jiftaħ għajnejn, anke min qata’ l-ġuħ bl-ikel tal-art, li l-ħajja mhix biss ikel, il-ħajja mhix biss saħħa, il-ħajja mhix biss kumdità. Li tgħix tajjeb fuq din l-art hija ħaġa sabiħa u kulħadd għandu jkollu biex jgħix jew il-mezzi biex jikseb dak li għandu bżonn biex jgħix kif jixraqlu; dan ġej mill-ġustizzja, li mhux dejjem hija ovvja għal kulħadd. Iżda l-ħajja mhix skop fiha nnifisha, hija mezz kif tgħix skont ix-xewqa tal-Missier, jiġifieri li tgħix miegħu għal dejjem.

Dan il-għan qiegħed hemm għal dawk li l-Missier jagħti lil Ibnu. U l-Missier iħobb lil kulħadd u l-ħajja ta’ dejjem miegħu hija miftuħa għal kulħadd; hija r-rigal tal-imħabba, ix-xewqa tal-Missier li kull bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla, jidħol għal dejjem, sa minn hawn stess fl-intimità ta’ Alla li ħalqu. Ġesù ma jkeċċi lil ħadd li jilqa’ din l-għotja. Il-kelma li juża Ġesù fit-test oriġinali grieg, ‘ek ballo’ fiha element ta’ vjolenza. Kieku bil-malti seta’ uża l-verb ‘tobżoq’ jew ‘tbarri’, tixħet ’l barra bi vjolenza. Kemm Ġesù jidher li dan ma jagħmlux tidher sa met akien fuq is-salib, jieħu hu stess l-aħħar nifs ta’ ħajtu, meta ħafer lil dawk li sallbuh u skużahom u wiegħed il-Ġenna lil wieħed mill-imsallbin miegħu.

Għal dawk li jemmnu fik, Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel. Għal min jilqa’ d-don tal-imħabba tal-Missier, li jsib il-qofol tiegħu fl-għotja ta’ Ibnu stess, il-mewt mhix it-tmiem imma ssir il-ħlas ta’ twelid ġdid.

Ngħidu x’ngħidu, aħna marbutin ma’ din il-ħajja u tant aħna marbutin li ħafna drabi ninsew li ta’ hawn u għal hawn m’aħniex. Żjara saċ-ċimiterji, bħal daż-żmien u fi żminijiet oħra mhux biss tfakkarna, iżd ahija prova ċarissma ta’ dan. Fuq waħda mill-irħam straordinarju li jksi l-art tal-kon-katidral ta’ San Ġwann, hemm miktub ‘qui me calcar calaberis’ min qed jirfes fqui għad jirfsu fuqu. Iżda kultant l-anqas l-aqwa prova ma hi biżżejjed biex tikkonvinċina, u mhux veru li trid tara biex temmen. Aħna naraw u nibqgħu ma nemmnux, jew inkella nemmnu u ninsew malajr, forsi għax aħjar hekk.

l-għotja hija b’xejn imma meta tilqagħha titlob impenn, trid tibża’ għaliha mhux tibża minnha. It-tama tal-ħajja ta’ dejjem mhix theddida minn naħa ta’ Alla biex tbeżżana mill-mewt imma biex turina li x-xeqa tal-Missier hi li ngħixu miegħu għal dejjem; insiru bħal Alla. It-tama tal-qawmien għal ħajja hija mogħtija lilna biex il-mewt ma tbeżżaniex.

Aħna li llum u fi ġranet oħra niku l-vojt li ħallew ta’ qabilna imma nitolbu għalihom nistgħu inħallu l-kliem ta’ Ġesù jimlilna qalbna bil-kuraġġ, biex dak li nammiraw f’ta’ qabilna u li nittamaw li għalihom jiswa biex tassew jingħaqdu ma’ Alla għal dejjem, ikun ta’ siwi għalina biex aħna wkoll, pass pass, li ma nafux meta se jieqaf, bil-mod kif naħsbu, nitkellmu u ngħixu, nkunu qed noqorbu, biex is-seqa tal-Missier għalina, ma tibqax xewqa imma ssir ir-rejaltà.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: