Home > Minn Fr Michael Bugeja > L-Evanġelju tal-Ħamis, 23 ta’ Novembru 2017

L-Evanġelju tal-Ħamis, 23 ta’ Novembru 2017


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Lq 19, 41-44

Il-vjaġġ wasal fi tmiemu. Miexi fuq quddiem, quddiem kulħadd jgħidilna San Luqa fil-vrus ta’ qabel. Huwa li jibgħat, jimxi quddiem dawk li hu stess bagħat. X’ħin jasal fuq l-għolja faċċata minn fejn Ġerusalemm kienet tidher fil-glorja kollha tagħha, bit-tempju misbuħ abjad fuq il-quċċata tal-għolja ta’ Sijon li fuqha kienet mibnija l-belt jixgħel fid-dawl tax-xemx, Ġesù jara dak li l-bnedmin ma jarawx; il-qerda tal-Belt bit-tempju b’kolox u l-qtil ta’ dawk kollha li jgħammru fiha. Ġesù jara lil hinn minn dak li jaraw għajnejn il-bnedmin, mhux biss għax hu Alla imma jagħraf is-sinjali taċ-ċaħda tiegħu bħala l-mibgħut ta’ Alla: il-Messija.

Meta n-nies kienu jaraw il-belt mill-bogħod kienu jkantaw is-Salm tat-Tela’, salm li juri l-ferħ tal-pellegrini li jaraw il-binja tal-ħitan ta’ Ġerusalemm, li isimha jfisser ‘l-għamara [fejn jgħammar] is-Sliem). “Fraħt meta qaluli: “Sejrin f’dar il-Mulej!” Diġà qegħdin riġlejna fi bwiebek, Ġerusalemm! Ġerusalemm, mibnija bħal belt, magħquda ħaġa waħda. Lejha t-tribujiet jitilgħu, it-tribujiet tal-Mulej, biex, skond il-liġi ta’ Iżrael, ifaħħru isem il-Mulej.” Din hija l-ewwel taqsima ta’ Salm 122, li Ġesù ma jużax f’din l-okkażjoni.

Minflok jifraħ huwa jibki l-belt u lil dawk li jinġabru fiha, mhux għal dak li kellha tkun ix-xorti tagħha, li fiż-żmien meta kien imxandar dan l-Evanġelju kien ġa ġrat fis-sena 70 meta l-Imperatur Titu qered kullma sab quddiemu, iżda għal dak li hija u dawk li jaraw fiha l-identità tagħhom, iddeċiedew dwar iż-żjara li Alla għamilhom permezz ta’ Ibnu.

Ġesù jibki l-opportunità mitlufa minn poplu ħali, li kien jogħxa jntilef f’dak li mhux essenzjali u jwarrab dak li għandu bżonn biex jgħix; poplu li ma jagħrafx x’inhu tassew ta’ ġid għalih u jintilef fl-aċċessorji u r-regoli u d-drawwiet maħluqa mill-bnedmin; poplu li jeżalta r-rabta mall-ħolqien ta’ ħtieġa ta’ ġid li jgħaddi u jagħti bis-sieq il-ġid veru; poplu li jgħożż iżjed l-illużjoni li jippreżentalu min għandu f’qalbu biss il-kilba għas-setgħa u jobżoq ir-rejaltà li jiftaħlu għajnejh għaliha dak li jħobbu tassew.

Ġesù ma jibkix dak li kien se jgħaddi minnu hu fi ftit jiem, imma jibki d-deċiżjoni ta’ min huwa għama biżżejjed li ma jarafx il-kelma ta’ Alla mill-kelma tal-bniedem. Xejn ġdid għalina. Iċ-ċaħda għadna ngħixuha llum. Ma nafuhx, mhux magħna, ma jeżistix, u jekk jeżisti, mhux postu hawn. Kemm-il darba jipprova. Ġieli jirnexxilu. Imma min jemmnu jkollu l-istess diżappunt tiegħu. Quddiem il-ġmiel u t-tlellix u l-illużjoni tal-ħajja tagħna Ġesù jibki.

Għad jaiġi żmien, u fil-fatt ġie u għadda, li ma jibqa’ xejn minnek għax int għalaqt għajnejk biex ma tarax u saddejt widnejk biex ma tismax u qalbek saret żonqor. Il-ħasra l-kbira mhix għax niżbaljaw, iżda għax inwebbsu rasna fiċ-ċaħda, bit-tama li kulħadd jagħtina raġun u allaħares xi ħadd ma jtinix, meta fil-fond ta’ qalbna, aħna stess nafu li ir-raġun ma jinsabx ġo fina.

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: