Il-Ħamis, 2 ta’ Novembru 2017: Is-sit newsbook.com.mt irrapporta li Il-mexxejja reliġjużi Spanjoli ir-riaffermaw l-appoġġ tagħhom għall-għaqda fil-pajjiż hekk kif il-Gvern Spanjol impona l-kontroll dirett tiegħu fuq il-Katalunja.
Madankollu, organiżazzjonijiet kattoliċi fil-Katalunja – li fis-27 ta Ottubru iddikjarat l-indipendenza tagħha – ikkundannaw il-forza użata mill-qawwiet tal-Gvern ċentrali u wissew lill-Gvern li dawn l-azzjonijiet jista’ jkollhom konsegwenzi inkalkulabbli.
Il-Kardinal Ricardo Blazques Perez ta’ Valladolid, President tal-Konferenza Episkopali Spanjola esprima d-dwejjaq tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-indipendenza mill-Katalunja u sostna l-appoġġ għall-ordni kostituzzjnai u talab lil Alla biex ikun hemm ko-eżistenza ċivili bejn iċ-ċittadini kollha.
Il-Kardinal Carlos Osoro Sierra ta’ Madrid qal li Kristu jinkoraġixxi il-ftehim u r-rikonċiljazzjoni mhux il-bini ta’ ħitan li jifirdu filwaqt li l-Kardinal ta’ Valenzia fil-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd fil-Kattidral li Spanja kellha bżonn imħabba, maħfra u paċi.
Iżda fil-Katalunja, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u 12-il organiżazzjoni Kattolika oħra qed isostnu li l-istituzzjonijiet tal-Katalunja kienu jeżistu qabel il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978. Dawn qed isostnu li “t-tneħħija tal-Gvern u l-limitazzjoni leġislattiva tal-Parlament tar-reġjun jammontaw għas-sospenzjoni tas-self-government u jiksru drittijiet demokratiċi essenzjali”.
Il-Kummissjoni Katalana żiedet tgħid li “in-nuqqas ta’ tweġiba politika għat-talbiet tas-soċjeta’ tal-Katalunja wasslu għal sitwazzjoni serja u qed joħolqu tensjoni qawwija bejn il-poplu Spanjol. Biex ikun hemm soluzzjoni dejjiema din trid tkun ġusta, demokratika, fraterna u tirrispetta d-drittijiet nazzjonali tal-Katalunja”. Huma talbu wkoll biex ikunu rtirati l-akkużi kriminali kontra l-mexxejja separatisti.
Sadattant l-Isqof tal-Katalunja, Agustin Cortes Soriano, nhar il-Ħadd li għadda qal lil madwar 300,000 persuna li nġabru jipprotesaw li “l-ġlied politiku għall-poter jista’ jkun ikkalmat bi djalogu li mhux bilfors ikollu bżonn li wieħed jirrinunzja għall-fehmiet tiegħu” filwaqt li l-Kardinal ta’ Barcellona, Juan Jose Omella qal li hu “iħobb ir-reġjun kif ukoll lil Spanja” filwaqt li talab lil Alla biex jevita l-konfront u joħloq futur fil-paċi.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija