Aħbarijiet, L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech 2018

L-Isqof Mario Grech f’Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-70 u l-25 anniversarju presbiterali, u fil-50 anniversarju mill-professjoni reliġjuża ta’ Sr Ġuljana Portelli


L-Erbgħa 20 ta’ Ġunju 2018: Omelija li għamel l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur, fl-okkażjoni ta’ Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fis-70 anniversarju presbiterali tal-Kan. Ġużepp Muscat, il-25 anniversarju presbiterali tal-Kan. Charles Vella, u l-50 anniversarju mill-professjoni reliġjuża ta’ Sr Ġuljana Portelli tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursola.

Ritratti: Mario Muscat.

35695499_1989094444474446_8620900228167368704_o.jpg

IL-JIEN BIL-LĠIEM

Ftit ilu erba’ aħwa resqu biex jikkonkludu kuntratt ta’ bejgħ, imma għal ftit ma fettluhiex, għax bejniethom ma setgħux jaqblu fuq min minnhom kien imissu jieħu 50ċ! Dan meta bejniethom kienu ser idaħħlu kemxa flus ġmielha. Biex ma jisfrattax il-kuntratt, xi ħadd li kien preżenti offra li jagħtihom 50ċ minn butu.

Dan ir-rakkont jista’ joħloq tbissima, imma fil-fatt huwa tal-biki! B’xorti ħażina, dan mhux każ uniku. Fil-fatt, ħafna huma miġġielda ma’ dak u mal-ieħor proprju għaliex ma humiex lesti li jitilfu farka minn dak li jmisshom. Biex jiddefendu l-interessi personali tagħhom, ħafna jippreferu ma jiftehmux u jmorru l-Qorti. Mhux ta’ b’xejn li l-għatba tal-Qrati tagħna saret lixxa!

Kif jgħid Georges Bernanos, “hija grazzja li wieħed jaċċetta lilu nnifsu, imma hija grazzja kbira li wieħed jinsa lilu nnifsu”. Huwa fatt li aħna niddefendu wisq il-‘jien’. Nieħdu kull okkażjoni biex naffermaw lilna nfusna. L-ego tagħna tant huwa qawwi li ma jħalliniex inbaxxu rasna quddiem ħadd u dejjem jiġbed lejh. Qatt ma huwa sodisfatt u dejjem irid aktar. Dejjem jaħtaf. Ma jċedi xejn lil ħadd. Biex nikkuntentaw il-jien, kapaċi naqbżu l-linja u nagħmlu għażliet li huma etikament u moralment ħżiena. Biex nagħlfu l-jien, ma nibqgħux naraw u għandna l-ħila li npoġġu f’riskju l-ħajja ta’ ħaddieħor. Biex inpoġġi l-jien tajjeb, naf nasal biex nirfes il-jeddijiet ta’ ħaddieħor. Il-jien dejjem jipprova jsalva ġildu, anki jekk biex jagħmel dan ikollu jaħraq il-ġilda ta’ ħaddieħor. Il-jien bla rażan huwa kawża ta’ ħafna nkwiet għalina personali u għall-oħrajn. Spiss il-jien ikun bla lġiem u ma jkunx faċli li nimmansawh.

Meta naqra l-Vanġelu tal-lum (Mt 6:1-6,16-18), inħoss li Ġesù qed jeżortana biex ma nagħlfux il-jien u ninsew lilna nfusna. Fil-fatt, ikun jagħlef il-jien tiegħu min jagħmel il-karità, imbagħad imur idoqq it-trombi biex in-nies tfaħħru. L-istess jagħmel min waqt it-talb joqgħod jikkummiedja biex in-nies jinnotawh. Ikun iservi l-ego tiegħu min, meta jsum, joqgħod iqarras wiċċu quddiem in-nies biex dawn jindunaw li huwa sajjem. L-egoist ma għandux joqgħod jistenna ebda tip ta’ kumpens, għax ikun diġà ħallas lilu nnifsu billi ssodisfa lilu nnifsu.

Aħna li l-ħarsa tagħna suppost hija fuq Kristu, fih naraw mudell ta’ xi jfisser meta ngħidu li wieħed jinsa lilu nnifsu. Ġesù hekk għamel. Hu ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma neża’ minn kollox u sar bħalna f’kollox minbarra d-dnub. Jekk nieħdu l-eżempju tal-Ewkaristija, naraw li Ġesù jagħtina Ġismu u Demmu – jagħtina lilu nnifsu mingħajr ebda riserva u b’mod gratuwitu għalkollox. Fl-Ewkaristija, Ġesù jxejjen il-jien tiegħu – jitbattal mill-jien tiegħu.

Kemm San Pietru u kemm San Pawl kellhom ego qawwi li jikkmandahom, imma bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla t-tnejn kellhom il-ħila jinsew lilhom infushom. Biżżejjed insemmu x’jikteb San Pawl: “Bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien… għad li mhux jien, iżda l-grazzja ta’ Alla li hi miegħi” (1 Kor 15:10), u, “Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù, u ngħodd kollox bħala knis biex nirbaħ lil Kristu” (Fil 3:8). Quddiem it-theddida tal-martirju, la Pietru u lanqas Pawlu ma beżgħu jmutu għal Kristu u għall-Knisja.

Aħna llum qegħdin infakkru tliet anniversarji: il-Kan. Ġużepp Muscat għalaq sebgħin sena saċerdot, il-Kan. Charles Vella għalaq ħamsa u għoxrin sena mill-Ordinazzjoni saċerdotali, u Sr Ġuljana Portelli għalqet ħamsin sena mill-Professjoni reliġjuża tagħha fl-Ordni tas-Sorijiet tal-Klawsura ta’ Sant’Ursola. Kemm is-saċerdozju u kemm il-ħajja kkonsagrata reliġjuża joffru opportunità biex il-bniedem jinsa lilu nnifsu ħalli jkun kollu kemm hu ta’ Alla u tal-bnedmin. Allaħares wieħed jinqeda bil-ministeru saċerdotali jew bil-ħajja reliġjuża biex jafferma l-jien tiegħu! Bħalma jgħid il-Battista, aħna s-saċerdoti u r-reliġjużi neħtieġu niċkienu biex permezz tagħna jikber Ġesù. Hija l-missjoni tagħna s-saċerdoti li ningħataw lill-oħrajn. Prova qawwija li tikkonferma kemm is-saċerdoti jew ir-reliġjużi jkunu tassew infatmu mill-jien hija l-ubbidjenza. Min ma jagħrafx il-valur intrinsiku tal-ubbidjenza, x’aktarx ikun għadu jixtieq jitma’ lill-jien tiegħu.

Nirringrazzja lil Alla li għandna ħafna saċerdoti u reliġjużi li letteralment jinsew lilhom infushom biex jistgħu jkunu ta’ qadi għall-oħrajn, anki permezz ta’ ħajja ta’ talb bħal fil-każ tas-sorijiet tal-klawsura. Niftakar li darba ppreżentajt seminarista lil grupp ta’ lajċi, u meta għidtilhom li dan iż-żagħżugħ kien qed jistudja biex isir saċerdot, qabeż wieħed mil-lajċi u qal: “What a waste!”. Bil-mentalità mondana tiegħu dan il-lajk ma għarafx japprezza li dan il-ġuvnott kien qed jitlef il-jien biex ikun kollu kemm hu ta’ Kristu; dan il-lajk ma setax jifhem li meta wieħed jiċħad il-jien, isir aktar ħieles u ma jkunx imfixkel minn ħafna tħassib u interessi personali.

Jien konvint li hawn ħafna miżżewġin li wkoll jinsew lilhom infushom biex jindukraw il-familja. Għandna familji fejn il-membri jbatu għal xulxin u ma’ xulxin. Huma jgħixu għall-familja.

Irroddu ħajr lil Alla li għandna dawn l-eżempji sbieħ ta’ ġenerożità kemm fost is-saċerdoti u r-reliġjużi u kemm fi ħdan il-familji. Persuni li qed jagħmlu din l-esperjenza huma l-mediċina biex is-soċjetà tagħna tkun inqas egoista. Aktar minn hekk, persuni li lesti li jħallu kollox (il-jien) għall-oħrajn huma l-aqwa xhieda biex aktar żgħażagħ iħallu kollox u jmorru wara Ġesù.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s