Alla laħqu!

It-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2017: Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex fil-Funeral ta’ Mons. Carmelo Scicluna, Teżorier tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ. Bażilika ta’ San Ġorġ, Victoria.

Omelija mill-E.T. Mons. Mario Grech

Aħna għandna l-espressjoni “Alla laħqu”,li normalment għandha tifsira negattiva, fis-sens li xi ħadd ikun għamel xi ħaġa ħażina u fl-aħħar jinqabad! Imma kemm nixtieq li kull wieħed minna jkun jista’ jgħid li Alla jkun laħqu, imma fis-sens pożittiv tal-kelma.

Ġesù jirrakkonta l-istorja tan-nagħġa li nqatgħet minn mal-merħla u bdiet tfendi għal rasha. Ir-ragħaj ma jabbandunahiex imma jagħmel minn kollox biex “jilħaqha”. Dan huwa Alla tagħna. Huwa dejjem lest biex jitlaq kollox biex ma jħallihiex tgħaddi mill-esperjenza kerha ta’ meta wieħed jintilef. Huwa jħalli l-bqija tal-merħla fuq l-għoljiet esposta għar-riskji kollha, biex iġib lura n-nagħġa li tkun telqitlu. Mhix in-nagħġa li tfittex ir-ragħaj, imma r-ragħaj li jiġri warajha. Meta Wistin minn Ippona stqarr mal-Isqof ta’ Milan li kien qed ifittex il-verità, Ambroġ wieġbu: “Ftakar f’dak li għidtlek: mhux il-bniedem ifittex il-verità, imma hija l-Verità li tfittex lilu. Għax il-Verità hija persuna, Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla”. Fil-fatt, fil-ġrajja tal-Milied aħna nfakkru l-Misteru tal-Inkarnazzjoni – meta l-Iben ta’ Alla ħalla s-Sema u sar bniedem biex ikun jista’ jilħaq lil kull ħlejqa.

Għalhekk il-Vanġelu tal-lum jagħmlilna l-qalb lilna li xi drabi jfettlilna ninqatgħu minn mal-merħla (mill-Knisja) u naqbdu t-triq li tbegħedna mir-Ragħaj. Meta niżgiċċawlu minn taħt għajnejh, misjuq mill-ħniena Ġesù jsus warajna għax ma jaħlimx jarana mifxula. Alla tagħna huwa tallab. Huwa minnu li l-bniedem huwa tallab tal-infinit; imma daqstant ieħor Alla huwa tallab tal-bniedem, għax ma jistrieħx qabel ma jara lill-bniedem sewwa. Meta l-bniedem jinfatam minn Alla, kapaċi jitlef kollox barra ħaġa waħda: id-dinjità tiegħu! U quddiem din id-dinjità, Alla jmil biex jgħinu. F’ċertu sens, Alla għandu soft spot għal min jintilef!

F’ċertu sens hija grazzja li l-bniedem xi kultant jintilef, għax meta jiġrilu hekk jiġbed fuqu s-simpatija ta’ Alla. U meta Alla jilħqu mill-ġdid, il-bniedem jiskopri l-fond u l-għoli, il-wisa’ u t-tul tal-imħabba u l-għożża ta’ Alla. Mhux bilfors li min jibqa’ ġewwa mal-merħla jkun daq din il-ħlewwa u t-tjubija tar-Ragħaj! Għax xi drabi jista’ jiġrilna li tant ikollna ċertezzi li, għalkemm inkunu mal-merħla, ma nintebħux min hu r-Ragħaj. Dan jispjega għaliex uħud li “jikkonvertu” jsiru ħafna aħjar minn uħud li jieklu l-għatba tal-knisja! Interessanti li Ġesù jirrimarka li meta r-ragħaj jirnexxilu jsib in-nagħġa li tkun telqet, huwa “jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfu”.

Meta Ġesù jgħid li r-ragħaj li tintiliflu waħda min-nagħġiet iħalli d-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu, nifhem li qed jagħtina dawl dwar l-għażliet pastorali tagħna. Fil-fatt, ħerqan biex jilħaq lil dawk li xterdu, ir-ragħaj jirriskja li jitlef il-bqija tal-merħla li kienet tkun il-patrimonju tiegħu; biex iġib lura lil dawk li jitilqulu, kien lest li jqiegħed fil-ġenb ħwejjeġ li għalih kienu għeżież (id-disgħa u disgħin nagħġa). Il-ħeġġa pastorali tiegħu li ssuqu biex isalva l-mitlufa ma tagħtihx il-qalb li joqgħod jaħsel u jomxot lin-nagħaġ li kien fadal. Kellu jagħmel għażla diffiċli: jew jara kif ser jilħaq lil dawk li tbiegħdu, jew joqgħod jindokra dak li kien wiret mingħand ta’ qablu.

Dan għandu jdawwalna dwar l-approwċ pastorali tagħna bħala komunità ekkleżjali. Huwa fatt li llum hemm bosta nagħaġ li telqu l-merħla. Għalhekk, fi kliem il-Papa Franġisku, il-Knisja trid tkun Knisja li toħroġ u mhux tibqa’ kkattmata f’dawn l-erba’ ħitan u s-sigurezzi tagħha. Biex tilħaq lil dawk li għażlu li jagħtu direzzjoni oħra lil ħajjthom, il-Knisja jrid ikollha l-kuraġġ li tħalli warajha parti mill-patrimonju li wirtet – affarijiet li sal-bieraħ kienu jagħmlu sens imma llum ma jinftehmux, bħalma huma l-lingwaġġ, ritwali, użanzi reliġjużi, orarji, u l-bqija. Naf li dan mhux diskors ħafif, imma għandna bżonn nirriflettu dwaru u naraw x’nistgħu nagħmlu, għax ħafna drabi aktar napplikaw l-enerġija pastorali tagħna biex il-ħamsin, erbgħin jew tletin nagħġa jibqgħu għall-irdoss, naħlu l-ħin biex inżommuhom kwieti f’posthom, imbagħad ninsew li hemm oħrajn li hemm bżonn jintlaħqu.

Qegħdin nagħtu din it-tislima lil Mons. Karm Sciculna. Inħossni liberu ngħid li Alla laħqu lil dan is-saċerdot. It-tjubija, il-ħlewwa, is-serenità li huwa kellu ma kinux doti naturali biss, imma wkoll atteġġjamenti li huwa mmatura fih frott l-għaqda li kellu ma’ Ġesù. Il-Papa Franġisku  jgħid li aħna s-saċerdoti nġorru fuqna ż-żejt tal-ordinazzjoni presbiterali; imma jekk aħna ma nħallux lil Kristu jilħaqna, iż-żejt iranġat. Ma nistax ngħid li quddiemi għandi saċerdot li ma kellux fuqu żejt ifuħ! Dan jistgħu jikkonfermawh dawk li kienu jersqu għandu għad-direzzjoni spiritwali jew għall-qrar.

Dun Karm qatt ma mar il-missjoni, imma huwa ħeġġeġ u akkumpanja spiritwalment familja missjunarja: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù. Xi xahrejn ilu kitibli nota fejn qalli li wara sitta u sittin sena bħala Kappillan tas-Sorijiet, xtaqni neħilsu minn dan id-dmir. Għal dawn is-snin kollha huwa wettaq dan l-uffiċċju immankabbilment u qatt ma smajt kelma li ttebba’ l-ministeru – kif qed tikkonferma l-Madre Provinċjali!

Peress li l-istorja tagħna għadha tinkiteb, nagħmlu l-qalb u nitolbu lil Alla jilħaqna. Importanti li meta Alla jilħaqna, aħna nintebħu bih. Bir-raġun Santu Wistin jgħid: “Nibża’ minn Alla għaddej”, għax ma nintebħux bih. Fl-istess ħin, nappella lill-Knisja lokali (presbiteri, reliġjużi u lajċi) biex ikollna l-kuraġġ li nimitaw lil Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb, li biex jilħaq lin-nagħġa li ntilfet daħal għal ċerti riskji. Ma nibżgħux bħala Knisja nirriskjaw!

Din is-sena dan huwa t-tielet funeral ta’ saċerdot li miet minn din il-parroċċa. Nitolbu għall-vokazzjonijiet u ma nfixklux lil dawk li huma msejħa, la bit-tpaċpiċ fieragħ u lanqas bl-eżempji ħżiena.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading