L-Evanġelju tat-Tnejn 6 ta’ Awwissu 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 17:1-9

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

Dan kollu jagħmel sens għal min jemmen wara l-qawmien mill-imwiet. It-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq it-Tabor, il-Muntanja l-Għolja, hija wirja ta’ dak li tassew hu u ta’ dak li kellu jseħħ. Fuq il-Muntanja li għal-Lhud kienet tfisser battalji u tixrid tad-demm, Ġesù juri lilu nnifsu lil xi wħud magħżula li hu l-qofol tal-liġi, it-twettiq ta’ dak li tkellmu dwaru l-profeti u il-pont li jgħaqqad lil Alla mal-bniedem u lill-bniedem ilibbsu bid-dinjità u l-glorja ta’ Alla; għalhekk dan kollu jagħmel sens wara li hu qam mill-mewt, għax fil-qawmien sieħeb lill-bniedem f’dak li hu ta’ Alla: issa mhux temmen u tittama biss, issa tara b’għajnejk. Dak li tisma lill-għaxqa tal-Missier iħabbar u twettqu b’għemilek u b’ħajtek jagħmel minnek ukoll l-għaxqa tal-Missier.

Muntanja għolja li titla mix-xejn, mill-wita’ u tintemm fix-xejn f’wita’ oħra. Hija passaġġ f’mument wieħed. Fuqha titla mal-ftit magħżula f’solitudni kbira, fejn Alla jista juri lilu nnifsu u jitkellem. Għalkemm San Mattew jiddeskrivi dehra, imma donnu qed jitkellem fuq mument ta’ intimità fit-talb. Hemm tara lil Alla kif inhu u jqanqal fik xewqa kbira li tibqa’ tgawdih. Kemm hu sew li aħna hawn.

Sar jiddi bħax-xemx u minn ilbiesu joħroġ id-dawl. Ix-xemx ma tħarisx lejha, id-dawl f’għajnejk ma jħallikx tara dak li hemm madwarek. Iżda minkejja dan, Ġesù jibqa’ jidher f’għajnejn il-magħżula u jogħġobhom u jħossuhom komdi, iħossuhom tajjeb. Kemm hu sew li aħna hawn.

Id-dehra ta’ Ġesù trasfigurat mhix dehra tiegħu waħdu. Hemm jitħaddtu miegħu Mosè u Elija, il-liġi u l-profeti, dawk li għal sekli sħaħ żammew ħajja l-komunikazzjoni u r-relazzjoni bejn il-poplu u Alla. Ġesù jisher bħala il-qofol ta’ din il-ġrajja ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu. Qatt ma jkun waħdu, lanqas fuq is-salib. Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb qatt ma hu Alla waħdu, għax l-imħabba ma tibqa qatt weħidha. Huwa Alla li jirrelata u x-xewqa tiegħu hi li aħna nirrelataw miegħu u bejnietna.

Pietru ried jibni tlitt tined biex idaħħal lil Ġesù f’mużew, iżommu hemm għal dejjem biex jibqa’ jagwdih kif inhu; Pietru, bħalna lkoll, nippreferu d-dehra mill-ħajja, iżda l-kliem mis-sema juri li kif Ġesù hu l-għaxqa tal-Missier hekk jista’ jkun tagħna jekk aħna nisimgħu lilu u nisimgħu minnu. M’hemmx aħbar u anqas kliem li jista’ jikxef quddiem għajnejna r-rejaltà tal-glorja ta’ Alla daqs l-aħbar u l-kliem tal-Iben ta’ Alla nnifsu.

Ġesù, mhux kif ħafna drabi għamilnieh, oġġett f’vetrina ta’ mużew, li nħarsu lejh, nammirawh u nibqgħu għaddejjin. Huwa l-għaxqa tal-Missier li jitkellem f’ismu.

Qumu, tibżgħux, ta’ min jisimgħu u jagħti kasu.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.