L-Evanġelju tal-Ħamis 21 ta’ Ġunju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 6, 7-15

Din is-silta minn kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Mattew tkompli ma’ dik li qrajna il-bieraħ, silta li tkompli mad-diskors tal-muntanja f’kapitlu 5. Ġesù ifisser il-bidla mill-għeruq meħtieġa minn dawk li jridu jimxu warajh. Għalih innifsu stess Ġesù juża l-verb ‘ħtieġ’ li minnu għandna n-nom ‘ħtieġa’. Malli wieħed jagħmel għażla, huwa meħtieġ minnu li jilqa’ bil-qalb dak li jwassal biex dik l-għażla sseħħ, biex id-deċiżjoni ma tibqax teorija jew idea jew xewqa, imma ssir rejaltà.

It-talb tagħna juri kif naħsbuha dwar Alla. Ġesù kontra t-tlablib żejjed fit-talb għax kien hemm l-ideja li iktar ma tgħid iktar tinstema’, jew fil-fatt, iddejjaq lil min qed titlob; teħodlu rasu biex tiġbidlu l-attenzjoni fuqek għax forsi aljenat, jew ħsiebu f’xi ħaġa oħra jew f’ħaddieħor; ma tħallihx jinsiek; iktar kemm tgħatih titli u tfaħħru u tidilku bis-sapun u forsi tirrikattah xi ftit ukoll, ikta se jeħles minnek malajr. Nafu kultant aħna stess, mit-talb li nużaw anke fi żmienna, li lil Alla rridu, qabel nitolbuh xi ħaġa, nivvintaw għal xhiex nirringrazzjawh, ngħidulu x’għamel s’issa, bħallikieku ma jafx, u, mingħalina, nonfħuh kemm nistgħu b’titli u attributi li ħafna drabi lanqas biss nafu t-tifsira tagħhom.

Dan kollu jirrifletti li l-ideja tagħna ta’ Alla hija mibnija fuq il-bnedmin li għandhom is-setgħa, li nittalbu l-għajnuna tagħhom bħallikieku xi pjaċir li jistgħu jagħmlulna.

Alla mhux hekk. Alla jaf x’għandna bżonn qabel nitolbuhulu. It-talb ta’ iben Alla ma jitkejjilx bit-tul u bil-kwantità iżda bil-piż u bil-kwalità. Mulej jiena għandi bżonnok, kienet it-talba ta’ Dun Ġorġ; erba’ kelmiet biss, imma erba’ kelmiet li jfissru kollox.

Il-maħfra hija wkoll ħtieġa. Mhix għażla. Il-maħfra hija meħtieġa għax mingħajrha kollox jeħel, kollox jieqaf. Aħna niftaħru li nżommu l-punt, irridu dejjem ir-raġun, ma nċedux pulzier u niftaħru b’dan kollu daqs li kieku dan hu li jagħmilna qawwijin quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. Niftaħru b’dak li jmissna nistħu minnu. Nikkuntentaw b’dak li jwaħħalna mal-imgħoddi tagħna u ma jħalliniex nagħmlu pass ta’ nemlu ’l quddiem. Il-maħfra hija rigali li jiena nagħti lili nnifsi, nifs li Alla jagħtini minn tiegħu stess biex l-imgħoddi ma jxekkillix il-preżent. Jekk aħna ma naħfrux ifisser li ma nemmnux fil-ħtieġa tal-maħfra; kif nistgħu imbagħad nitolbu lil Alla dak li ma nemmnux fih, dak li għalina ma għandu ebda valur?

Bejn il-ħtieġa tal-umiltà u l-kwalità fit-talb u l-ħtieġa tal-maħfra, Ġesù jgħallimna bi kliem poetiku u tqil bit-tifsir, it-talba tal-Missierna. Fiha juri li jaf sew lil Alla l-Missier u jaf sew lill-bnedmin li jduru lejh biex jitolbuh. Xejn żejjed xejn nieqes. Fiha hemm biss il-meħtieġ, l-indispensabbli, in-neċessarju. Ftit kliem, ħafna piż. Mhix biss talba li tgħid iżda mod kif tgħix. Kull kelma li fiha tista’ ssir rejaltà jekk tħoss il-ħtieġa tagħha. Kull kelma, kull frażi hija meqjusa u tfassal il-ħajja ta’ min jitlobha.

Kumment wieħed fuq it-talba. Ġesù jgħidha f’isem l-ewwel persuna tal-plural mhux singular. Aħna. Hija t-talba ta’ ‘aħna’, tagħna mhux ta’ ‘jiena’ tiegħi. Għandha qawwa kbira u tfisser il-qofol tagħha meta nitlobha ma oħrajn jew meta nitlobha waħdi f’isem kull min lil Alla jsejjaħlu ‘Missier’.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.