“Alla jħobbna, għażel destin sabiħ għalina” – L-Arċisqof


It-Tnejn, 13 ta’ Awwissu 2018: L-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Qrendi. Omelija waqt Quddiesa tal-aħħar tridu tal-festa ta’ Santa Marija.

Order_D5W_7072_13AUG18.153441922686

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali, il-Qrendi

Is-silta li għadna kemm smajna mill-Evanġelju skont San Ġwann hija espressjoni qawwija u kommoventi tal-imħabba ta’ Ġesù għal ommu. Hija att fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu magħna fuq din l-art. Il-ħsieb tiegħu huwa għall-umanità li għandha għatx kbir għaliha. Il-ħsieb tiegħu huwa għall-ħalliel li talbu li jkun miegħu il-ġenna u wiegħdu li dakinhar stess ikun miegħu fis-saltna ta’ Alla (ara Lq 23:43). Il-ħsieb tiegħu huwa għal dawk li qatluh meta jaħfer u lil Alla jgħidlu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34).

Maternità ġdida
Il-ħsieb tiegħu huwa wkoll f’ommu u fid-dixxiplu l-maħbub tiegħu. Kien jaf li ommu, bħala armla, kellha bżonn lil xi ħadd jieħu ħsiebha. Il-ħsieb tiegħu għaliha kien ħsieb mhux biss ta’ rispett imma ta’ mħabba kbira. Nimmaġinah jaħseb fl-armla ta’ Najn li kien iltaqa’ magħha fil-funeral tat-tifel tagħha u jara l-biki ta’ dik l-armla li tilfet it-tifel tagħha u jħoss għaliha u lit-tifel jerġa’ jagħtihulha ħaj (ara Lq 7, 11-17). Nimmaġinah iħares b’imħabba kbira lejn l-armla li fit-tempju tat munita ċkejkna imma jgħid: ‘Din tat iżjed mill-oħrajn kollha miġburin f’daqqa għax tat kull ma kellha’.

U hekk ukoll ftakar fiha msallab fuq is-salib. Hu żejjinha b’materità ġdida.

U jien nimmaġinah li meta kien jiltaqa’ ma dawn in-nisa romol, il-Mulej Ġesù kien jiftakar f’ommu, l-armla ta’ Ġużeppi. U hekk ukoll ftakar fiha msallab fuq is-salib. Hu żejjinha b’materità ġdida: “Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26). Ried jgħidilha: ‘Jiena mhux se nkun hawn fid-dinja nieħu ħsiebek ta’ mastrudaxxa, anzi għamilt tliet snin ’il bogħod minn Nazaret, ilħaqt anke ninkwetak għax darba minnhom ġew jgħidulek li qed niġġennen u ġejt għalija Kafarnahum’ (ara Mk 3:21). U dakninhar il-Madonna, b’paċenzja kbira ħadet lill-qraba tagħha, magħrufin bħala ħutu, biex ifittxuh. Marru biex jeħduh lura Nazaret għax qalet: ‘Jekk ibni ġġennen, irrid nieħu ħsibu jien’. U marret Kafarnahum minn Nazaret ma’ ħutu, mal-qraba tagħha, ifittxuh.

Dakinhar il-Mulej qal: “Min huma ommi u ħuti? … Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi” (Mk 3, 33-34). Ma riedx jonqos mir-rispett lejha imma ried jagħtiha sinjal li ma kienx tilef rasu imma kien qiegħed fir-rieda ta’ Missieru, bħalma qalilha dakinhar Ġesù meta kellu 12-il sena u Ġużeppi kien għadu ħaj: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (Lq 2:49). Imma l-Evanġelju ta’ San Luqa wkoll ifakkarna li wara li rritorna magħhom Nazaret u kien jobdihom.

Tirxoxtha bil-qawwa ta’ binha
Ġesù lil ommu ħabbha u ħabbha mhux biss sa mewtu imma ħabbha wkoll fil-misteru tal-irxoxt tiegħu. L-Evanġelju llum jagħtina l-imħabba ta’ Ġesù għal ommu waqt li qiegħed imut imsallab fuq is-salib. Imma fl-Għid tal-Assunta aħna niċċelebraw l-imħabba ta’ Ġesù għal ommu fil-misteru tal-irxoxt tiegħu. Għax ommu batiet ħafna għalih. Ftakru fix-xena li għadna kemm qrajna mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li hija l-mument meta sseħħ il-profezija ta’ Xmun li ntqalet fuq Ġesù u fuq ommu meta Ġesù kellu 40 ġurnata. Xmun ħa din it-tarbija li ommu u missieru kien ppreżentaw fit-tempju u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2, 29-32). Imma lil ommu qalilha: “Se jkun sinjal li jmeruh, u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! (Lq 2, 34-35).

Il-Madonna ssieħbet ma’ binha fid-duluri ħdejn is-salib u tissieħeb fil-glorja tal-irxoxt tiegħu.

U dik il-profezija sseħħ fil-Ġimgħa l-Kbira għaliex fil-Ġimgħa l-Kbira Ġesù jintrefa ’l fuq bħala sinjal li aħna merejnieh. U fis-salib imqaddes hemm id-dnub tagħna u hemm ukoll ir-rifjut tagħna. Imma hemm ukoll il-ħniena ta’ Alla: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Il-Madonna ssieħbet ma’ binha fid-duluri ħdejn is-salib u tissieħeb fil-glorja tal-irxoxt tiegħu. Fit-tielet jum il-ġebla li aħna warrabna saret il-ġebla tax-xewka. Ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna. “Dan il-jum li għamel il-Mulej; Ħa nifirħu u nithennew fih” (S 118:24).

Imma l-Mulej, li rxoxta bil-qawwa tad-divinità mqaddsa tiegħu, ried li ommu fit-tmiem ta’ ħajjitha tgħaddi mill-istess proċess, mill-istess glorja. Hi li ġġarritu f’ġufha, li fisqietu, li rabbietu, li ħabbitu, li fittxitu, li mxiet warajh anke fil-mument tal-ikbar mistħija u tal-ikbar tbatija, u hi li ġarrbet il-ħelsien mit-taħsir tal-ġisem, il-ġisem tagħha ma rax it-taħsir. Il-Mulej ried li ommu tirxoxta bħalu, mhux bil-qawwa tagħha għax hi mhix Alla imma hi kreatura; hi omm Alla imma mhix Alla, ried li tirxoxta bil-qawwa ta’ binha li kif ħabbha hu u jmut, ried iħobbha billi jdewwaqha l-glorja tal-irxoxt tiegħu.

Meta aħna l-Maltin ngħidu li l-‘Għid tal-Assunta’ rridu nifhmu li l-Għid hija festa kbira imma meta ngħidu ‘l-Għid tal-Assunta’—dik il-kelma li aħna nużawha biss fl-Għid il-Kbir—trid tfakkarna li aħna qed nitkellmu fuq l-irxoxt tal-Madonna, li hi rxuxtat u mtella’ s-sema mhux bħall-bżieżaq li jtiru, imma għaddiet mill-ħajja naturali, mill-proċess tal-mewt, u mill-irxoxt bħalma għadda binha.

Fil-fatt it-tradizzjoni ta’ Ġerusalemm tinsisti li l-qabar tal-Madonna, bħall-qabar ta’ binha, huwa qabar vojt u t-tradizzjoni ta’ Ġerusalemm, kif tagħti venerazzjoni kbira lill-qabar ta’ Kristu li mhuwiex ’il bogħod mill-Golgota, tagħti wkoll venerazzjoni kbira lill-qabar ta’ Marija f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Forsi hawn xi ħadd minnkom li diġà mar Ġerusalemm u l-Art Imqaddsa, dawk li ma marrux għidulhom biex jeħdukom fil-qabar tal-Madonna li hemm f’idejn l-Ortodossi, imma jħalluna nidħlu wkoll, f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Huwa qabar vojt għax il-Madonna tqiegħdet hemm mejta imma rxuxtat u l-ġisem tagħha ġie mibdul fil-proċess tal-irxoxt.

Dan xi jfisser għalina? Għaliex aħna bir-raġun, nagħmlu festa kbira lil Santa Marija fl-Għid tal-Assunta” Għaliex dak kollu li l-fidi tagħna mibnija fuqu, it-twemmin fl-irxoxt ta’ Ġesù, jibda jseħħ fl-ewwel dixxiplu li hi Marija u għalina huwa sinjal għax aħna nistgħu ngħidu: ‘Ġesù rxoxta imma dak l-Iben ta’ Alla. Dak l-Iben ta’ Alla! Imma aħna min jaf? Aħna min aħna biex nirxuxtaw meta jrid il-Mulej, min aħna aħna biex ngħaddu mill-qawmien mill-imwiet bħalma ngħidu fil-Kredu? Min aħna aħna?’

Id-destin tagħna l-Insara
U nħarsu lejn il-Madonna, waħda minna, kreatura, ħlejqa sabiħa ta’ Alla mnissla mingħajr tebgħa tad-dnub—naqra differenti minna—imma l-missjoni tagħha wkoll kienet differenti min tagħna! Imma kif jgħid ukoll l-Appostlu Missierna San Pawl bħalma smajna fit-Tieni Qari, aħna msejħin għal destin sabiħ biex inkunu gglorifkati. Ħuti, dan mhux destin irħis, għandu prezz. Kultant aħna ngħidu ‘ajma’. Naħsbu fil-kmandamenti u għandna raġun! Imma ma naqtgħux qalbna għax Alla jħobbna, ippredestinana, jiġifieri għażel destin sabiħ għalina.

… ħafrilna, għamilna ġusti, mhux bil-qawwa tagħna imma bil-maħfra tiegħu.

X’inhu d-destin? Li nieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ ibnu. Dan hu d-destin tagħna: li aħna jkollna s-sura ta’ Ġesù msallab imma wkoll irxuxat. Sejħilna, iġġustifikana jiġifieri ħafrilna, għamilna ġusti, mhux bil-qawwa tagħna imma bil-maħfra tiegħu. U meta ġġustifikana għamilna ġusti, igglorifikana wkoll. Id-destin tal-Assunta huwa d-destin tagħna wkoll, kulħadd kif imissu. Meta nidfnu lil xi ħadd għażiż għalina ma mmorrux wara tlitt ijiem u nippretendu li l-katavru m’għadux hemm, sewwa? Irridu nistennew il-mument tal-Mulej. Imma l-Madonna hija għalina sinjal ta’ tama, sinjal ta’ kemm iħobbna l-Mulej Ġesù, ta’ kemm ħabb lill-umanità tiegħu.

Aħna llum bir-raġun lill-Assunta, lil Santa Marija, inqimuha bħala ommna għaliex fuq is-salib Ġesù tahielna bħala ommna. Il-maternità adottiva li kienet għal San Ġwann, hija wkoll għalina. Imma nitolbuha, b’mod speċjali aħna, li ħafna drabi ninsew id-destin tagħna u naħsbu li kollox se jispiċċa b’dawn l-erbat ijiem. Mhux miżeri nkunu aħna li nagħmlu erbat ijiem ta’ taħbit, sħana fis-sajf u kesħa fix-xitwa biex imbagħad jispiċċa kollox? Tgħid almenu nieħu paċenzja biex ingawdi għal dejjem!

U tajjeb li l-Madonna tfakkarna f’din il-ħaġa. Kultant ngħid li kollox jispiċċa mal-mewt u aħjar tgawdi għax ma nafux x’ġej wara! Imissu m’hemm xejn! Inkunu, bħalma jgħid San Pawl, verament boloh. Imma nemmen li llum ma ġejniex hawnhekk għalxejn waqt li qegħdin inbatu ftit is-sħana. Ġejna biex nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-privileġġ kbir li bih żejjen lil ommu, lil Santa Marija. Għaddieha mill-glorja ta’ ibnu, li l-qabar tagħha huwa vojt.

Fil-qabar tal-Madonna f’Ġerusalemm l-Ortodossi għandhom tradizzjoni sabiħa li jużaw ħafna inċens u l-ħin kollu jinċensw il-qabar, allura meta tidħol fih, tidħol f’ambjent ta’ fwieħa kbira. U tgħid: ‘Kemm hi ħaġa sabiħa, jiena ġejt inżur il-qabar tal-Madona imma mdawwar bil-fwieħa tal-qawmien mill-imwiet’. Dan huwa l-inċens li qed nużaw illum! Għax il-qabar tal-Madonna ma rax il-kruha u lanqas l-intiena tat-taħsir. Imma ra l-fwieħa tal-virtù, il-fwieħa tal-glorja,

U għalhekk nikkonkludi bit-talba sabiħa li għedna fis-Salm Responsorjali. Lill-Madonna għednielha: “Nimxu warajk kull fejn teħodna”. Hi marret għand Eliżabetta biex tagħmel il-karità, marret ħdejn binha anke fil-mument tas-salib, ma ħartbitx. Għaddiet ukoll mill-glorja. “Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija”.

Viva Santa Marija!

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 66, 10-14
Salm: 14, 1-2, 3-4
Qari II: Rum 8, 28-30
Evanġelju: Ġw 19, 25-27

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.