Home > Arċisqof Charles J. Scicluna. 2018, Aħbarijiet > Jalla nkunu bħal San Ġorġ Preca: ma naqtgħux qalbna u ma nistħux inxandru bir-reqqa l-Kelma tal-Verità – L-Arċisqof

Jalla nkunu bħal San Ġorġ Preca: ma naqtgħux qalbna u ma nistħux inxandru bir-reqqa l-Kelma tal-Verità – L-Arċisqof


L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju 2018: L-Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġorġ Preca.

 

 

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, Santa Venera

It-Tieni Qari li l-liturġija tipprovdilna u tipproponilna fil-festa ta’ San Ġorġ Preca, kien qari għażiż ħafna għalih. Is-soċji jafu li l-kliem tal-Appostlu Missierna li jiftħu din is-silta mit-Tieni Ittra lil Timotju, għalih kienu l-fundament, il-pedament tal-missjoni tiegħu. “Kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih lil nies ta’ fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll lil oħrajn” (2Tim 2:2).

B’dawn il-kliem San Ġorġ Preca għaraf il-missjoni tiegħu li l-ewwel nett kienet tibda mir-relazzjoni intima ta’ filjolanza. Kien jagħraf lil San Pawl bħala l-vera fundatur u għalih żgur kienu għeżież is-sillabi li għamlu l-kelma ‘ibni’ għaliex l-Appostlu Pawlu ngħarfuh bħala Missierna. Din is-silta tibda b’din l-invokazzjoni, b’dan it-titlu “Int mela, ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù” (2Tim 2:1). Meta ngħidu ‘grazzja’ qed infissru esperjenza ta’ mħabba li f’dan il-każ hija fi Kristu Ġesù.

L-Appostlu Missierna lil Timotju, lil ibnu, imma lil kull wieħed u waħda minna, iħeġġiġna biex inqawwu ruħna f’din l-esperjenza tal-imħabba li hi fi Kristu Ġesù. Lil Alla għadu ħadd ma rah imma fih għarafna l-milja kollha tal-grazzja, il-milja kollha tal-ħajja ta’ Alla li huwa mħabba, għax Alla huwa mħabba. U hekk inqawwu ruħna u l-ħajja spiritwali tagħna ssib il-għajn safja li tmantniha, issib l-iskop, issib ukoll il-mediċina u n-nutriment, tqawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù.

Imma l-missjoni ta’ San Ġorġ Preca tibda mhux biss minn din ir-relazzjoni ta’ filjolanza mal-Appostlu Missierna, imma mill-fatt li lil San Pawl jagħrfu bħala missieru u fl-istess ħin jilqa’ l-eżortazzjoni tiegħu li jsejjes ħajtu fuq l-esperjenza tal-imħabba ta’ Ġesù, ta’ leħen il-maħbub. Ir-ruħ Nisranija meta tgħarfek, qalbha timtela’ bil-ħlewwa liema bħala. Imma wkoll mill-esperjenza tas-smigħ: “Kulma smajt mingħandi quddiem ħafna xhieda” (2Tim 2:2). Huwa essenzjali u fundamentali l-abbinament bejn is-smigħ u x-xhieda, bejn id-doċilità li bih il-qaddisin semgħu l-Kelma ta’ Alla u tal-appostli imma fl-istess ħin kienu konxji li din il-Kelma kienet imwettqa bix-xhieda, bil-martirju, bix-xhieda li twassal ukoll sal-għotja tal-ħajja. ‘Kulma smajt mingħand Missieri’. U din il-kelma tfakkarna fil-kelma tal-Missier tas-Smewwiet li fuq ibnu Ġesù jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mt 17:5). U din il-ħaġa, il-Missier qalha quddiem xhieda magħżula: quddiem Mosè u Elija u quddiem l-appostli.

Hu tħabat biex dak kollu li sema’ mill-għajn safja tal-Knisja, ikun jista’ jafdah lil sħabu.

Imma fil-missjoni ta’ San Ġorġ Preca m’hemmx biss din l-esperjenza personali tas-smigħ li huwa kkonfermat mix-xhieda ta’ ħafna, imma hemm ukoll il-missjoni li dak kollu li sema’ u assimila, għaddih “lin-nies ta’ fiduċja”. Hu tħabat biex dak kollu li sema’ mill-għajn safja tal-Knisja, ikun jista’ jafdah lil sħabu li l-Mulej kien laqqgħu magħhom u li kienu lajċi u li San Ġorġ ħass li kellhom il-kapaċità u kienu nies biżżejjed ta’ fiduċja li jilqgħu t-tagħlim kollu tal-Knisja, dak kollu li tgħallem hu fis-Seminarju għaddieh lil dawn sħabu.

Illum qegħdin f’din il-parroċċa għażiża ta’ Santa Venera. Din il-lokalità San Ġorġ jiftakarha mimlija ħarrub u li fejn kien imur ma’ Ewġenju Borg jaqraw l-Evanġelju ta’ San Ġwann sakemm imbagħad xi lsien ħażin zekzek fuqhom u qallu: ‘Aħjar tiltaqgħu f’xi dar għall-kenn’. Id-dinja donnha ma titbiddilx. Imma hawnhekk ukoll hija l-lokalità li San Ġorġ Preca resaq lejha biex isib Karmelitan u jieħu l-isem ta’ Patri Franco fil-Knisja l-qadima. U hawnhekk il-Mulej reġa’ sejjaħlu biex jagħmel u jgħix l-aħħar snin ta’ ħajtu fi Triq is-Sillar – illum Triq il-Parroċċa – fid-dar li kienet xtrat is-soċja tal-M.U.S.E.U.M, Nellie Bartolo, wara li keċċewhom mill-Ħamrun.

San Ġorġ Preca huwa eżempju sabiħ ta’ ubbidjenza anke meta l-ubbidjenza tiswa ħafna.

Hawnhekk San Ġorġ Preca tgħallem li ma jista’ jorbot qalbu tassew ma’ xejn u ma’ ħadd, u minn hawn il-Mulej sejjaħlu għalih. Imma hija kommoventi li l-Parroċċa tal-Ħamrun, li tgħożż il-Blata l-Bajda, iġġib it-teżori tagħha —it-tifkiriet u r-relikwi għeżież ta’ San Ġorġ— hawnhekk biex tgħix dak l-aħħar pellegrinaġġ għażiż li mid-dar ta’ Santa Venera wassal il-katavru ta’ San Ġorġ lejn il-Parroċċa tal-Ħamrun, fis-27 ta’ Lulju 1962, biex imbagħad il-funeral sar l-għada, fit-28 ta’ Lulju.

Din is-silta mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju tagħtina titli oħrajn li joqogħdu tajjeb, b’deskrizzjoni mistħarrġa u profonda ta’ San Ġorġ. L-ewwel nett jgħidlu biex ikun miegħu “bħala suldat tajjeb ta’ Kristu Ġesù” (2Tim 2:3). Is-suldat jaf id-dixxiplina u l-ikbar dixxiplina tas-suldat hija l-ubbidjenza. U San Ġorġ Preca, bħalma qalu wkoll it-teoloġi tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin fil-proċess għall-beatifikazzjoni tiegħu, huwa eżempju sabiħ ta’ ubbidjenza anke meta l-ubbidjenza tiswa ħafna. Imma San Ġorġ huwa atleta (ara 2Tim 2:5).

Veru kien jgħid li fil-futbol kienu jħalluh għall-aħħar u kienu jgħidulu ‘ż-Żero’ u ma setax jilgħab ħafna u ma tantx kien magħruf għall-atletiċità fiżika tiegħu. Imma huwa atleta tal-ispirtu li jgħallimna, b’mod speċjali fil-ġinnasju, fil-kombattiment spiritwali. U l-ktieb li huwa klassiku tal-ispiritwalità, kif tafu għażel li jsemmih Ġinnasju Spiritwali għaliex hija l-lotta mingħajr ħwejjeġ; fejn inti l-ewwel trid tinża’ minnek innifsek. Hija t-taqbida għarwiena mal-ispirti tal-ħażen fejn il-bniedem jitgħallem ma jista’ jkollu l-ebda appoġġ, la fih innifsu u lanqas fl-affarijiet ta’ din id-dinja imma jrid jafda totalment f’idejn Alla.

L-umanità ta’ Kristu għalih hija l-bieb tal-ġenna. Hija l-bieb li minna jiltaqa’ mad-divin.

Jekk aħna nisimgħu t-tagħlim tal-Papa Franġisku fl-aħħar Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Gaudete et Exsultate dwar is-sejħa tagħna ilkoll għall-qdusija, nifhmu li l-Papa qed jgħidilna l-istess tagħlim ta’ San Ġorġ Preca meta jgħidilna noqogħdu attenti minn neo-Pelaġjaniżmu: l-idea li jiena se nsalva lili nnifsi bil-kapaċità tiegħi. U t-tentazzjoni l-oħra hija n-neo-Njostiċiżmu: li jiena jkolli kunċett ta’ spiritwalità li la jiena komdu ma jimpurtanix mill-oħrajn u li jiena m’għandix bżonn immiss l-pjagi qaddisa ta’ Ġesù għaliex kollox fuq il-livell spiritwali.

L-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca kienet totalment differenti. Kienet spiritwalità li tħares lejn il-Mulej imwieled tarbija fil-maxtura ta’ Betlehem u tadurah fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Hija l-ispiritwalità ta’ min iħares lejn Ġesù Kurċifiss, il-Ktieb il-Kbir, u jressaq idejh biex imiss il-pjagi qaddisa tiegħu. L-ispiritwalità ta’ San Ġorġ Preca, mhux biss ma kinetx tiddejjaq mill-umanità ta’ Ġesù, imma anke, fuq l-eżempju ta’ qaddisin kbar bħal Tereża ta’ Ġesù, l-umanità ta’ Kristu għalih hija l-bieb tal-ġenna. Hija l-bieb li minna jiltaqa’ mad-divin.

Biex ikollu ħjiel ta’ kemm San Ġorġ Preca kien jivvenera l-ġisem inkarnat tal-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, biżżejjed jaqra l-paġni straordinarju tas-Salm Evanġeliku tas-Sirijaku fejn San Ġorġ isemmi l-għajnejn ta’ Ġesù, ix-xufftejn ta’ Ġesù, il-wiċċ ta’ Ġesù, ir-riġlejn ta’ Ġesù, l-idejn ta’ Ġesù, il-qalb ta’ Ġesù, il-kustat ta’ Ġesù, is-sider ta’ Ġesù. Dan il-ġisem li sar bniedem fil-ġuf imqaddes ta’ Marija Verġni huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.

San Ġorġ Preca għaliex ismu Geōrgios huwa ‘l-bidwi li jitħabat’ (2Tim 2:6) billi mal-Mulej jiżra’ l-Kelma b’tama kbira u ma jiskandalizzax ruħu meta l-Kelma taqa’ fuq il-mogħdija u tintrifes, meta taqa’ fost ix-xewk, meta taqa’ fuq il-blat fejn hemm ħamrija baxxa, imma jifraħ ukoll meta iż-żerriegħa tal-Kelma ssib art għammiela u tagħmel ħafna frott. “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla bħala l-bniedem li għadda mill-prova”. Nisimgħuh l-kliem ta’ San Ġorġ Preca: ‘Fil-prova kollox’. Bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi jxandar bir-reqqa l-Kelma tal-verità.

Ejjew nitolbu lil San Ġorġ Preca jinterċedi għalina biex aħna, fuq il-passi u fuq l-eżempju tiegħu, inkunu suldati, atleti, bdiewa u nies li ma nibżgħux mill-prova imma qatt ma naqtgħu qalbna u li m’għandniex minn xiex nistħu imma li nxandru bir-reqqa l-Kelma tal-Verità. San Ġorġ Preca itlob għalina.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġob 19, 1.23-27a
Salm: 119
Qari II: 2Tim 2, 1-11
Evanġelju: Mk 16, 14a. 15-20

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: